Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġob 41:1-34

41  “Tistaʼ tiġbed lil Levjatan*+ b’sunnara, Jew b’ħabel iżżommlu lsienu ’l isfel?   Tistaʼ tqegħedlu ħabel magħmul mill-ħaxix* fi mnifsejh,+ Jew tistaʼ b’xewka ttaqqablu x-xedaq?   Joqgħod hu jitolbok bil-ħrara, Jew jgħidlek xi kliem ħelu?   Jagħmel patt miegħek, Sabiex tieħdu bħala lsir għal żmien indefinit?   Tilgħab bih bħalma tilgħab b’għasfur, Jew torbtu biex jilagħbu bih it-tfajliet tiegħek?   L-imseħbin fin-negozju jpartuh maʼ xi ħaġa oħra? Jaqsmuh bejniethom in-negozjanti?   Timlielu int ġildu bil-vleġeġ,+ Jew rasu bil-foxxni?   Midd idek fuqu. Ftakar fit-taqbida. Terġax tagħmel dan.   Ara! Tiġi fix-xejn l-istennija taʼ dak li jkun. Wieħed lanqas jilħaq jarah li ma jinstabatx. 10  Ħadd ma jażżarda jqajmu. U min għandu l-ħila jibqaʼ wieqaf quddiemi?+ 11  Min tani xi ħaġa l-ewwel, biex ikolli nippremjah?+ Taħt is-smewwiet kollha hu tiegħi.+ 12  Ma nibqax sieket dwar il-partijiet tiegħu Jew dwar is-saħħa u l-forma sabiħa taʼ ġismu. 13  Min ineżżagħlu lbiesu? Min jidħol fix-xedaq doppju tiegħu? 14  Min jiftaħ il-bibien taʼ ħalqu? Snienu dawramejt huma tal-biżaʼ. 15  Ringieli taʼ qxur huma l-kburija tiegħu, Magħluqin bħallikieku b’siġill marsus. 16  Waħda marbuta sew maʼ l-oħra, U lanqas saħansitra l-arja ma tgħaddi minn bejniethom. 17  Kull waħda maʼ l-oħra mwaħħlin flimkien; Imqabbdin maʼ xulxin u ma jistgħux jiġu mifrudin. 18  Mill-għatis tiegħu joħroġ id-dawl, U għajnejh huma bħad-dija taż-żerniq. 19  Minn ħalqu joħorġu leħħiet taʼ beraq, U joħroġ ukoll xrar tan-nar. 20  Minn imnifsejh joħroġ id-duħħan, Bħal forn imqabbad bil-ħaxix. 21  Ruħu tqabbad il-faħam, U saħansitra fjamma toħroġ minn ħalqu. 22  F’għonqu tinsab is-saħħa, U quddiemu jaqbeż id-disprament. 23  Is-saffi taʼ laħmu mqabbdin flimkien; Huma bħal xi ħaġa iebsa fuqu, ma jitħarrkux. 24  Qalbu iebsa daqs ġebla, Iva, iebsa daqs ġebla taʼ taħt tal-mitħna. 25  Malli jqum, dawk b’saħħithom jibżgħu;+ Bit-twerwir, jitħawdu. 26  Meta jolqtu, is-sejf xejn ma jagħmillu, Lanqas il-lanza, il-vleġġa, jew il-ġavellott.+ 27  Il-ħadid+ iqisu bħal sempliċi tiben, Ir-ram aħmar bħal sempliċi injam immermer. 28  Vleġġa ma ġġegħlux jaħrab; Il-ġebel taʼ l-iżbandola+ għalih isir sempliċi tiben.* 29  Mazza jqisha bħal sempliċi tibna,+ U jidħaq bit-tixjir taʼ lanza.* 30  Il-partijiet taʼ taħt tiegħu huma bħal biċċiet tal-fuħħar bil-ponta; Jifrex bħallikieku għodda tad-dris+ fuq it-tajn. 31  Jġiegħel il-qiegħ jagħli bħalma tagħli borma; Jagħmel il-baħar qisu borma li fiha jħalltu l-ingwent. 32  Warajh iħalli mogħdija tleqq; L-ilmijiet fondi jkunu qishom xagħar griż. 33  Fuq it-trab m’hemmx bħalu, Dak li hu magħmul biex ma jitwerwirx. 34  Kulma hu għoli jarah. Hu sultan fuq il-bhejjem salvaġġi u maestużi kollha.”

Noti taʼ taħt

Possibbilment “kukkudrill” jew “mostru tal-baħar.”
Letteralment, “simar.” F’vers 20 ukoll.
Letteralment, “qasbija.” Ara Eżo 5:12, in-nota taʼ taħt.
Letteralment, “ġavellott.”