Ġwanni 21:1-25

21  Wara dan, Ġesù reġaʼ deher lid-​dixxipli ħdejn il-​baħar taʼ Tiberija; u deher b’dan il-​mod.  Kien hemm flimkien Xmun Pietru u Tumas, li kienu jgħidulu t-​Tewmi,+ u Natanjel+ minn Kana tal-​Galilija u wlied Żebedew+ u tnejn oħra mid-​dixxipli tiegħu.  Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad.” Qalulu: “Aħna wkoll ġejjin miegħek.” Telqu ’l barra u telgħu fid-​dgħajsa, imma matul dak il-​lejl ma qabdu xejn.+  Kif kien qed jisbaħ, Ġesù qagħad fuq ix-​xatt, imma d-​dixxipli, naturalment, m’għarfuhx li kien Ġesù.+  Imbagħad Ġesù qalilhom: “Uliedi żgħar, għandkom x’tieklu?” Wiġbuh: “Le!”  Qalilhom: “Itfgħu x-​xibka fuq in-​naħa tal-​lemin tad-​dgħajsa u ssibu xi ftit.”+ Imbagħad huma tefgħuha, imma issa ma setgħux itellgħuha minħabba l-​kwantità taʼ ħut.+  Għalhekk, dak id-​dixxiplu li Ġesù kien iħobb+ qal lil Pietru:+ “Dak il-​Mulej!” Għaldaqstant, malli semaʼ li kien il-​Mulej, Xmun Pietru tħażżem bil-​libsa tiegħu, għax kien bla ħwejjeġ, u ntefaʼ l-​baħar.  Imma d-​dixxipli l-​oħra ġew bid-​dgħajsa ż-​żgħira jkaxkru x-​xibka tal-​ħut, għax ma kinux ’il bogħod mill-​art, madwar disgħin metru biss.  Meta niżlu l-​art lemħu nar tal-​faħam+ u l-​ħut fuqu u l-​ħobż. 10  Ġesù qalilhom: “Ġibu ftit mill-​ħut li għadkom kif qbadtu.” 11  Għalhekk, Xmun Pietru telaʼ fid-​dgħajsa u ġibed lejn l-​art ix-​xibka mimlija ħut kbir, mija u tlieta u ħamsin ħuta. Imma għalkemm kien hemm daqstant ix-​xibka ma nqasmitx. 12  Qalilhom Ġesù: “Ejjew ħudu l-​kolazzjon.”+ Ħadd mid-​dixxipli ma kellu l-​kuraġġ jistaqsih: “Min int?” għax kienu jafu li kien il-​Mulej. 13  Ġesù resaq u ħa l-​ħobż u tahulhom,+ u l-​istess il-​ħut. 14  Issa din kienet it-​tielet darba+ li Ġesù deher lid-​dixxipli wara li ġie mqajjem mill-​imwiet. 15  Imbagħad, meta kienu ħadu l-​kolazzjon, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int iktar minn dawn?”+ Qallu: “Iva, Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.”+ Qallu: “Itmaʼ l-​ħrief tiegħi.”+ 16  Reġaʼ qallu t-​tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni+ int?” Qallu: “Iva, Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.” Qallu: “Irgħa n-​nagħaġ ċkejknin tiegħi.”+ 17  Qallu għat-​tielet darba: “Xmun bin Ġwanni, għandek int affezzjoni lejja?” Pietru tnikket li qallu t-​tielet darba: “Għandek int affezzjoni lejja?” Għalhekk, qallu: “Mulej, int taf kollox,+ u taf li għandi affezzjoni lejk.” Qallu Ġesù: “Itmaʼ n-​nagħaġ ċkejknin tiegħi.+ 18  Tassew, tassew, ngħidlek, Meta int kont iżgħar, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid. Imma meta tixjieħ se toħroġ idejk u ħaddieħor iħażżmek+ u jieħdok fejn ma tixtieqx.”+ 19  Dan qalu biex ifisser b’liema mewta+ kellu jigglorifika lil Alla.+ U x’ħin qal dan, qallu: “Ibqaʼ miexi warajja.”+ 20  X’ħin ħares lura, Pietru ra miexi warajhom lid-​dixxiplu li Ġesù kien iħobb,+ dak li fl-​ikla taʼ fil-​għaxija kien ukoll intelaq lura fuq sidru u qallu: “Mulej, min hu dak li se jittradik?” 21  Għaldaqstant, meta lemħu, Pietru qal lil Ġesù: “Mulej, dan ir-​raġel x’se jagħmel?” 22  Qallu Ġesù: “Jekk irridu jibqaʼ sakemm niġi jien,+ int x’jinteressak? Int ibqaʼ miexi warajja.” 23  Minħabba dan, fost l-​aħwa kien jingħad li dak id-​dixxiplu ma kienx se jmut. Madankollu, Ġesù ma qallux li ma kienx se jmut, iżda: “Jekk irridu jibqaʼ+ sakemm niġi jien, int x’jinteressak?” 24  Dan hu d-​dixxiplu+ li jixhed dwar dawn l-​affarijiet u li kitibhom, u nafu li x-​xiehda li jagħti hi vera.+ 25  Fil-fatt, hemm ukoll ħafna affarijiet oħra li għamel Ġesù, u li kieku kellhom jinkitbu sa l-​iċken dettall, naħseb jien, id-​dinja nfisha ma kinitx tesaʼ r-​rombli miktubin.+

Noti taʼ taħt