Ġeremija 9:1-26

9  O li kieku rasi kienet ilma, u għajnejja nixxiegħa taʼ dmugħ!+ Kieku lejl u nhar kont inkun nistaʼ nibki għall-​maqtulin taʼ bint il-​poplu tiegħi.+  O li kieku kelli post fejn noqgħod fix-​xagħri bħal min jivvjaġġa!+ Kieku, kont inħalli lill-​poplu tiegħi u nitbiegħed minnhom, għax huma lkoll adulteri,+ ġemgħa taʼ tradituri;+  u bil-​gideb jgħawġu lsienhom bħal qaws.+ Fil-​pajjiż ma kinux magħrufin għall-​fedeltà tagħhom. “Minn ħażen għal ħażen marru, u lili ma tawx kasi,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.  “Ħa joqgħod attent kull wieħed minnkom minn sieħbu stess,+ u lanqas lil ħukom m’għandkom tafdaw.+ Għax żgur li anki l-​aħwa jkunu lesti jieħdu post xulxin bil-​qerq,+ u kull ħabib jaġixxi bħal kalunnjatur,+  u kull wieħed jibqaʼ jwaqqaʼ għaċ-​ċajt lil sieħbu;+ u ħadd minnhom ma jgħid il-​verità. Lil ilsienhom għallmuh jgħid il-​gideb.+ Għejjew lilhom infushom jagħmlu l-​ħażen.+  “Int qiegħed bil-​qiegħda f’nofs il-​qerq.+ Minħabba l-​qerq ma ridux ikunu jafuni,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.  Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati: “Ara, qed indewwibhom fin-​nar, u rrid niflihom,+ għax nistaʼ jien nagħmel mod ieħor maʼ bint il-​poplu tiegħi?+  Ilsienhom vleġġa qattiela.+ Qerq jgħid. B’fommu, wieħed jitkellem maʼ sieħbu bil-​paċi; imma mbagħad f’qalbu jlestilu nasba.”+  “M’għandix jien nitlob kont minnhom minħabba dawn l-​affarijiet?” hija l-​kelma taʼ Ġeħova. “Jew m’għandhiex ruħi titħallas minn ġens bħal dan?+ 10  Għall-muntanji nibki u nnewwaħ,+ u għall-​mergħat tax-​xagħri ngħanni għanja taʼ niket; għax se jinħarqu+ u ħadd ma jgħaddi minnhom u n-​nies ma jisimgħux iktar il-​ħoss taʼ l-​imrieħel.+ Kemm il-​ħlejjaq li jtiru fis-​smewwiet u kemm il-​bhejjem ikunu ħarbu, għosfru.+ 11  U lil Ġerusalemm nagħmilha borġ ġebel,+ il-​bejta tax-​xakalli;+ u l-​bliet taʼ Ġuda nagħmilhom art abbandunata, mingħajr abitanti.+ 12  “Min hu dak ir-​raġel għaref li jistaʼ jifhem dan, dak li fomm Ġeħova qallu x’jgħid?+ Għalfejn għandu jinqered il-​pajjiż, jinħaraq bħax-​xagħri biex ħadd ma jgħaddi minnu?”+ 13  U Ġeħova qal: “Minħabba li telqu l-​liġi tiegħi, li tajthom biex tkun quddiemhom, u minħabba li m’obdewx minn leħni u ma mxewx magħha,+ 14  imma baqgħu jimxu wara l-​ebusija taʼ qalbhom+ u wara x-​xbihat taʼ Bagħal,+ li għallmuhom dwarhom missirijiethom;+ 15  hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, l-​Alla taʼ Israel, ‘Ara, lin-​nies taʼ dan il-​poplu se nitmagħhom pjanta morra,*+ u nagħtihom jixorbu ilma vvelenat;+ 16  u nxerridhom fost il-​ġnus li la huma u lanqas missirijiethom ma kienu jafuhom,+ u nibagħtilhom warajhom is-​sejf sa ma nkun qridthom għalkollox.’+ 17  “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Uru li qed tifhmu, u sejħu lin-​nisa li jgħannu l-​għanjiet taʼ niket,+ sabiex jiġu; u ibagħtu wkoll għan-​nisa tas-​sengħa, sabiex jiġu huma wkoll,+ 18  ħa jgħaġġlu u jgħannulna għanja taʼ tinwiħ. U d-​dmugħ jinżel minn għajnejna u dawn isiru jleqqu bl-​ilma li jgelgel minnhom.+ 19  Għax minn Sijon instemaʼ l-​ħoss tat-​tinwiħ:+ “Kif ġejna rovinati!+ Kemm stħajna! Kellna nitilqu mill-​pajjiż, għax ġarrfulna djarna.”+ 20  Imma isimgħu, O nisa, il-​kelma taʼ Ġeħova, u ħa jilqgħu widnejkom il-​kelma taʼ fommu. Imbagħad għallmu lill-​bniet tagħkom għanja taʼ tinwiħ,+ u kull mara tgħallem lil seħbitha għanja taʼ niket.+ 21  Għax il-​mewt daħlet mit-​twieqi tagħna; daħlet fit-​torrijiet fejn ngħammru, sabiex teqred lit-​tfal mit-​toroq, liż-​żgħażagħ mill-​pjazez.’+ 22  “Għid, ‘Din hija l-​kelma taʼ Ġeħova: “L-​iġsma mejtin tal-​bnedmin jaqgħu bħal demel fuq wiċċ ir-​rabaʼ u bħal ringiela qmuħ li jkunu għadhom kif inqatgħu u jitħallew mill-​ħassâd bla ma jinġabru minn ħadd.”’”+ 23  Hekk qal Ġeħova: “Ħa ma jiftaħarx l-​għaref bl-​għerf tiegħu,+ u ħa ma jiftaħarx is-​setgħan bis-​setgħa tiegħu.+ Ħa ma jiftaħarx l-​għani bl-​għana tiegħu.”+ 24  “Imma min jiftaħar ħa jiftaħar b’dan: li jifhimni+ u għandu l-​għarfien dwari, li jien Ġeħova,+ Dak li juri l-​qalb tajba bl-​imħabba, il-​ġustizzja u s-​sewwa fuq l-​art;+ għax b’dawn l-​affarijiet nitgħaxxaq,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. 25  “Ara! Ġej żmien,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “meta nitlob kont minn kulmin hu ċirkonċiż imma m’huwiex ċirkonċiż tassew,+ 26  mill-Eġittu,+ minn Ġuda,+ minn Edom,+ minn ulied Għammon,+ minn Mowab,+ u minn dawk kollha li jqaxxru xagħar ngħashom u li jgħixu fix-​xagħri;+ għax l-​ebda ġens m’hu ċirkonċiż, u ħadd minn dar Israel m’hu ċirkonċiż f’qalbu.”+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “assenzju.”