Ġeremija 7:1-34

7  Il-kelma li ġiet għand Ġeremija mingħand Ġeħova, tgħid:  “Oqgħod fil-​bieb tad-​dar taʼ Ġeħova, u hemmhekk xandar din il-​kelma,+ u għid, ‘Isimgħu l-​kelma taʼ Ġeħova, intom ilkoll f’Ġuda, li deħlin minn dawn il-​bibien biex tmilu quddiem Ġeħova.  Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, l-​Alla taʼ Israel: “Irranġaw triqatkom u l-​għemejjel tagħkom, u nħallikom tgħixu f’dan il-​post.+  Tafdawx fi kliem qarrieq+ billi tgħidu: ‘It-​tempju taʼ Ġeħova, it-​tempju taʼ Ġeħova, it-​tempju taʼ Ġeħova dan!’  Għax jekk tassew tirranġaw triqatkom u l-​għemejjel tagħkom, jekk tassew tagħmlu l-​ġustizzja bejn bniedem u ieħor,+  jekk ma taħqrux lir-​resident barrani, lit-​tifel bla missier u lill-​armla,+ u ma xxerrdux demm innoċenti f’dan il-​post,+ u ma timxux wara allat oħrajn bi ħsara għalikom,+  jien, min-​naħa tiegħi, inħallikom tgħixu f’dan il-​post, fl-​art li tajt lil missirijietkom, minn żmien indefinit għal żmien indefinit.”’”+  “Ara, intom qed tafdaw fi kliem qarrieq, u dan m’hu se jkun t’ebda benefiċċju.+  Tistgħu intom tisirqu,+ toqtlu,+ tagħmlu adulterju,+ taħilfu falz,+ toffru lil Bagħal id-​duħħan tas-​sagrifiċċji,+ u timxu wara allat oħrajn li ma kontux tafu bihom,+ 10  u mbagħad tiġu u toqogħdu quddiemi f’din id-​dar li ssejjaħ ismi fuqha,+ u tgħidu, ‘Aħna żgur se ninħelsu,’ minkejja li tagħmlu dawn l-​affarijiet mistkerrhin kollha? 11  Jaqaw din id-​dar li ssejjaħ ismi fuqha+ saret għar tal-​ħallelin f’għajnejkom?+ Ara, jien stess rajtu dan,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova.+ 12  “‘Madankollu, issa, morru fil-​post li kelli f’Silo,+ fejn fil-​bidu qegħedt ismi jgħammar fih,+ u araw x’għamiltlu minħabba l-​ħażen tal-​poplu tiegħi Israel.+ 13  U issa, talli bqajtu tagħmlu dawn l-​għemejjel kollha,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘u talli ma smajtux+ avolja kellimtkom kemm-il darba, u kont inbakkar fil-​għodu biex inkellimkom,+ u talli ma wiġibtux+ avolja bqajt insejħilkom, 14  jien se nagħmel lid-​dar li ssejjaħ ismi fuqha,+ li intom qed tafdaw fiha,+ u lill-​post li tajt lilkom u lil missirijietkom, bħalma għamilt lil Silo.+ 15  U nkeċċikom minn quddiem wiċċi,+ bħalma keċċejt lil ħutkom kollha, ulied Efrajm kollha.’+ 16  “U int, titlobx għal dawn in-​nies, u tgħajjatx bil-​ħrara għan-​nom tagħhom jew titlob għalihom u lanqas tissupplikani,*+ għax ma nisimgħekx.+ 17  M’intix tara x’inhuma jagħmlu fil-​bliet taʼ Ġuda u fit-​toroq taʼ Ġerusalemm?+ 18  L-ulied qed jiġbru l-​ħatab, u l-​missirijiet qed iqabbdu n-​nar, u n-​nisa tagħhom qed jagħġnu l-​għaġina tad-​dqiq sabiex jagħmlu l-​ftajjar tas-​sagrifiċċji għas-​‘sultana tas-​semaʼ;+ u qed iferrgħu l-​offerti tax-​xorb+ lil allat oħrajn biex joffenduni.+ 19  ‘Lili qed joffendu?’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.+ ‘Mhux lilhom infushom, biex iħammru wiċċhom?’+ 20  Għaldaqstant, hekk qal il-​Mulej Sovran Ġeħova, ‘Ara! Ir-​rabja u l-​korla tiegħi qed jitferrgħu fuq dan il-​post,+ fuq il-​bnedmin u fuq l-​annimali domestiċi, u fuq is-​siġar tar-​rabaʼ+ u fuq il-​frott taʼ l-​art; u taqbad, u ma tintefiex.’+ 21  “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, l-​Alla taʼ Israel, ‘Żidu l-​offerti sħaħ tal-​ħruq mas-​sagrifiċċji tagħkom u kulu l-​laħam.+ 22  Għax meta ħriġt lil missirijietkom mill-​art taʼ l-​Eġittu jien la kellimthom u lanqas ikkmandajthom dwar l-​offerti sħaħ tal-​ħruq u s-​sagrifiċċji.+ 23  Imma din kienet il-​kelma li kkmandajthom jagħmlu: “Obdu minn leħni,+ u jien insir Alla tagħkom,+ u intom issiru l-​poplu tiegħi; u imxu fit-​triq kollha+ li nikkmandakom, sabiex jaħbtilkom tajjeb.”’+ 24  Imma huma ma semgħux u lanqas taw widen,+ imma komplew jimxu skond il-​pjanijiet u l-​ebusija taʼ qalbhom il-​ħażina,+ u b’hekk baqgħu sejrin lura u mhux ’il quddiem,+ 25  minn dakinhar li missirijietkom ħarġu mill-​art taʼ l-​Eġittu sa llum.+ U jien bqajt nibagħtilkom lill-​qaddejja kollha tiegħi l-​profeti; kuljum kont inbakkar u nibgħathom.+ 26  Iżda ma semgħux minni, u ma tawnix widen,+ imma baqgħu jwebbsu rashom.*+ Aġixxew agħar minn missirijiethom!+ 27  “U tgħidilhom dan il-​kliem kollu,+ imma huma ma jagħtukx widen; u ssejħilhom, imma ma jwiġbukx.+ 28  U għidilhom, ‘Dan hu l-​ġens li niesu m’obdewx leħen Ġeħova Alla tagħhom,+ u ma laqgħux id-​dixxiplina.+ Il-​fedeltà għabet, u telqet minn fommhom.’+ 29  “Qarweż xagħrek li ħallejt jitwal u armih,+ u semmaʼ għanja taʼ niket fuq l-​għoljiet għerjin,+ għax Ġeħova ċaħad+ lill-​ġenerazzjoni li hu tant irrabjat għaliha u se jabbandunaha.+ 30  ‘Għax ulied Ġuda għamlu dak li hu ħażin f’għajnejja,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. ‘Poġġew l-​affarijiet moqżieża tagħhom fid-​dar li ssejjaħ ismi fuqha sabiex iniġġsuha.+ 31  U bnew il-​postijiet għall-​qima* f’Tofet,+ fil-​wied taʼ bin Ħinnom,+ sabiex jaħarqu fin-​nar lil uliedhom subien u bniet,+ ħaġa li jien ma kkmandajthomx jagħmlu u li lanqas biss għaddietli minn moħħi.’*+ 32  “‘Għaldaqstant, ara, ġejjin jiem,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘meta ma jissejjaħx iktar Tofet u wied bin Ħinnom, imma wied il-​qatla;+ u jkollhom jidfnu f’Tofet anki jekk ma jkunx hemm iktar wisaʼ.+ 33  U l-​iġsma mejtin taʼ dan il-​poplu jsiru ikel għall-​ħlejjaq li jtiru fis-​smewwiet u għall-​bhejjem taʼ l-​art, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.+ 34  U fil-​bliet taʼ Ġuda u fit-​toroq taʼ Ġerusalemm insikket leħen il-​ferħ u leħen l-​hena, leħen l-​għarus u leħen l-​għarusa;+ għax il-​pajjiż ma jsir xejn għajr ħerba.’”+

Noti taʼ taħt

Jew, “titlobni bil-​ħerqa.”
Letteralment, “għonqhom.”
Letteralment, “postijiet fl-​għoli.” Ara Le 26:30, in-​nota taʼ taħt.
Letteralment, “qalbi.”