Ġenesi 49:1-33

49  Imbagħad Ġakobb sejjaħ lil uliedu u qalilhom: “Inġabru flimkien sabiex ngħidilkom x’se jiġrilkom fl-​aħħar parti tal-​jiem.  Inġemgħu u isimgħu, ulied Ġakobb, iva, isimgħu lil missierkom Israel.+  “Ruben, int l-​ewwel imwieled tiegħi,+ il-​ħeġġa tiegħi u l-​bidu tal-​qawwa riproduttiva tiegħi,+ l-​eċċellenza tad-​dinjità u l-​eċċellenza tas-​saħħa.  Togħliex bla rażan bħall-​ilmijiet,+ għaliex int tlajt fuq is-​sodda taʼ missierek.+ Dakinhar kasbart friexi.+ Fuqu telaʼ!  “Simegħon u Levi huma aħwa.+ Għodod tal-​vjolenza huma l-​armi qattilin tagħhom.+  Toqgħodx fil-​kumpanija tagħhom,+ O ruħi. Tingħaqadx mal-​ġemgħa tagħhom,+ għaliex fir-​rabja tagħhom qatlu n-​nies,+ u b’kapriċċhom qatgħu l-​għerq taʼ l-​għarqub tal-​barrin.  Misħuta tkun ir-​rabja tagħhom,+ għaliex hi kiefra,+ u l-​qilla tagħhom, għaliex hi ħarxa.+ Ħa nqassamhom f’Ġakobb u ħa nxerridhom f’Israel.+  “Inkwantu għalik, Ġuda,+ ħutek se jfaħħruk.+ Idek se tkun fuq għonq l-​għedewwa tiegħek.+ Ulied missierek se jinxteħtu fl-​art quddiemek.+  Ferħ taʼ ljun hu Ġuda.+ Ibni, int żgur li se tiekol il-​priża u titlaʼ. Hu miel; hu mtedd bħal iljun u, bħal iljun, min jissogra jqajmu?+ 10  Ix-xettru ma jitwarrabx minn Ġuda,+ lanqas il-​ħatar taʼ kmandant minn bejn riġlejh, sakemm jiġi Silo;*+ u l-​popli se jobdu lilu.+ 11  Jorbot il-​ħmar tiegħu maʼ dielja u l-​ferħ tal-​ħmara tiegħu maʼ dielja prima, u jaħsel ħwejġu fl-​inbid u l-​libsa tiegħu fid-​demm taʼ l-​għeneb.+ 12  Ħomor nar huma għajnejh bl-​inbid, u l-​bjuda taʼ snienu hi mill-​ħalib. 13  “Żebulun jgħammar ħdejn xatt il-​baħar,+ u se jkun ħdejn ix-​xatt fejn huma ankrati l-​bastimenti;+ u n-​naħa mbiegħda tiegħu tkun lejn Sidon.+ 14  “Issakar+ hu ħmar b’saħħtu, mimdud bejn iż-​żewġ xkejjer taʼ mas-​sarġ. 15  U jara li l-​post taʼ mistrieħ hu tajjeb u li l-​art hi pjaċevoli; u jniżżel spalltu biex iġorr it-​tagħbijiet u jsir ilsir tax-​xogħol forzat. 16  “Dan se jiġġudika lill-​poplu tiegħu bħala wieħed mit-​tribujiet taʼ Israel.+ 17  Ħa juri Dan li hu serpent mal-​ġenb tat-​triq, serp bil-​qrun mal-​ġenb tal-​mogħdija, li jigdem għarqub iż-​żiemel, u b’hekk ir-​rikkieb tiegħu jinqaleb lura.+ 18  Jien tabilħaqq se nistenna s-​salvazzjoni mingħandek, O Ġeħova.+ 19  “Inkwantu għal Gad, qatgħa ħallelin se taħbat għalih, imma hu se jaħbat għal għarqubhom.+ 20  “Aser, ħobżu se jkun bnin,+ u jagħti l-​ikel delizzjuż taʼ sultan.+ 21  “Naftali+ hu ċerva ħafifa. Qed jagħti kliem grazzjuż.+ 22  “Ġużeppi hu r-​rimja taʼ siġra għammiela,+ rimja taʼ siġra għammiela ħdejn l-​għajn,+ li xxeblek il-​friegħi tagħha għal fuq ħajt.+ 23  Imma l-​arċieri baqgħu jattakkawh u waddbulu l-​vleġeġ u baqgħu jobogħduh.+ 24  U madankollu l-​qaws tiegħu baqaʼ sod,+ u idejh kienu b’saħħithom u ħfief.+ Minn idejn l-​Alla l-​Qawwi taʼ Ġakobb,+ minn hemmhekk hu r-​Ragħaj, il-​Ġebla taʼ Israel.+ 25  Hu mill-​Alla taʼ missierek,+ u se jgħinek;+ u qiegħed maʼ Dak li Jistaʼ Kollox,+ u se jbierkek bil-​barkiet tas-​smewwiet minn fuq,+ bil-​barkiet taʼ l-​abbiss taʼ l-​ilma li jinsab taħt,+ bil-​barkiet tas-​sider u tal-​ġuf.+ 26  Il-barkiet taʼ missierek se jkunu tabilħaqq superjuri għall-​barkiet tal-​muntanji eterni,+ għat-​tiżjin taʼ l-​għoljiet li jibqgħu għal żmien indefinit.+ Se jibqgħu fuq ras Ġużeppi, fuq il-​qorriegħa taʼ ras il-​magħżul minn fost ħutu.+ 27  “Benjamin se jibqaʼ jċarrat bħal lupu.+ Fil-​għodu jiekol l-​annimal maħtuf u fil-​għaxija jqassam il-​priża.”+ 28  Dawn kollha huma t-​tnax-il tribù taʼ Israel, u dan hu li qalilhom missierhom meta kien qed iberikhom. Berikhom kull wieħed skond il-​barka li kienet tixraqlu.+ 29  Imbagħad ordnalhom u qalilhom: “Jien se ninġabar maʼ niesi.+ Idfnuni maʼ missirijieti fl-​għar li jinsab fl-​għalqa t’Għefron il-​Ħitti,+ 30  fl-għar li jinsab fl-​għalqa taʼ Makfela li tinsab quddiem Mamre fl-​art taʼ Kangħan, l-​għalqa li Abraham xtara mingħand Għefron il-​Ħitti biex ikollu post għad-​dfin.+ 31  Hemmhekk difnuhom lil Abraham u lil martu Sara.+ Hemmhekk difnuhom lil Iżakk u lil martu Rebekka,+ u hemmhekk jien dfint lil Lea. 32  L-għalqa u l-​għar li hemm fiha nxtraw mingħand ulied Ħet.”+ 33  B’hekk, Ġakobb temm jagħti l-​ordnijiet lil uliedu. Imbagħad imtedd fuq is-​sodda u ħa l-​aħħar nifs u nġabar maʼ niesu.+

Noti taʼ taħt

“Silo” hija traduzzjoni mil-​lingwa Ebrajka u tfisser “Hu li Hi Tiegħu.”