Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġenesi 42:1-38

42  U Ġakobb ra li kien hemm iċ-ċereali fl-Eġittu.+ Imbagħad qal lil uliedu: “Għala qed tħarsu lejn xulxin?”  U żied: “Ara! Smajt li hemm iċ-ċereali fl-Eġittu.+ Inżlu hemmhekk u ixtrulna minn hemmhekk, sabiex nibqgħu ħajjin u ma mmutux.”  Għaldaqstant, għaxra minn ħut+ Ġużeppi niżlu jixtru l-qmuħ mill-Eġittu.  Imma Ġakobb ma bagħatx lil Benjamin,+ ħu Ġużeppi, maʼ ħutu l-oħrajn, għax qal: “Li ma jmurx jiġrilu xi aċċident u jmut.”+  U wlied Israel ġew flimkien maʼ l-oħrajn li kienu ġejjin jixtru, għaliex kien hemm il-ġuħ fl-art taʼ Kangħan.+  U Ġużeppi kien ir-raġel fil-poter fil-pajjiż.+ Kien hu li kien qed ibigħ iċ-ċereali lin-nies kollha taʼ l-art.+ Għaldaqstant, ħut Ġużeppi ġew u mielu quddiemu b’wiċċhom lejn l-art.+  Meta ra lil ħutu, Ġużeppi mill-ewwel għarafhom, imma hu għamel xi ħaġa biex ma jintgħarafx minnhom.+ Għalhekk, kellimhom iebes u qalilhom: “Minfejn ġejtu?” u huma wiġbuh: “Mill-art taʼ Kangħan biex nixtru l-ikel.”+  B’hekk, Ġużeppi għaraf lil ħutu, imma huma m’għarfuhx.  Minnufih Ġużeppi ftakar fil-ħolm li kien ħolom dwarhom,+ u ssokta jgħidilhom: “Intom spiji! Ġejtu biex titkixxfu d-dgħjufijiet taʼ din l-art!”+ 10  Qalulu: “Le, sidi,+ imma l-qaddejja tiegħek+ ġew jixtru l-ikel. 11  Aħna lkoll ulied bniedem wieħed. Aħna nies retti. Il-qaddejja tiegħek m’humiex spiji.”+ 12  Imma hu qalilhom: “Mhux veru! Għaliex intom ġejtu titkixxfu d-dgħjufijiet taʼ l-art!”+ 13  Huma wiġbuh: “Il-qaddejja tiegħek qegħdin tnax aħwa.+ Aħna m’aħniex ħlief ulied bniedem wieħed+ fl-art taʼ Kangħan; u ż-żgħir illum qiegħed maʼ missierna,+ filwaqt li l-ieħor m’għadux magħna.”+ 14  Madankollu, Ġużeppi qalilhom: “Bħalma għedtilkom jien, ‘Intom spiji!’ 15  Din se tkun il-prova tagħkom. Daqskemm hu ħaj il-Fargħun, ma toħorġux minn hawn jekk ħukom iż-żgħir ma jiġix hawnhekk.+ 16  Ibagħtu lil wieħed minnkom iġib lil ħukom waqt li intom tibqgħu marbutin, biex kliemkom jiġi provat jekk intomx tgħidu l-verità.+ U jekk le, allura, daqskemm hu ħaj il-Fargħun, intom spiji.” 17  U żammhom ilkoll flimkien arrestati għal tlett ijiem. 18  Imbagħad fit-tielet jum Ġużeppi qalilhom: “Agħmlu dan u tibqgħu ħajjin. Jien nibżaʼ+ mill-Alla l-veru. 19  Jekk intom retti, ħa jinżamm wieħed minn ħutkom marbut fid-dar fejn qed tinżammu arrestati,+ u l-kumplament tistgħu tmorru u tieħdu ċ-ċereali minħabba l-ġuħ li hemm fi djarkom.+ 20  Imbagħad iġġibuli lil ħukom iż-żgħir, sabiex kliemkom jinstab li hu taʼ min jafdah; u ma tmutux.”+ U hekk għamlu. 21  U bdew jgħidu lil xulxin: “Bla dubju aħna ħatjin rigward ħuna,+ għax rajna kemm kellu ruħu mnikkta meta talabna bil-ħniena biex nagħdruh, imma ma tajniehx widen. Huwa għalhekk li dan in-niket ġie fuqna.”+ 22  Imbagħad Ruben wiġibhom u qalilhom: “M’għedtilkomx jien, ‘Tidinbux kontra t-tifel,’ imma intom ma tajtux widen?+ U issa ara, demmu qed jintalab lura.”+ 23  Imma huma ma kinux jafu li Ġużeppi setaʼ jifhem, għax kien hemm interpretu bejniethom. 24  U hu tbiegħed minnhom u beda jibki.+ Imbagħad mar lura ħdejhom u kellimhom u ħa lil Simegħon+ minn fosthom u rabtu quddiem għajnejhom.+ 25  Wara dan, Ġużeppi ta l-kmand, u bdew jimlewlhom ir-reċipjenti tagħhom bil-qmuħ. Ukoll, kellhom iroddu l-flus taʼ l-irġiel fl-ixkora+ taʼ kull wieħed minnhom u jagħtuhom provvisti għall-vjaġġ.+ Għaldaqstant, hekk għamlulhom. 26  U għabbew iċ-ċereali tagħhom fuq il-ħmir tagħhom u telqu minn hemmhekk. 27  Meta wieħed minnhom fetaħ l-ixkora tiegħu biex jagħlef lill-ħmar tiegħu fil-post fejn waqfu biex jgħaddu l-lejl,+ ra li l-flus tiegħu kienu f’wiċċ l-ixkora tiegħu.+ 28  U qal lil ħutu: “Flusi traddewli lura u issa qegħdin fl-ixkora tiegħi!” Imbagħad qalbhom waqfet, u daru lejn xulxin+ jirtogħdu u jgħidu: “X’inhu dan li għamlilna Alla?”+ 29  Sa fl-aħħar waslu għand missierhom Ġakobb fl-art taʼ Kangħan u rrakkontawlu kulma kien ġralhom, u qalulu: 30  “Ir-raġel li hu s-sid tal-pajjiż kellimna iebes,+ għax ħasibna spiji li morna nitkixxfu l-pajjiż.+ 31  Imma aħna għednielu, ‘Aħna nies retti.+ M’aħniex spiji. 32  Aħna qegħdin tnax aħwa,+ ulied missierna.+ Wieħed m’għadux magħna,+ u ż-żgħir illum qiegħed maʼ missierna fl-art taʼ Kangħan.’+ 33  Imma r-raġel li hu s-sid tal-pajjiż qalilna,+ ‘B’dan se nkun naf li intom retti:+ Ħa jibqaʼ miegħi wieħed minn ħutkom.+ Imbagħad ħudu xi ħaġa għall-ġuħ li hemm fi djarkom u morru.+ 34  U ġibuli lil ħukom iż-żgħir biex inkun naf li m’intomx spiji imma li intom retti. Lil ħukom nagħtihulkom lura, u intom tkunu tistgħu tinnegozjaw fil-pajjiż.’”+ 35  U ġara li, meta kienu qed ibattlu l-ixkejjer tagħhom, kull wieħed sab il-borża tal-flus fl-ixkora tiegħu stess. U huma, kif ukoll missierhom, raw il-boroż tal-flus tagħhom, u bdew jibżgħu. 36  Imbagħad missierhom Ġakobb qalilhom: “Ċaħħadtuni minn uliedi!+ Ġużeppi m’għadux magħna u Simegħon m’għadux magħna,+ u lil Benjamin se tiħduhuli! Kelli ngħaddi minn dan kollu!” 37  Imma Ruben qal lil missieru: “Oqtolli liż-żewġ uliedi jekk ma nġibhulekx lura.+ Agħtihuli u nieħu ħsiebu jien, u żgur inġibhulek lura.”+ 38  Madankollu, hu qallu: “Ibni ma jinżilx magħkom, għaliex ħuh miet u hu baqaʼ waħdu.+ Jekk jiġrilu xi aċċident u jmut fit-triq li sejrin fiha, imbagħad żgur li fi xjuħiti bl-għali titfgħuni fil-Qabar.”*+

Noti taʼ taħt

Bl-Ebrajk, “Xeol.”