Ġeremija 6:1-30

6  Stkennu, O wlied Benjamin, aħarbu minn ġo nofs Ġerusalemm; doqqu l-​qarn+ f’Tekogħa.+ U għollu sinjal tan-​nar fuq Bet-ħakkerem;+ għax tfaċċa l-​gwaj mit-​tramuntana, iva, tiġrif kbir.+  Bint Sijon kienet tixbah lil mara sabiħa u mfissda.+  Ir-rgħajja u l-​imrieħel tagħhom ġew għaliha. Kontriha waqqfu t-​tined tagħhom dawramejt.+ U kienu jirgħu l-​imrieħel tagħhom, kull wieħed fil-​mergħa tiegħu.+  Huma tħejjew għall-​gwerra* kontriha:+ “Qumu, u ħa nitilgħu f’nofsinhar!”+ “Gwaj għalina, għax il-​jum wasal biex jintemm, u d-​dellijiet taʼ fil-​għaxija qed ikomplu jitwalu!”  “Qumu, u ħa nitilgħu matul il-​lejl u neqirdulha t-​torrijiet mgħammrin tagħha.”+  Għax hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati: “Aqtgħu l-​injam+ u tellgħu rampa għall-​assedju kontra Ġerusalemm.+ Din hi l-​belt li jrid jintalab kont minnha.+ M’hemm xejn għajr moħqrija f’nofsha.+  Bħalma ġiebja żżomm l-​ilma tagħha frisk, hekk hi żżomm frisk il-​ħażen tagħha. Vjolenza u tħarbit jinstemgħu fiha;+ il-​ħin kollu nara mard u pesti quddiem wiċċi.  Ħalli lil min jikkoreġik,+ O Ġerusalemm, sabiex ruħi ma twarrabx minnek diżgustata;+ sabiex ma nagħmlekx art abbandunata, pajjiż li ma jgħammar fih ħadd.”+  Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati: “Bla dubju se jlaqqtu l-​fdal taʼ Israel bħal dielja.+ Erġaʼ midd idek fuq ir-​rimjiet irqaq tad-​dielja bħal wieħed li qed jaqtaʼ l-​għeneb.” 10  “Lil min se nkellem u nwissi, sabiex jismagħni? Ara! Widnejhom m’humiex ċirkonċiżi, u b’hekk ma jistgħux jagħtu widen.+ Ara! Il-​kelma taʼ Ġeħova saret xi ħaġa taʼ żebliħ għalihom,+ u ma jsibu l-​ebda għaxqa fiha.+ 11  U jien imtlejt bil-​korla taʼ Ġeħova. Għejejt inżomm ġo fija.”+ “Ferragħha fl-​istess ħin fuq it-​tifel fit-​triq+ u fuq il-​ġemgħa taʼ ħbieb żgħażagħ; għax huma wkoll se jinqabdu, raġel flimkien maʼ martu, xiħ flimkien maʼ wieħed mimli bl-​għomor.+ 12  U djarhom jaqgħu f’idejn ħaddieħor, flimkien maʼ l-​għelieqi u n-​nisa tagħhom.+ Għax se mmidd idi kontra dawk li jgħammru fil-​pajjiż,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova.+ 13  “Għax ilkoll kemm huma, mill-​iżgħar sa l-​akbar wieħed, qed jagħmlu qligħ inġust għalihom infushom;+ u mill-​profeta sal-​qassis, ilkoll qed jaġixxu bil-​qerq.+ 14  U huma jipprovaw ifejqu ħafif ħafif lill-​poplu tiegħi mill-​ġerħa tiegħu,+ billi jgħidu, ‘Hemm il-​paċi! Hemm il-​paċi!’ meta m’hemm l-​ebda paċi.+ 15  Stħaw huma għax dak li għamlu kien mistkerrah?+ L-​ewwelnett, huma assolutament ma jistħu minn xejn; u iżjed minn hekk, lanqas biss tgħallmu kif iħossuhom umiljati.+ Għaldaqstant, huma għad jaqgħu fost dawk li qed jaqgħu;+ jitfixklu meta jasal iż-​żmien li nitlob kont minnhom,” qal Ġeħova. 16  Hekk qal Ġeħova: “Ieqfu fit-​toroq, u araw, u staqsu għall-​mogħdijiet taʼ żmien twil ilu, fejn hemm it-​triq it-​tajba;+ u imxu fiha,+ u sibu l-​mistrieħ għal ruħkom.”+ Imma huma baqgħu jgħidu: “Ma rridux nimxu fiha.”+ 17  “U qegħedt fuqkom għassiesa,+ ‘Oqogħdu attenti għall-​ħoss tal-​qarn!’”+ Imma huma baqgħu jgħidu: “Ma rridux noqogħdu attenti.”+ 18  “Għalhekk, isimgħu, O ġnus! U kun af, O ġemgħa, x’se jiġrilhom. 19  Ismaʼ, O art! Ara, se nġib gwaj fuq dan il-​poplu+ bħala l-​frott taʼ ħsibijiethom,+ għax huma ma qagħdux attenti għal kliemi; u l-​liġi tiegħi baqgħu jwarrbuha wkoll.”+ 20  “X’jimporta għalija li ġġibu l-​inċens abjad minn Xeba+ u l-​qasab aromatiku minn pajjiż fil-​bogħod? L-​offerti sħaħ tal-​ħruq li tagħmlu ma niħux gost bihom,+ u s-​sagrifiċċji tagħkom ma tgħaxxaqtx bihom.”+ 21  Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova: “Ara, se nqiegħed tfixkil għal dan il-​poplu,+ u huma jitfixklu fih, il-​missirijiet flimkien maʼ l-​ulied; il-​ġâr u sieħbu—dawn se jgħibu.”+ 22  Hekk qal Ġeħova: “Ara! Ġej poplu mill-​pajjiż tat-​tramuntana, u hemm ġens kbir li se jitqajjem mill-​iktar partijiet imbegħdin taʼ l-​art.+ 23  In-nies taʼ dan il-​ġens jaqbdu l-​qaws u l-​lanza.*+ Huma kefrin, u ma tiġihom l-​ebda ħasra. Leħinhom se jgħajjat bħall-​baħar,+ u jiġu rekbin fuq iż-​żwiemel.+ Ħadu posthom għall-​battalja kontrik bħal gwerriera, O bint Sijon.”+ 24  Smajna r-​rapport dwar dan. Idejna ntelqu.+ Ħakimna n-​niket, uġigħ tal-​ħlas bħal taʼ mara li qed tiled.+ 25  Toħroġx fl-​għalqa, u timxix fit-​triq; għax hemm is-​sejf taʼ l-​għadu, hemm biżaʼ kullimkien.+ 26  O bint il-​poplu tiegħi, tħażżem bl-​ilbies taʼ l-​ixkora+ u tmiegħek fl-​irmied.+ Tnikket bħallikieku għall-​uniku iben, bi lfiq taʼ mrar;+ għax dak li se jħarbatna jiġi fuqna f’daqqa waħda.+ 27  “Għamiltek fost il-​poplu tiegħi bħal wieħed li jeżamina l-​metalli, wieħed li jfittex bir-​reqqa; u trid toqgħod attent u teżamina triqithom.+ 28  Ilkoll kemm huma nies mill-​iktar stinati,+ jaġixxu bħal kalunnjaturi+—huma bħal ram aħmar u ħadid. Ilkoll kemm huma jġibu rovina.+ 29  Il-minfaħ+ inħaraq, imma min-​nar li jipproduċi ħareġ iċ-​ċomb.+ Wieħed baqaʼ jirfina bir-​reqqa għalxejn, għax il-​ħżiena ma ġewx mifrudin.+ 30  In-nies se jsejħulhom fidda mwarrba,+ għax Ġeħova warrabhom.”+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “qaddsu gwerra.”
Letteralment, “ġavellott.”