Ġożwè 2:1-24

2  Imbagħad Ġożwè bin Nun bagħat lil żewġt irġiel bil-​moħbi minn Sittim+ bħala spiji, billi qal: “Morru araw l-​art u ’l Ġeriko.” Għalhekk, marru u waslu fid-​dar taʼ prostituta jisimha Raħab,+ u qagħdu hemmhekk.  U lis-​sultan taʼ Ġeriko qalulu: “Ara! Xi rġiel minn ulied Israel daħlu hawnhekk dal-lejl biex jitkixxfu l-​art.”  Għal dan, is-​sultan taʼ Ġeriko bagħat għal Raħab, u qalilha: “Oħroġ lill-​irġiel li ġew għandek, li ġew id-​dar tiegħek, għax huma ġew jitkixxfu l-​art kollha.”+  Sadanittant, il-​mara kienet ħadet liż-​żewġt irġiel u ħbiethom. U qalet: “Iva, l-​irġiel tassew ġew għandi, u ma kontx naf minfejn kienu.  U meta mad-​dlam ngħalaq il-​bieb,+ l-​irġiel ħarġu. Ma nafx fejn marru. Iġru warajhom malajr u tilħquhom.”  (Imma hi kienet tellgħethom fuq il-​bejt,+ u żammithom moħbijin qalb ir-​ringieli taʼ zkuk tal-​kittien li kellha fuq il-​bejt.)  U l-​irġiel ġrew warajhom fid-​direzzjoni tal-​Ġordan fejn l-​ilma kien baxx,+ u hekk kif ħarġu dawk li kienu qed jiġru warajhom ngħalaq il-​bieb mill-​ewwel.  U qabel l-​irġiel setgħu jimteddu, hi telgħet ħdejhom fuq il-​bejt  u qaltilhom: “Jien tassew naf li Ġeħova se jagħtikom l-​art,+ u li waqaʼ fuqna l-​biżaʼ minnkom,+ u li l-​abitanti kollha tal-​pajjiż għandhom qalbhom maqtugħa minħabba fikom.+ 10  Għax aħna smajna kif Ġeħova nixxef l-​ilmijiet tal-​Baħar l-​Aħmar minn quddiemkom meta ħriġtu mill-​Eġittu,+ u x’għamiltu liż-​żewġ slaten taʼ l-​Amurrin li kienu fuq in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan, jiġifieri, Siħon+ u Għog,+ li lilhom intom qridtu għalkollox.*+ 11  Meta smajna dan qlubna bdew idubu,+ u ma kellniex l-​ispirtu biex niqfulkom,+ għax Ġeħova Alla tagħkom hu Alla fis-​smewwiet hemm fuq u fuq l-​art hawn taħt.+ 12  U issa, jekk jogħġobkom, aħilfuli b’Ġeħova+ li, talli wrejt qalb tajba bl-​imħabba magħkom, intom ukoll turu qalb tajba bl-​imħabba man-​nies taʼ dar missieri,+ u tridu tagħtuni sinjal taʼ min jafdah.+ 13  U tridu żżommu ħaj lil missieri+ u lil ommi u lil ħuti subien u bniet u lil dawk kollha li huma tagħhom, u eħilsulna ruħna mill-​mewt.”+ 14  Għal dan, l-​irġiel qalulha: “Ħa mmutu aħna* minflokkom!+ Jekk ma tgħidu xejn b’din l-​affari tagħna, irid iseħħ li meta Ġeħova jagħtina l-​art, aħna wkoll nuru qalb tajba bl-​imħabba u fedeltà magħkom.”+ 15  Wara dan, hi niżżlithom b’ħabel minn ġot-​tieqa, għax id-​dar tagħha kienet fuq naħa waħda tas-​sur, u hi kienet toqgħod fuq is-​sur.+ 16  U qaltilhom: “Morru lejn il-​muntanji, biex dawk li qed jiġru warajkom ma jiltaqgħux magħkom; u ibqgħu moħbijin hemmhekk tlett ijiem, sakemm dawk li qed jiġru warajkom ikunu ġew lura, u wara tistgħu tmorru fi triqitkom.” 17  Min-naħa tagħhom l-​irġiel qalulha: “Aħna ħelsin mill-​ħtija rigward din il-​ħalfa tiegħek li ġegħeltna naħilfu.+ 18  Ara! Aħna deħlin fl-​art. U int għandek torbot din il-​qafla tal-​ħajt taʼ l-​iskarlat fit-​tieqa li niżżiltna minnha, u lil missierek u ’l ommok u ’l ħutek u lin-​nies kollha taʼ dar missierek għandek tiġborhom miegħek fid-​dar.+ 19  U jrid iseħħ li kulmin joħroġ mill-​bibien taʼ darek fil-​beraħ,+ demmu jkun fuq rasu, u aħna nkunu ħelsin mill-​ħtija; u kulmin jibqaʼ miegħek fid-​dar, demmu jkun fuq rasna jekk xi ħadd imidd idu fuqu. 20  U jekk tirrapporta din l-​affari tagħna,+ aħna wkoll se nkunu nħlisna mill-​ħtija rigward din il-​ħalfa tiegħek li ġegħeltna naħilfu.” 21  Għal dan, hi qalet: “Ħa jseħħ skond kliemkom.” U bagħtithom, u huma marru fi triqithom. Imbagħad hi rabtet il-​qafla taʼ l-​iskarlat fit-​tieqa. 22  Għalhekk, huma telqu u waslu fil-​muntanji u baqgħu jgħammru hemmhekk tlett ijiem, sakemm dawk li kienu qed jiġru warajhom kienu marru lura. Issa dawk li kienu qed jiġru warajhom fittxewhom f’kull triq, u ma sabuhomx. 23  U ż-​żewġt irġiel niżlu mill-​ġdid minn fuq il-​muntanji u qasmu għan-​naħa l-​oħra u ġew għand Ġożwè bin Nun, u bdew jirrakkontawlu kulma kien ġralhom. 24  U qalu lil Ġożwè: “Ġeħova ta l-​art kollha f’idejna.+ Għaldaqstant, l-​abitanti kollha taʼ l-​art għandhom qalbhom maqtugħa minħabba fina.”+

Noti taʼ taħt

Jew, “iddedikajtu għall-​qerda.” Ara Eżo 22:20, in-​nota taʼ taħt.
Letteralment, “Ħa jmutu erwieħna.”