Ġwanni 4:1-54

4  Issa, meta l-​Mulej intebaħ li l-​Fariżej kienu semgħu li Ġesù kien qed jagħmel u jgħammed+ iktar dixxipli minn Ġwanni—  għalkemm, tabilħaqq, Ġesù nnifsu ma kienx jgħammed imma d-​dixxipli tiegħu—  ħalla l-​Lhudija u telaq mill-​ġdid lejn il-​Galilija.  Imma kien jeħtieġlu jgħaddi mis-​Samarija.+  Għaldaqstant ġie f’belt tas-​Samarija, jisimha Sikar, qrib l-​għalqa li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi.+  Fil-fatt, hemmhekk kien hemm l-​għajn taʼ Ġakobb.+ Issa, billi kien għajjien mill-​vjaġġ, Ġesù qagħad bil-​qiegħda ħdejn l-​għajn kif kien. Kienet madwar is-​sitt siegħa.*  Imbagħad ġiet mara mis-​Samarija ttellaʼ l-​ilma. Qalilha Ġesù: “Agħtini nixrob.”  (Għax id-​dixxipli tiegħu kienu marru l-​belt jixtru l-​ikel.)  Għalhekk, il-​mara Samaritana qaltlu: “Dan kif, minkejja li int Lhudi, titlobni biex tixrob, meta jien mara Samaritana?” (Għax il-​Lhud ma jagħmluhiex mas-​Samaritani.)+ 10  Ġesù wieġeb u qalilha: “Kieku għaraft l-​għotja b’xejn+ mingħand Alla u min+ qed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kont titolbu int, u kien jagħtik ilma ħaj.”+ 11  Qaltlu: “Sinjur, lanqas biss għandek barmil biex ittellaʼ l-​ilma, u l-​bir fond. Għalhekk, minfejn se ġġibu dan l-​ilma ħaj? 12  M’intix akbar+ minn missierna Ġakobb, li tana l-​bir u li hu stess xorob minnu flimkien maʼ wliedu u l-​bhejjem tiegħu, hux hekk?” 13  Ġesù wieġeb u qalilha: “Kulmin jixrob minn dan l-​ilma jerġaʼ jaqbdu l-​għatx. 14  Kulmin jixrob mill-​ilma li nagħtih jien qatt iktar ma jaqbdu għatx,+ imma l-​ilma li nagħtih jien isir fih għajn taʼ ilma ġieri+ biex jagħtih il-​ħajja taʼ dejjem.”+ 15  Il-mara qaltlu: “Sinjur, agħtini dan l-​ilma, sabiex la jaqbadni għatx u lanqas noqgħod ġejja u sejra f’dan il-​post biex intellaʼ l-​ilma.” 16  Qalilha: “Mur sejjaħ lil żewġek u ejja hawnhekk.” 17  Il-mara wieġbet u qaltlu: “M’iniex miżżewġa.” Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt, ‘M’iniex miżżewġa.’ 18  Għax kont miżżewġa ħames darbiet u r-​raġel li għandek issa m’huwiex żewġek. Dan int għedtu bil-​verità kollha.” 19  Qaltlu l-​mara: “Sinjur, qed nara li int profeta.+ 20  Missirijietna qiemu fuq din il-​muntanja;+ imma intom tgħidu li f’Ġerusalemm hu l-​post fejn in-​nies għandhom iqimu.”+ 21  Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, Ġejja s-​siegħa meta la fuq din il-​muntanja u lanqas f’Ġerusalemm+ ma tqimuh+ lill-​Missier. 22  Intom tqimu dak li ma tafux;+ aħna nqimu dak li nafu, għax is-​salvazzjoni toriġina mil-​Lhud.+ 23  Madankollu, ġejja s-​siegħa, u hi issa, meta l-​aduraturi veri jqimu lill-​Missier bl-​ispirtu+ u l-​verità,+ għax, tabilħaqq, il-​Missier qed ifittex nies bħal dawn biex iqimuh.+ 24  Alla hu Spirtu,+ u dawk li jqimuh iridu jqimu bl-​ispirtu u l-​verità.”+ 25  Qaltlu l-​mara: “Naf li ġej il-​Messija,+ li jgħidulu Kristu.+ Meta jasal, ixandrilna kollox bil-​miftuħ.” 26  Qalilha Ġesù: “Jien hu, li qed nitkellem miegħek.”+ 27  F’dan il-​waqt waslu d-​dixxipli tiegħu u bdew jistagħġbu għax kien qed jitkellem maʼ mara. Naturalment, ħadd ma qal: “Xi trid?” jew, “Għala qed tkellimha?” 28  Għalhekk, il-​mara ħalliet warajha l-​ġarra taʼ l-​ilma u daħlet il-​belt u qalet lin-​nies: 29  “Ejjew araw raġel li qalli kulma għamilt. M’huwiex dan forsi l-​Kristu,+ hux?” 30  Huma ħarġu mill-​belt u bdew ġejjin lejh. 31  Sadanittant, id-​dixxipli tiegħu kienu qed iħeġġuh u jgħidulu: “Rabbi,+ kul.” 32  Imma hu qalilhom: “Għandi ikel x’niekol li ma tafux bih.” 33  Għalhekk, id-​dixxipli bdew jgħidu lil xulxin: “Ħadd ma ġablu x’jiekol, hux?” 34  Qalilhom Ġesù: “L-​ikel+ tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda+ taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.+ 35  Ma tgħidux li għad baqaʼ erbaʼ xhur għall-​ħsad? Ara! Ngħidilkom: Erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn l-​għelieqi, kif inhuma bojod għall-​ħsad.+ Diġà 36  l-ħassâd qed jitħallas u jiġbor il-​frott għall-​ħajja taʼ dejjem,+ u b’hekk min jiżraʼ+ u min jaħsad jifirħu flimkien.+ 37  Tabilħaqq, f’dan ir-​rigward veru l-​kliem, Wieħed jiżraʼ u l-​ieħor jaħsad. 38  Jien bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih. Oħrajn tħabtu,+ u intom ibbenefikajtu mit-​taħbit tagħhom.” 39  Issa ħafna mis-​Samaritani minn dik il-​belt poġġew il-​fidi+ fih minħabba l-​kelma li xehdet il-​mara: “Hu qalli kulma għamilt.”+ 40  Għalhekk, meta s-​Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh joqgħod magħhom; u qagħad hemmhekk jumejn.+ 41  Għaldaqstant, ħafna iktar nies emmnu minħabba kliemu,+ 42  u bdew jgħidu lill-​mara: “Qed nemmnu, mhux iktar minħabba dak li għedtilna int, imma għax smajnieh aħna stess+ u nafu li dan ir-​raġel żgur hu s-​salvatur+ tad-​dinja.” 43  Wara l-​jumejn, telaq minn hemmhekk lejn il-​Galilija.+ 44  Madankollu, Ġesù nnifsu xehed li profeta m’huwiex onorat f’pajjiżu stess.+ 45  U meta wasal il-​Galilija, il-​Galilin laqgħuh għax kienu raw kulma għamel f’Ġerusalemm fil-​festa,+ peress li huma wkoll kienu marru għall-​festa.+ 46  Għalhekk, reġaʼ ġie f’Kana+ tal-​Galilija, fejn kien biddel l-​ilma fi nbid.+ Issa kien hemm wieħed qaddej tas-​sultan li kellu ibnu marid f’Kafarnahum.+ 47  Meta dan ir-​raġel semaʼ li Ġesù kien telaq mil-​Lhudija u ġie l-​Galilija, mar għandu u beda jitolbu biex jinżel u jfejjaq lil ibnu, għax dan kien wasal biex imut. 48  Madankollu, Ġesù qallu: “Jekk ma tarawx sinjali+ u għeġubijiet,+ żgur ma temmnux.” 49  Qallu l-​qaddej tas-​sultan: “Mulej, inżel qabel ma jmutli t-​tifel.” 50  Qallu Ġesù: “Mur;+ ibnek jgħix.”+ Ir-​raġel emmen dak li qallu Ġesù u telaq. 51  Issa, hu u nieżel, l-​ilsiera tiegħu ltaqgħu miegħu biex jgħidulu li t-​tifel tiegħu kien ħaj.+ 52  Għalhekk, beda jistaqsihom is-​siegħa li fiha għadda għall-​aħjar. U qalulu: “Il-​bieraħ fis-​sebaʼ siegħa* ħallieh id-​deni.”+ 53  Għalhekk, il-​missier kien jaf li din kienet l-​istess siegħa+ li fiha Ġesù qallu: “Ibnek jgħix.” U emmen hu u daru kollha.+ 54  Jerġaʼ dan kien it-​tieni sinjal+ li għamel Ġesù meta telaq mil-​Lhudija u ġie l-​Galilija.

Noti taʼ taħt

Madwar nofsinhar, tibda tgħodd minn tlugħ ix-​xemx.
Madwar is-​1 p.m., tibda tgħodd minn tlugħ ix-​xemx.