Ġenesi 37:1-36

37  U Ġakobb baqaʼ jgħammar fl-​art li fiha missieru kien jgħix bħala barrani,+ fl-​art taʼ Kangħan.+  Dan hu r-​rakkont storiku taʼ Ġakobb. Meta kellu sbatax-il sena, Ġużeppi+ kien qed jirgħa n-​nagħaġ maʼ ħutu qalb il-​merħla+ u, billi kien daqsxejn taʼ tifel, kien maʼ wlied Bilħa+ u wlied Żilfa,+ in-​nisa taʼ missieru. U Ġużeppi wassal rapport ħażin dwarhom lil missierhom.+  U Israel kien iħobb lil Ġużeppi iktar milli kien iħobb lil uliedu l-​oħrajn kollha,+ għaliex kien bin xjuħitu; u għamillu libsa twila bil-​kmiem u b’ħafna lwien.+  Meta ħutu raw li missierhom kien iħobbu iktar milli kien iħobb lil ħutu kollha, bdew jobogħduh,+ u ma kellhomx il-​ħila jkellmuh bis-​sliem.+  Iktar tard Ġużeppi kellu ħolma u qalha lil ħutu,+ u dawn iktar kellhom għalxiex jobogħduh.  U hu ssokta jgħidilhom: “Jekk jogħġobkom, isimgħu din il-​ħolma li ħlomt.+  Ara! Konna qed norbtu l-​qatet f’nofs l-​għalqa meta l-​qatta tiegħi qamet u baqgħet wieqfa u l-​qatet tagħkom daru dawramejt mal-​qatta tiegħi u mielu quddiemha.”+  U ħutu bdew jgħidulu: “Ċert int li se ssaltan fuqna?+ jew, Ċert int li se tiddomina fuqna?”+ B’hekk, kellhom raġuni oħra biex jobogħduh minħabba l-​ħolm tiegħu u minħabba kliemu.  U reġaʼ kellu ħolma oħra, u rrakkontaha lil ħutu u qalilhom: “Ara! Erġajt ħlomt ħolma oħra, u, ara, ix-​xemx, il-​qamar, u ħdax-il kewkba kienu qed imilu quddiemi.”+ 10  Imbagħad irrakkontaha lil missieru kif ukoll lil ħutu, u missieru beda jċanfru u jgħidlu:+ “Xi tfisser din il-​ħolma li ħlomt? Ċert int li jien, ommok, u ħutek se niġu mmilu lejn l-​art quddiemek?” 11  U ħutu bdew jgħiru għalih,+ imma missieru żamm f’moħħu dan il-​kliem.+ 12  Ħutu issa marru jirgħu l-​merħla taʼ missierhom qrib Sikem.+ 13  Ftit wara, Israel qal lil Ġużeppi: “Ħutek qed jirgħu l-​imrieħel qrib Sikem, hux hekk? Ejja, ħa nibagħtek ħdejhom.” U hu wieġbu: “Hawn jien!”+ 14  Għalhekk, qallu: “Jekk jogħġbok, mur u ara jekk ħutek humiex qawwijin u sħaħ u jekk il-​merħla hijiex qawwija u sħiħa, u ejja għidli.”+ U bagħtu mill-​pjanura l-​baxxa taʼ Ħebron,+ u mar lejn Sikem. 15  Iktar tard wieħed raġel sabu jiġġerra fir-​rabaʼ. Imbagħad ir-​raġel staqsieh u qallu: “X’qed tfittex?” 16  U hu wieġbu: “Qed infittex lil ħuti. Għidli, jekk jogħġbok, Fejn qed jirgħu l-​imrieħel?” 17  U r-​raġel kompla: “Telqu minn hawnhekk, għax smajthom jgħidu, ‘Ħa mmorru Dotan.’” Għalhekk, Ġużeppi baqaʼ jfittex lil ħutu u sabhom f’Dotan. 18  Huma lemħuh mill-​bogħod, u qabel ma qorob lejhom bdew jikkonfoffaw kontrih biex joqtluh.+ 19  Għalhekk, bdew jgħidu lil xulxin: “Ara! Ġej dak li jħobb joħlom.+ 20  U issa ejja noqtluh u nixħtuh f’wieħed mill-​bjar;+ u rridu ngħidu li kilitu bhima salvaġġa feroċi.+ Imbagħad naraw x’se jsir mill-​ħolm tiegħu.” 21  Meta Ruben semaʼ dan, ipprova jeħilsu minn idejhom.+ Għalhekk, qalilhom: “Ħa ma naħbtux għalih u nneħħulu ħajtu.”+ 22  U Ruben issokta jgħidilhom: “Ixxerrdux demm.+ Ixħtuh f’dan il-​bir li qiegħed fix-​xagħri u tmiddux idejkom fuqu.”+ L-​iskop tiegħu kien li jeħilsu minn idejhom sabiex iroddu lura lil missieru. 23  U ġara li, malli Ġużeppi wasal ħdejn ħutu, dawn neżżgħulu l-​libsa twila, dik il-​libsa twila taʼ ħafna lwien li kellu fuqu;+ 24  u mbagħad qabduh u xeħtuh fil-​bir.+ Dakinhar il-​bir kien vojt; ma kienx fih ilma. 25  Imbagħad qagħdu bil-​qiegħda jieklu l-​ħobż.+ Meta refgħu għajnejhom u taw ħarsa madwarhom, ara, kien hemm karavana Ismagħelin+ li kienet ġejja minn Gilegħad, u l-​iġmla tagħhom kienu qed iġorru l-​gomma aromatika* u l-​balzmu u l-​qoxra taʼ siġra li fiha r-​raża,+ fi triqithom biex iniżżluhom l-​Eġittu. 26  U Ġuda qal lil ħutu: “X’se ndaħħlu fil-​but jekk noqtlu lil ħuna u naħbu demmu?+ 27  Ejjew inbigħuh lill-​Ismagħelin,+ u ma mmiddux idejna fuqu.+ Wara kollox, hu ħuna u laħamna.” Għalhekk, semgħu minn ħuhom.+ 28  Sadanittant għaddew minn hemmhekk xi rġiel li kienu negozjanti Midjanin.+ B’hekk, ħutu ġibdu u tellgħu lil Ġużeppi mill-​bir+ u mbagħad bigħuh lill-​Ismagħelin għal għoxrin biċċa tal-​fidda.+ Dawn ħadu lil Ġużeppi l-​Eġittu. 29  Iktar tard Ruben mar lura lejn il-​bir iżda Ġużeppi ma kienx fil-​bir. Għaldaqstant, hu ċarrat ħwejġu.+ 30  Meta reġaʼ lura ħdejn ħutu l-​oħrajn qalilhom: “It-​tifel m’għadux hemm! U issa jien—fejn se naqbad immur?”+ 31  Madankollu, qabdu l-​libsa twila taʼ Ġużeppi u qatlu bodbod u għaddsu darba wara l-​oħra l-​libsa fid-​demm.+ 32  Imbagħad bagħtu l-​libsa twila b’ħafna lwien għand missierhom u qalulu: “Sibna din. Jekk jogħġbok, ifliha+ biex tara jekk hijiex il-​libsa taʼ ibnek.”+ 33  U hu flieha u qalilhom: “Din hi l-​libsa taʼ ibni! Bilfors li kilitu bhima salvaġġa feroċi!+ Ġużeppi żgur li hu mqattaʼ bċejjeċ!”+ 34  U Ġakobb ċarrat ħwejġu u libes drapp taʼ l-​ixkora fuq ġenbejh u baqaʼ mnikket għal ħafna jiem+ minħabba ibnu. 35  U s-​subien u l-​bniet kollha tiegħu baqgħu jfarrġuh,+ imma hu ma riedx jaf b’faraġ u qal:+ “Għax se ninżel imnikket ħdejn ibni fil-​Qabar!”* U missieru baqaʼ jibkih. 36  Madankollu, il-​Midjanin bigħuh fl-​Eġittu lil Potifar, uffiċjal tal-​palazz tal-​Fargħun,+ il-​kap tal-​gwardja persunali tiegħu.+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “labdanum.”
Bl-Ebrajk, “Xeol.” Ara Appendiċi 4.