Ġożwè 5:1-15

5  U ġara li malli s-​slaten kollha taʼ l-​Amurrin,+ li kienu fuq in-​naħa tal-​Ġordan lejn il-​punent, u s-​slaten kollha tal-​Kangħanin,+ li kienu ħdejn il-​baħar, semgħu li Ġeħova kien nixxef l-​ilmijiet tal-​Ġordan minn quddiem ulied Israel sakemm kienu qasmu, imbagħad qlubhom bdew idubu,+ u ma kien baqgħalhom ebda spirtu fihom minħabba wlied Israel.+  F’dak iż-​żmien partikulari Ġeħova qal lil Ġożwè: “Agħmel skieken taż-​żnied u erġaʼ agħmel iċ-​ċirkonċiżjoni+ lil ulied Israel, it-​tieni darba.”  Fi qbil maʼ dan, Ġożwè għamel skieken taż-​żnied u għamel iċ-​ċirkonċiżjoni lil ulied Israel f’Gibegħat-għaralot.+  U din kienet ir-​raġuni għala Ġożwè għamel iċ-​ċirkonċiżjoni: in-​nies kollha li kienu ħarġu mill-​Eġittu, l-​irġiel, iva, l-​irġiel kollha tal-​gwerra, kienu mietu+ fix-​xagħri fit-​triq wara li ħarġu mill-​Eġittu.  Għax in-​nies kollha li ħarġu kienu ċirkonċiżi, imma dawk kollha li twieldu fix-​xagħri fit-​triq wara li ħarġu mill-​Eġittu ma kinux għamlulhom iċ-​ċirkonċiżjoni.  Għax ulied Israel kienu mxew erbgħin sena+ fix-​xagħri, sakemm intemm il-​ġens kollu taʼ l-​irġiel tal-​gwerra li ħarġu mill-​Eġittu u li ma semgħux minn leħen Ġeħova. Lilhom Ġeħova kien ħalfilhom li qatt ma kien se jħallihom jaraw l-​art+ li Ġeħova kien ħalef lil missirijiethom li se jagħtihielna,+ art li tnixxi ħalib u għasel.+  U qajjem lil uliedhom minflokhom.+ Lil dawn Ġożwè għamlilhom iċ-​ċirkonċiżjoni, għax ma kinux ċirkonċiżi, billi ma kinux għamlulhom iċ-​ċirkonċiżjoni fit-​triq.  U ġara li meta kienu lestew jagħmlu ċ-​ċirkonċiżjoni lill-​ġens kollu, huma baqgħu bil-​qiegħda f’posthom fil-​kamp sakemm reġgħu ħadu r-​ruħ.+  Imbagħad Ġeħova qal lil Ġożwè: “Illum jien neħħejt* it-​tmaqdir taʼ l-​Eġittu minn fuqkom.”+ Għalhekk, isem dak il-​post beda jissejjaħ Gilgal*+ u għadu hekk sa llum. 10  U wlied Israel komplew jikkampjaw f’Gilgal, u għamlu l-​Qbiż fl-​erbatax-il jum tax-​xahar,+ fil-​għaxija, fuq il-​pjanuri tad-​deżert taʼ Ġeriko. 11  U bdew jieklu ftit mill-​prodott taʼ l-​art l-​għada tal-​Qbiż, ħobż bla ħmira+ u qmuħ inkaljati, f’dan l-​istess jum. 12  Imbagħad il-​manna waqfet l-​għada meta kienu kielu ftit mill-​prodott taʼ l-​art, u l-​manna ma niżlitx iktar għal ulied Israel,+ u dik is-​sena bdew jieklu ftit mill-​prodott taʼ l-​art taʼ Kangħan.+ 13  U ġara li meta Ġożwè kien ħdejn Ġeriko, hu refaʼ għajnejh u lemaħ raġel+ wieqaf quddiemu b’sejfu mislut f’idu.+ Għalhekk, Ġożwè mexa għal ħdejh u qallu: “Int favur tagħna jew favur l-​avversarji tagħna?” 14  Għal dan, hu qal: “Le, imma jien—bħala prinċep taʼ l-​armata taʼ Ġeħova ġejt issa.”+ Għaldaqstant, Ġożwè niżel wiċċu fl-​art u nxteħet għal tulu+ u qallu: “X’qiegħed jgħid sidi lill-​qaddej tiegħu?” 15  Min-naħa tiegħu l-​prinċep taʼ l-​armata taʼ Ġeħova qal lil Ġożwè: “Neħħi s-​sandli minn saqajk, għax il-​post li wieqaf fuqu hu qaddis.” Minnufih Ġożwè għamel hekk.+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “gerbibt ’l hemm.”
Ifisser “Tgerbib ’l Hemm.”