Ġeremija 23:1-40

23  “Gwaj għar-​rgħajja li qed jeqirdu u jxerrdu n-​nagħaġ tal-​mergħa tiegħi!”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.  Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, kontra r-​rgħajja li qed jirgħu lill-​poplu tiegħu: “Intom xerridtu n-​nagħaġ tiegħi; u komplejtu tferrxuhom, u ma ħadtux ħsiebhom.”+ “Issa jien se nieħu ħsiebkom minħabba l-​ħażen taʼ l-​għemejjel tagħkom,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.  “U niġbor flimkien il-​fdal tan-​nagħaġ tiegħi mill-​artijiet kollha fejn kont xerridthom,+ u nġibhom lura fil-​mergħa tagħhom,+ u jnisslu u joktru.+  U nqajjem fuqhom rgħajja li jirgħuhom tassew;+ u ma jibżgħux iktar, lanqas jitwerwru,+ u ħadd minnhom ma jintilef,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova.  “Ara! Ġej żmien,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “meta lil David inqajjimlu rimja ġusta.+ U jkun hemm sultan li jsaltan+ u jaġixxi bil-​għaqal u jagħmel il-​ġustizzja u s-​sewwa fil-​pajjiż.+  Fi żmienu Ġuda jiġi salvat,+ u Israel jgħammar fis-​sigurtà.+ U hekk ikun jismu, Ġeħova Hu s-​Sewwa Tagħna.”+  “Għalhekk, ara, ġej żmien,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “meta ma jgħidux iktar, ‘Ħaj Ġeħova li ħareġ lil ulied Israel mill-​art taʼ l-​Eġittu,’+  imma, ‘Ħaj Ġeħova li ħareġ u ġab lil ulied dar Israel mill-​art tat-​tramuntana u mill-​artijiet kollha fejn xerridthom,’ u huma jgħammru f’arthom.”+  Qalbi maqsuma ġewwa fija minħabba l-​profeti. Għadmi kollu jitriegħed. Sirt bħal raġel fis-​sakra,+ u bħal raġel b’saħħtu li ħadu l-​inbid, minħabba Ġeħova u minħabba l-​kliem qaddis tiegħu. 10  Għax il-​pajjiż imtela+ bl-​adulteri.+ Minħabba s-​saħta, il-​pajjiż tnikket+ u l-​mergħat tax-​xagħri nixfu;+ il-​mod kif jaġixxu hu ħażin, u setgħethom ma jużawhiex b’mod ġust. 11  “Għax kemm il-​profeta u kemm il-​qassis tniġġsu.+ Sa f’dari stess sibt il-​ħażen tagħhom,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. 12  “Għaldaqstant, triqithom issirilhom bħal postijiet jiżolqu+ fid-​dlam, fejn jimbottawhom u jaqgħu.”+ “Għax inġib gwaj fuqhom, fis-​sena li nitlob kont minnhom,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. 13  “U fil-​profeti tas-​Samarija+ rajt affarijiet mhux xierqa. Huma qdew bħala profeti mqanqlin minn Bagħal,+ u jkomplu jġiegħlu lill-​poplu tiegħi, iva, lil Israel, jiżvija.+ 14  U fil-​profeti taʼ Ġerusalemm rajt affarijiet orribbli,+ għax jagħmlu adulterju+ u jimxu bil-​gideb;+ u saħħew idejn il-​ħżiena sabiex ħadd minnhom ma jerġaʼ lura+ minn ħżunitu. Għalija saru lkoll bħal Sodoma,+ u l-​abitanti tagħha bħal Gomorra.”+ 15  Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati kontra l-​profeti: “Ara, se nitmagħhom pjanta morra,* u nagħtihom jixorbu ilma vvelenat.+ Għax mill-​profeti taʼ Ġerusalemm xterdet l-​apostasija+ mal-​pajjiż kollu.” 16  Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati: “Tisimgħux il-​kliem tal-​profeti li qed jipprofetizzawlkom.+ Dawn iwasslukom għall-​frugħa.+ Huma jitkellmu skond il-​viżjoni taʼ qalbhom,+ mhux skond dak li joħroġ minn fomm Ġeħova.+ 17  Lil dawk li m’għandhomx rispett lejja jgħidulhom darba wara l-​oħra, ‘Ġeħova qal: “Sliem se jkollkom.”’+ U lil kulmin hu miexi wara l-​ebusija taʼ qalbu+ qalulu, ‘M’hu ġej fuqkom l-​ebda gwaj.’+ 18  Għax min minnhom kien fost il-​ġemgħa taʼ ħbieb intimi+ taʼ Ġeħova u ra u semaʼ kelmtu?+ Min qagħad attent għall-​kelma tiegħu u semagħha?+ 19  Ara! Se joħroġ ir-​riefnu taʼ Ġeħova, il-​korla tiegħu, iva, tempesta ddur u tagħqad.+ Fuq l-​irjus tal-​ħżiena se ddur u tagħqad.+ 20  Ir-rabja taʼ Ġeħova ma terġax lura qabel ma jkun għamel+ u wettaq l-​ideat taʼ qalbu.+ Fl-​aħħar parti tal-​jiem intom se tikkunsidraw dan u tifhmuh ċar.+ 21  “Jien ma bgħatthomx lill-​profeti, iżda huma telqu jiġru. Ma kellimthomx, iżda huma pprofetizzaw.+ 22  Kieku kienu fost il-​ġemgħa taʼ ħbieb intimi tiegħi,+ kienu jsemmgħu kliemi lill-​poplu tiegħi, u kienu jreġġgħuhom lura minn triqithom il-​ħażina u mill-​ħażen taʼ l-​għemejjel tagħhom.”+ 23  “Forsi jien Alla meta nkun fil-​qrib biss,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “u ma nkunx Alla meta nkun fil-​bogħod?”+ 24  “Jew jistaʼ bniedem jinħeba f’xi moħba u jien ma narahx?”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. “Mhux jien nimliehom is-​smewwiet u l-​art?”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. 25  “Jien smajt x’qalu l-​profeti li qed jipprofetizzaw il-​gideb f’ismi+ u jgħidu, ‘Kelli ħolma! Kelli ħolma!’+ 26  Kemm se jdum jeżisti dan fil-​qalb tal-​profeti li qed jipprofetizzaw il-​gideb u li qed jipprofetizzaw l-​ingann taʼ qalbhom?+ 27  Qegħdin jaħsbu kif lill-​poplu tiegħi jistgħu jnissulu ismi bil-​ħolm tagħhom, li l-​ħin kollu jirrakkontawh lil xulxin,+ bħalma missirijiethom insew ismi minħabba Bagħal.+ 28  Il-profeta li jkollu ħolma, ħa jirrakkonta din il-​ħolma; imma dak li għandu l-​kelma tiegħi, ħa jitkellem il-​kelma tiegħi bil-​verità.”+ “X’għandu x’jaqsam it-​tiben mal-​qamħ?”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. 29  “M’hijiex kelmti bħal nar,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “u bħal martell tal-​forġa li jfarrak il-​blat?”+ 30  “Għaldaqstant, ara, jien kontra l-​profeti,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “kontra dawk li qed jisirqu kliemi, kull wieħed mingħand sieħbu.”+ 31  “Ara, jien kontra l-​profeti,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “kontra dawk li qed jużaw ilsienhom biex jgħidu, ‘Din kelma mingħandu!’”+ 32  “Ara, jien kontra l-​profeti li joħolmu ħolm falz,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “u li jirrakkontawh u jġiegħlu lill-​poplu tiegħi jiżvija minħabba l-​gideb+ u l-​ftaħir tagħhom.”+ “Imma jien la bgħatthom u lanqas ikkmandajthom. Għalhekk, żgur li ma jkunux taʼ benefiċċju għal dan il-​poplu,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. 33  “U meta dan il-​poplu jew dan il-​profeta jew qassis jistaqsik, ‘X’inhi t-​tagħbija* taʼ Ġeħova?’+ għidilhom, ‘“Intom it-​tagħbija!*+ U jien se nabbandunakom,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.’ 34  U l-​profeta jew il-​qassis jew il-​poplu li jgħid, ‘Din hi t-​tagħbija taʼ Ġeħova!’ jien nitlob kont ukoll minn dak ir-​raġel u min-​nies taʼ daru.+ 35  Hekk jgħid kull wieħed minnkom lil sieħbu u kull wieħed minnkom lil ħuh, ‘X’wieġeb Ġeħova? U x’qal Ġeħova?’+ 36  Imma t-​tagħbija+ taʼ Ġeħova ssemmuhiex iktar,+ għax għal kull wieħed minnkom it-​tagħbija saret kelmtu stess,+ u intom biddiltu l-​kliem taʼ l-​Alla l-​ħaj,+ Ġeħova taʼ l-​armati, Alla tagħna. 37  “Hekk għidlu lill-​profeta, ‘Xi tweġiba tak Ġeħova? U x’qal Ġeħova?+ 38  U jekk tibqgħu tgħidu, “Din hi t-​tagħbija taʼ Ġeħova!” mela dan hu li qal Ġeħova: “Talli bqajtu tgħidu, ‘Din il-​kelma hi t-​tagħbija taʼ Ġeħova,’ meta jien bqajt nibgħat ngħidilkom, ‘Tgħidux: “Din hi t-​tagħbija taʼ Ġeħova!”’ 39  arawni, se nitlaqkom żgur, u nwarrab għalkollox+ minn quddiemi lilkom u l-​belt li tajt lilkom u lil missirijietkom.+ 40  U nitfaʼ fuqkom żebliħ u umiljazzjoni għal żmien indefinit, li ma jintesewx.”’”+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “assenzju.”
Jew, “X’inhu l-​messaġġ serju?”
Il-kelma Ebrajka għal “tagħbija” għandha żewġ tifsiriet. Tistaʼ tirreferi għal messaġġ divin li hu serju, jew għal tagħbija letterali. Biex iwieġeb il-​mistoqsija tal-​poplu, Ġeremija ntqallu jwieġeb b’logħob tal-​kliem.