Ġenesi 38:1-30

38  Issa sadanittant ġara li, meta niżel mingħand ħutu, Ġuda waqqaf it-​tinda tiegħu ħdejn raġel Għadullami+ li kien jismu Ħira.  U hemmhekk Ġuda ra lil bint wieħed Kangħani+ li kien jismu Sugħa. Hu ħadha u kellu x’jaqsam magħha.  U hi ħarġet tqila u iktar tard wildet iben u semmietu Għer.+  Reġgħet ħarġet tqila u meta għalqilha ż-​żmien wildet iben u semmietu Onan.  Għal darb’oħra wildet iben u semmietu Selaħ. Issa Ġuda kien f’Akżib meta wildet lil Selaħ.+  Għadda ż-​żmien u Ġuda ħa mara għal Għer, l-​ewwel imwieled tiegħu, u din kien jisimha Tamar.+  Imma Għer, l-​ewwel imwieled taʼ Ġuda, kien ħażin f’għajnejn Ġeħova;+ għalhekk, Ġeħova ħadlu ħajtu.+  Minħabba f’hekk, Ġuda qal lil Onan: “Ħa jkollok x’taqsam maʼ mart ħuk u żżewwiġha u aqdi dmirek magħha bħala ħu żewġha u qajjem nisel għal ħuk.”+  Imma Onan kien jaf li n-​nisel ma kienx se jkun tiegħu;+ u ġara li meta kien ikollu x’jaqsam maʼ mart ħuh kien jarmi l-​isperma fl-​art sabiex ma jagħtix nisel lil ħuh.+ 10  Issa dak li għamel kien ħażin f’għajnejn Ġeħova;+ għalhekk, ħadlu ħajtu wkoll.+ 11  B’hekk, Ġuda qal lil Tamar, mart ibnu: “Għammar f’dar missierek bħala armla sakemm jikber ibni Selaħ.”+ Għax qal bejnu u bejn ruħu: “Għandu mnejn li hu wkoll imut bħal ħutu.”+ U Tamar marret kif qalilha u baqgħet tgħammar f’dar missierha.+ 12  U għadda ħafna żmien u bint Sugħa, mart Ġuda,+ mietet; u Ġuda żamm il-​perijodu tal-​vistu.+ Wara dan, telaʼ Timna+ għand dawk li jġiżżulu n-​nagħaġ, hu u sieħbu Ħira, l-​Għadullami.+ 13  Imbagħad lil Tamar qalulha: “Ara! Il-​kunjatu tiegħek tielaʼ Timna biex iġiżż in-​nagħaġ tiegħu.”+ 14  Għalhekk, neħħiet minn fuqha l-​ilbies t’armla u tgħattiet b’xall u libset velu u qagħdet bil-​qiegħda fid-​daħla t’Għenajm, li qiegħed fit-​triq li tagħti għal Timna. Għax hi rat li Selaħ kien kiber, u madankollu ma kinitx ngħatatlu b’martu.+ 15  Meta lemaħha, Ġuda mill-​ewwel ħasibha prostituta,+ għaliex kellha wiċċha mgħotti.+ 16  Għalhekk, dar lejha fil-​ġenb tat-​triq u qalilha: “Jekk jogħġbok, ħallini jkolli x’naqsam miegħek,”+ għax ma kienx jaf li kienet mart ibnu.+ Madankollu, hi qaltlu: “X’tagħtini biex ikollok x’taqsam miegħi?”+ 17  Wiġibha: “Nibgħatlek gidi mill-​merħla.” Imma hi qaltlu: “Tagħtini xi ħaġa bħala garanzija sakemm tibagħtu?”+ 18  U hu kompla: “X’se nagħtik bħala garanzija?” u hi wieġbet: “Iċ-​ċurkett tas-​siġill+ tiegħek u l-​ħabel tiegħek u l-​ħatar tiegħek li għandek f’idek.” Imbagħad tahomlha u kellu x’jaqsam magħha, u hi ħarġet tqila minnu. 19  Imbagħad qamet u marret u neħħiet ix-​xall minn fuqha u libset l-​ilbies t’armla.+ 20  U Ġuda bagħat il-​gidi maʼ sieħbu l-​Għadullami+ sabiex jieħu lura dak li ħalla bħala garanzija minn id il-​mara, imma ma sabhiex. 21  U mar jistaqsi lill-​irġiel tal-​post, u qalilhom: “Fejn hi l-​prostituta tat-​tempju li kienet tkun f’Għenajm fil-​ġenb tat-​triq?” Imma baqgħu jgħidulu: “Qatt ma kien hawn prostituta tat-​tempju+ f’dan il-​post.” 22  Fl-aħħar mar lura għand Ġuda u qallu: “Ma sibthiex u, barra minn hekk, l-​irġiel tal-​post qaluli, ‘Qatt ma kien hawn prostituta tat-​tempju f’dan il-​post.’” 23  Għalhekk, Ġuda qallu: “Ħalliha żżommhom, li ma mmorrux niġu disprezzati.+ Fuq kollox, jien bgħatt dan il-​gidi, imma int—int ma sibthiex.” 24  Madankollu, xi tliet xhur wara lil Ġuda qalulu: “Tamar, mart ibnek, għamlitha taʼ prostituta,+ u, ara, ħarġet tqila+ bil-​prostituzzjoni tagħha.” U Ġuda wieġeb: “Oħorġuha u aħarquha.”+ 25  Huma u joħorġuha ’l barra bagħtet tgħid lill-​kunjatu tagħha: “Mir-​raġel li dawn huma tiegħu ħriġt tqila.”+ U żiedet: “Jekk jogħġbok, ifli+ u ara taʼ min huma dawn, iċ-​ċurkett tas-​siġill, il-​ħabel, u l-​ħatar.”+ 26  U Ġuda fliehom u qal:+ “Hi iktar ġusta minni,+ għax ma tajthiex lil ibni Selaħ.”+ U wara dan ma reġax kellu x’jaqsam magħha.+ 27  Issa ġara li, x’ħin kienet qed tiled, ara, kien hemm tewmin f’żaqqha. 28  U waqt li kienet qed tiled wieħed minnhom ħareġ idu, u l-​majjistra fil-​pront qabdet ħajta lewn l-​iskarlat u rabtithielu maʼ idu, u qalet: “Dan ħareġ l-​ewwel.” 29  Fl-aħħar ġara li, malli ġibed idu lura ħareġ ħuh, u hi qalet: “Xi trid tgħid biha din it-​tiċrita li għamilt lil ommok biex toħroġ?” Għalhekk, semmewh Pereż.*+ 30  U wara ħareġ ħuh li maʼ idu kellu l-​ħajta lewn l-​iskarlat u semmewh Żeraħ.*+

Noti taʼ taħt

Ifisser “Tiċrita.”
Ifisser “Dija; Qawmien.”