Ġenesi 44:1-34

44  Iktar tard hu ordna lir-​raġel li kien jiħodlu ħsieb daru,+ u qallu: “Imla l-​ixkejjer taʼ l-​irġiel bl-​ikel skond kemm jifilħu jġorru, u poġġi l-​flus taʼ kull wieħed f’wiċċ l-​ixkora tiegħu.+  Imma qiegħed it-​tazza tiegħi, it-​tazza tal-​fidda, f’wiċċ l-​ixkora taż-​żgħir flimkien mal-​flus għaċ-​ċereali tiegħu.” Għalhekk, hu għamel skond dak li qallu Ġużeppi.+  Il-jum kien sebaħ meta ntbagħtu l-​irġiel+ bil-​ħmir tagħhom.  Ħarġu mill-​belt u ma kinux tbiegħdu ħafna meta Ġużeppi qal lir-​raġel li kien jiħodlu ħsieb daru: “Qum! Mur iġri wara l-​irġiel u kun ċert li tilħaqhom u tgħidilhom, ‘Għala ħallastu l-​ġid bid-​deni?+  M’hijiex din it-​tazza li jixrob minnha sidi u li biha jaqra s-​sinjali b’sengħa kbira?+ Azzjoni ħażina għamiltu.’”  Fil-fatt, hu laħaqhom u qalilhom dan il-​kliem.  Imma huma qalulu: “Sidi għala qed jgħidilna dan il-​kliem? Il-​qaddejja tiegħek ma jgħaddilhomx minn moħħhom li jagħmlu ħaġa bħal din.  Ara! Il-​flus li sibna f’wiċċ l-​ixkejjer tagħna ġibnihomlok lura mill-​art taʼ Kangħan.+ Mela, kif stajna nisirqu l-​fidda jew id-​deheb minn dar sidek?+  Ħa jmut dak il-​wieħed minn fost l-​ilsiera tiegħek li tinstab għandu u nsiru aħna wkoll ilsiera taʼ sidi.”+ 10  Għalhekk, qalilhom: “Ħa jsir issa eżatt skond kliemkom.+ B’hekk, dak li tinstab għandu jsir ilsir tiegħi,+ imma intom tkunu misjubin innoċenti.” 11  U huma malajr niżżlu kull wieħed l-​ixkora tiegħu fl-​art u kull wieħed fetaħ l-​ixkora tiegħu stess. 12  U hu beda jfittex bir-​reqqa. Beda bil-​kbir u spiċċa biż-​żgħir. Sa fl-​aħħar, it-​tazza nstabet fl-​ixkora taʼ Benjamin.+ 13  Imbagħad ċarrtu ħwejjiġhom+ u kull wieħed għabba lura t-​tagħbija tiegħu fuq il-​ħmar tiegħu u reġgħu lura lejn il-​belt. 14  U Ġuda+ u ħutu daħlu fid-​dar taʼ Ġużeppi, u hu kien għadu hemm; u nxteħtu wiċċhom fl-​art quddiemu.+ 15  Ġużeppi issa qalilhom: “X’azzjoni hi din li għamiltuli? Ma kontux tafu li bniedem bħali jistaʼ jaqra s-​sinjali b’sengħa kbira?”+ 16  Għal dan, Ġuda qallu: “X’nistgħu ngħidulu lil sidi? Xi kliem nistgħu ngħidu? U kif nistgħu niġġustifikaw lilna nfusna?+ L-​Alla l-​veru kixef l-​iżball taʼ l-​ilsiera tiegħek.+ Ara! Aħna lsiera taʼ sidi,+ kemm aħna u kemm dak li f’idu nstabet it-​tazza!” 17  Madankollu, Ġużeppi qal: “Ma jgħaddilix minn moħħi li nagħmel dan!+ Il-​bniedem li f’idu nstabet it-​tazza hu dak li jsir ilsir tiegħi.+ Il-​kumplament tistgħu titilgħu bis-​sliem għand missierkom.”+ 18  Ġuda issa resaq lejh u qallu: “Nitolbok, sidi, jekk jogħġbok, ħa jgħid kelma l-​ilsir tiegħek biex jisimgħu sidi,+ u ħa ma tisħonx ir-​rabja tiegħek+ kontra l-​ilsir tiegħek, għaliex int daqs il-​Fargħun.+ 19  Sidi staqsa lill-​ilsiera tiegħu u qalilhom, ‘Għandkom missier jew ħu?’ 20  Għalhekk, għedna lil sidi, ‘Għandna missier xwejjaħ u tifel taʼ xjuħitu, iż-​żgħir.+ Imma ħuh mejjet, u b’hekk minn ommu baqaʼ hu waħdu,+ u missieru tassew iħobbu.’ 21  U int għedt lill-​ilsiera tiegħek, ‘Niżżluhuli sabiex narah b’għajnejja.’+ 22  Imma aħna għedna lil sidi, ‘It-​tifel ma jistax jitlaq lil missieru. Jekk jitlaq lil missieru, dan żgur imut.’+ 23  Imbagħad int għedt lill-​ilsiera tiegħek, ‘Jekk ħukom iż-​żgħir ma jinżilx magħkom, intom ma tarawx iżjed wiċċi.’+ 24  “U ġara li aħna tlajna għand missieri, l-​ilsir tiegħek, u għednielu l-​kliem taʼ sidi. 25  Iktar tard missierna qalilna, ‘Morru lura, ixtrulna ftit ikel.’+ 26  Imma aħna għednielu, ‘Ma nistgħux ninżlu. Aħna ninżlu jekk ħuna ż-​żgħir ikun magħna, għaliex ma nistgħux naraw wiċċ dak ir-​raġel jekk ħuna ż-​żgħir ma jkunx magħna.’+ 27  Imbagħad missieri, l-​ilsir tiegħek, qalilna, ‘Intom tafu tajjeb li marti ma wilditlix ħlief żewġ subien.+ 28  Iktar tard wieħed minnhom kien miegħi u telaqni u jien għedt: “Ah, żgur li tqattaʼ bċejjeċ!”+ u ma rajtux iżjed. 29  Jekk tieħdu lil dan ukoll minn quddiemi u jiġrilu xi aċċident u jmut, żgur li fi xjuħiti bl-​għali titfgħuni fil-​Qabar.’*+ 30  “U issa, malli nasal għand missieri, l-​ilsir tiegħek, u t-​tifel ma jkunx magħna, billi ruħu hi marbuta maʼ ruħ it-​tifel,+ 31  jiġri li malli jara li t-​tifel m’huwiex hemm hu żgur li jmut, u l-​ilsiera tiegħek tabilħaqq li se jniżżlu fi xjuħitu lil missierna, l-​ilsir tiegħek, u bl-​għali jitfgħuh fil-​Qabar. 32  Għax l-​ilsir tiegħek għamel tajjeb+ għat-​tifel sakemm ikun ’il bogħod minn missieru, u qal, ‘Jekk nonqos li nġibhulek lura, allura nkun dnibt kontra missieri għal dejjem.’+ 33  Għalhekk issa, jekk jogħġbok, ħa jibqaʼ l-​ilsir tiegħek minflok it-​tifel bħala lsir taʼ sidi, sabiex it-​tifel jitlaʼ maʼ ħutu.+ 34  Għax kif nistaʼ nitlaʼ għand missieri u t-​tifel ma jkunx miegħi, u mbagħad nara l-​għali li ġej fuq missieri?”+

Noti taʼ taħt

Bl-Ebrajk, “Xeol.” F’vers 31 ukoll.