Ġeremija 31:1-40

31  “Dak iż-​żmien,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “jien insir Alla għall-​familji kollha taʼ Israel; u huma jsiru l-​poplu tiegħi.”+  Hekk qal Ġeħova: “In-​nies li kienu salvaw mis-​sejf sabu ħniena fix-​xagħri,+ meta Israel kien miexi lejn il-​mistrieħ tiegħu.”+  Mill-bogħod Ġeħova deherli u qalli: “Bi mħabba dejjiema ħabbejtek.+ Huwa għalhekk li ġbidtek bil-​qalb tajba bl-​imħabba.+  Madankollu, se nerġaʼ nibnik u int tinbena mill-​ġdid,+ O verġni Israel. Għad tiżżejjen bit-​tanburlini u toħroġ tiżfen bħal dawk daħqana.+  Għad tħawwel għelieqi bid-​dwieli fuq il-​muntanji tas-​Samarija.+ Il-​bdiewa jħawluhom u jibdew jieklu minnhom.+  Għax għad jasal jum meta l-​għassiesa fir-​reġjun muntanjuż t’Efrajm jgħajtu, ‘Qumu, ejjew nitilgħu lejn Sijon, lejn Ġeħova Alla tagħna.’”+  Għax hekk qal Ġeħova: “Għajtu kemm tifilħu bil-​ferħ għal Ġakobb; infexxu werżqu intom li qegħdin fuq il-​ġnus.+ Xandru.+ Faħħru u għidu, ‘Salva, O Ġeħova, lill-​poplu tiegħek, il-​fdal taʼ Israel.’+  Arani, se nġibhom mill-​pajjiż tat-​tramuntana+ u niġborhom flimkien mill-​ibgħad partijiet taʼ l-​art.+ Fosthom se jkun hemm l-​agħma u z-​zopp, il-​mara tqila u dik li qed tiled, kollha flimkien.+ Se jiġu lura hawnhekk bħala kongregazzjoni kbira.+  Se jiġu jibku,+ u waqt li jkunu qed jitolbuni bil-​ħrara biex inħenn għalihom se nġibhom lura. Immexxihom lejn widien* taʼ l-​ilma,+ fi triq tajba fejn ma jitfixklux. Għax jien sirt Missier+ għal Israel; u Efrajm huwa l-​ewwel imwieled tiegħi.”+ 10  Isimgħu l-​kelma taʼ Ġeħova, O ġnus, u xandruha fost il-​gżejjer fil-​bogħod,+ u għidu: “Dak li xerred lil Israel se jiġbru flimkien,+ u jżommu bħalma ragħaj iżomm il-​merħla tiegħu.+ 11  Għax Ġeħova se jifdi lil Ġakobb+ u jieħdu lura minn taħt idejn dak li hu b’saħħtu iktar minnu.+ 12  U jiġu u jgħajtu bil-​ferħ fuq l-​għolja taʼ Sijon+ u wiċċhom jixgħel minħabba t-​tjubija taʼ Ġeħova,+ minħabba l-​qmuħ u l-​inbid ġdid+ u ż-​żejt u l-​frieħ tan-​nagħaġ u l-​baqar.+ U huma jsiru bħal ġnien imsoqqi tajjeb+ u qatt iktar ma jintelqu.”+ 13  “Dak iż-​żmien il-​verġni se tifraħ u tiżfen, u l-​ġuvintur u x-​xjuħ ukoll, kollha flimkien.+ U jien se nibdel in-​niket tagħhom f’ferħ kbir, u nfarraġhom u nferraħhom biex innessihom is-​swied taʼ qalb tagħhom.+ 14  U nxebbaʼ lil ruħ il-​qassisin b’ħafna ikel,+ u nimla lill-​poplu tiegħi bi tjubiti,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. 15  “Hekk qal Ġeħova, ‘F’Rama+ jinstemaʼ leħen, tinwiħ u biki taʼ mrar;+ Rakele+ qed tibki lil uliedha.+ Ma tridx titfarraġ għal uliedha,+ għax m’għadhomx iżjed.’”+ 16  Hekk qal Ġeħova: “‘Żomm lura l-​biki minn leħnek, u d-​dmugħ minn għajnejk,+ għax se tiġi premjata għall-​għemejjel tiegħek,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘u huma żgur jirritornaw mill-​pajjiż taʼ l-​għadu.’+ 17  “‘U hemm tama+ għall-​futur tiegħek,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘u wliedek żgur jirritornaw lejn it-​territorju tagħhom.’”+ 18  “Jien bla dubju smajt lil Efrajm jitħassar lilu nnifsu+ u jgħid, ‘Int ikkoreġejtni sabiex nikkoreġi ruħi,+ bħal għoġol li ma ġiex imħarreġ.+ Reġġagħni lura lejk, u jien indur lura mill-​ewwel,+ għax int Ġeħova Alla tiegħi.+ 19  Għax wara li dort lura ddispjaċieni;+ u wara li sirt naf tajt fuq koxxti.+ Stħajt, u ħassejtni umiljat+ ukoll, għax kelli fuqi l-​għajb taʼ żgħożiti.’”+ 20  “M’huwiex Efrajm iben prezzjuż għalija, tifel li nittrattah b’għożża?+ Għax daqskemm tkellimt kontrih daqshekk ieħor niftakar fih fit-​tajjeb.+ Għalhekk, il-​ġewwieni* tiegħi tqanqal għalih.+ Żgur tiġini ħasra minnu,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. 21  “Waqqaf sinjali fit-​triq. Qiegħed pilastri għalik.+ Kun moħħok fit-​triq ewlenija, it-​triq li trid taqbad.+ Erġaʼ lura, O verġni Israel. Erġaʼ lura lejn blietek.+ 22  Kemm se ddum iddur ’l hemm u ’l hawn,+ O bint infidila?+ Għax Ġeħova ħalaq xi ħaġa ġdida fl-​art: Mara tintrass madwar raġel b’saħħtu.” 23  Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, l-​Alla taʼ Israel: “Meta niġbor lill-​imjassrin tagħhom ikunu għadhom qed jgħidu din il-​kelma fl-​art taʼ Ġuda u l-​bliet tagħha, ‘Jalla Ġeħova jbierkek,+ O post ġust,+ O muntanja qaddisa.’+ 24  U Ġuda u l-​bliet tiegħu kollha jgħammru fiha lkoll flimkien, il-​bdiewa u dawk li ħarġu bil-​merħla.+ 25  Għax jien inserraħ lir-​ruħ għajjiena, u nissodisfa lil kull ruħ mitluqa.”+ 26  Għal dan, jien stenbaħt u ħarist; u ngħasi kien ġieni ħelu. 27  “Ara! Ġejjin jiem,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “meta niżraʼ lil dar Israel u lil dar Ġuda biż-​żerriegħa tal-​bniedem u biż-​żerriegħa taʼ l-​annimal domestiku.”+ 28  “U jseħħ li bħalma qgħadt għassa għalihom+ biex naqlagħhom mill-​għeruq u nwaqqagħhom u nġarrafhom u neqridhom u nagħmlilhom il-​ħsara,+ daqshekk ieħor noqgħod għassa għalihom biex nibnihom u nħawwilhom,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. 29  “F’dak iż-​żmien ma jgħidux iktar, ‘Il-​missirijiet kielu l-​għeneb mhux misjur, imma kienu snien l-​ulied li ddarrsu.’+ 30  Imma kull wieħed imut minħabba l-​iżball tiegħu stess.+ Kulmin jiekol l-​għeneb mhux misjur, ikunu snienu stess li jiddarrsulu.” 31  “Ara! Għad jiġi żmien,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “meta nagħmel patt ġdid+ maʼ dar Israel+ u maʼ dar Ġuda;+ 32  mhux bħall-​patt li għamilt maʼ missirijiethom dakinhar li qbadthom minn idhom biex noħroġhom mill-​art taʼ l-​Eġittu,+ ‘il-​patt tiegħi li kisru,+ għalkemm jien kont sidhom bħal raġel miżżewweġ,’+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.” 33  “Għax dan hu l-​patt+ li nagħmel maʼ dar Israel wara dak iż-​żmien,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. “Inqiegħed il-​liġi tiegħi ġo fihom,+ u niktibha f’qalbhom.+ U nsir Alla tagħhom, u huma jsiru l-​poplu tiegħi.”+ 34  “U ma jibqgħux jgħallmu kull wieħed lil sieħbu, u kull wieħed lil ħuh,+ billi jgħidu, ‘Kunu afu lil Ġeħova!’+ għax kollha jkunu jafuni, mill-​iżgħar wieħed sa l-​akbar wieħed minnhom,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. “Għax naħfrilhom l-​iżball tagħhom, u dnubhom ma niftakrux iktar.”+ 35  Hekk qal Ġeħova, Dak li jagħti x-​xemx għad-​dawl bi nhar,+ il-​qamar u l-​kwiekeb bl-​istatuti+ tagħhom għad-​dawl bil-​lejl,+ Dak li jqanqal il-​baħar sabiex il-​mewġ tiegħu jitqalleb,+ Dak li ismu hu Ġeħova taʼ l-​armati:+ 36  “‘Kieku dawn ir-​regolamenti jistgħu jitneħħew minn quddiemi,’+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘kieku anki dawk li huma n-​nisel taʼ Israel jistgħu jieqfu milli jkunu ġens, li hu dejjem quddiemi.’”+ 37  Hekk qal Ġeħova: “‘Kieku s-​smewwiet hemm fuq jistgħu jitkejlu u s-​sisien taʼ l-​art hemm taħt jistgħu jinstabu,+ kieku jien ukoll inkun nistaʼ niċħad lin-​nisel kollu taʼ Israel għal kulma għamel,’+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.” 38  “Ara! Ġej żmien,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “meta l-​belt tinbena+ għal Ġeħova mit-​Torri taʼ Ħananel+ sal-​Bieb tal-​Kantuniera.+ 39  U l-​ħabel tal-​kejl+ jibqaʼ sejjer dritt sa l-​għolja taʼ Gareb, u jdur sa Gogħa. 40  U l-​pjanura l-​baxxa kollha taʼ l-​iġsma mejtin+ u taʼ l-​irmied,*+ u r-​rabaʼ mtarraġ kollu sal-​wied taʼ Kidron+ u sal-​kantuniera taʼ Bieb iż-​Żwiemel+ lejn tlugħ ix-​xemx, ikunu xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova.+ Ma titqaċċatx mill-​għeruq, u qatt iżjed ma tiġġarraf, għal żmien indefinit.”+

Noti taʼ taħt

Ara Ġen 26:17, in-​nota taʼ taħt. F’vers 40 ukoll.
Ara Ġer 4:19, in-​nota taʼ taħt.
Jew, “l-​irmied bix-​xaħam fuqu.” Ara Eżo 27:3, in-​nota taʼ taħt.