Ġwanni 13:1-38

13  Peress li minn qabel il-​festa tal-​Qbiż kien jaf li kienet waslet is-​siegħa tiegħu+ biex imur minn din id-​dinja għal għand Missieru,+ Ġesù, għax ħabb lil tiegħu li kienu fid-​dinja,+ baqaʼ jħobbhom sa l-​aħħar.  Issa kienu waqt l-​ikla taʼ fil-​għaxija. Ix-​Xitan kien diġà daħħalha f’qalb Ġuda l-​Iskarjota,+ bin Xmun, biex jittradih.+  Billi kien jaf li l-​Missier tah kollox f’idejh+ u li kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla,+ Ġesù  qam mill-​ikla taʼ fil-​għaxija u poġġa l-​mantar tiegħu fil-​ġenb. U qabad xugaman u tħażżem.+  Imbagħad, poġġa l-​ilma ġo friskatur u beda jaħsel saqajn+ id-​dixxipli u jixxottahomlhom bix-​xugaman li kien imħażżem bih.  U wasal ħdejn Xmun Pietru. Dan qallu: “Mulej, se taħsilli saqajja?”+  Ġesù wieġeb u qallu: “Dak li qed nagħmel ma tifhmux għalissa, imma tifhmu iktar ’il quddiem.”+  Qallu Pietru: “Żgur li qatt m’int se taħsilli saqajja.” Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsilhomlokx,+ ma jkollok ebda sehem miegħi.”  Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma wkoll idejja u rasi.” 10  Qallu Ġesù: “Min inħasel,+ saqajh biss għandu bżonn jinħaslulu, għax ikun nadif kollu kemm hu. U intom nodfa, imma mhux ilkoll.” 11  Fil-fatt, kien jaf min kien se jittradih.+ Għalhekk qal: “M’intomx ilkoll nodfa.” 12  Issa, meta kien ħaslilhom saqajhom u libes il-​mantar, reġaʼ qagħad mal-​mejda u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? 13  Intom issejħuli, ‘Għalliem,’+ u, ‘Mulej,’+ u sewwa tgħidu, għax hekk jien.+ 14  Għalhekk, jekk jien, għalkemm Mulej u Għalliem, ħsiltilkom saqajkom,+ intom ukoll għandkom taħslu saqajn xulxin.+ 15  Għax ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.+ 16  Tassew, tassew, ngħidilkom, L-​ilsir mhux akbar minn sidu, lanqas il-​mibgħut m’hu akbar minn dak li bagħtu.+ 17  Jekk tafu dan, henjin intom jekk tagħmluh.+ 18  M’iniex qed ngħid għalikom ilkoll; naf lil min għażilt.+ Imma dan sabiex titwettaq l-​Iskrittura,+ ‘Dak li kien jiekol mill-​ħobż tiegħi għolla għarqubu kontrija.’+ 19  Qed ngħidilkom minn issa qabel ma jiġri,+ sabiex meta jiġri, temmnu li jien hu. 20  Tassew, tassew, ngħidilkom, Min jilqaʼ lil min nibgħat jien, jilqaʼ lili wkoll.+ U min jilqaʼ lili, jilqaʼ wkoll lil dak li bagħatni.”+ 21  Wara li qal dan, Ġesù tnikket fl-​ispirtu tiegħu, u xehed u qal: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Wieħed minnkom se jittradini.”+ 22  Id-dixxipli bdew iħarsu lejn xulxin, għax ma kinux jafu għal min kien qed jgħid dan.+ 23  Kien hemm bil-​qiegħda qrib ħdan Ġesù wieħed mid-​dixxipli tiegħu, u Ġesù kien iħobbu.+ 24  Għalhekk, Xmun Pietru għamillu sinjal b’rasu u qallu: “Għidlu għal min qed jgħid.” 25  Għalhekk, dan id-​dixxiplu ntelaq lura fuq sider Ġesù u qallu: “Mulej, min hu?”+ 26  Imbagħad, Ġesù wieġbu: “Hu dak li se nagħtih il-​loqma li nbill.”+ U wara li bill il-​loqma, qabad u taha lil Ġuda, bin Xmun l-​Iskarjota. 27  U wara li Ġuda ħa l-​loqma daħal fih Satana.+ Għalhekk, Ġesù qallu: “Dak li se tagħmel, agħmlu iktar malajr.” 28  Madankollu, ħadd minn dawk li kienu mal-​mejda ma kien jaf għal liema skop qallu dan. 29  Fil-fatt, peress li Ġuda kien iżomm il-​kaxxa tal-​flus,+ xi wħud kienu qed jimmaġinaw li Ġesù kien qed jgħidlu: “Ixtri dak li għandna bżonn għall-​festa,” jew biex jagħti xi ħaġa lill-​foqra.+ 30  Għalhekk, wara li ngħata l-​loqma, ħareġ minnufih. U kien bil-​lejl.+ 31  Wara li ħareġ, Ġesù qal: “Issa Bin il-​bniedem hu glorifikat,+ u Alla hu glorifikat permezz tiegħu. 32  Alla nnifsu jigglorifikah,+ u se jigglorifikah minnufih. 33  Uliedi ċkejknin,+ qiegħed magħkom ftit ieħor. Tfittxuni; u bħalma għedt lil-​Lhud, ‘Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu,’+ l-​istess ngħid lilkom fil-​preżent. 34  Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien,+ ħobbu intom ukoll lil xulxin.+ 35  B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”+ 36  Qallu Xmun Pietru: “Mulej, fejn sejjer?” Ġesù wieġbu: “Fejn sejjer jien int ma tistax tiġi warajja issa, imma tiġi warajja iktar tard.”+ 37  Qallu Pietru: “Mulej, għala ma nistax niġi warajk fil-​preżent? Jien nagħti ruħi għalik.”+ 38  Ġesù wieġbu: “Tagħti ruħek għalija? Tassew, tassew, ngħidlek, Żgur ma jiddinx is-​serduq qabel ma tkun ċħadtni tliet darbiet.”+

Noti taʼ taħt