Ġenesi 35:1-29

35  U Alla qal lil Ġakobb: “Qum, itlaʼ lejn Betel u għammar hemmhekk,+ u agħmel artal hemmhekk lill-​Alla l-​veru li deherlek meta kont qed taħrab minn ħuk Għesaw.”+  Imbagħad Ġakobb qal lin-​nies taʼ daru u lil kulmin kien miegħu: “Neħħu l-​allat barranin li għandkom f’nofskom+ u tnaddfu u biddlu ħwejjiġkom,+  u ħa nqumu u nitilgħu lejn Betel. U hemmhekk nagħmel artal lill-​Alla l-​veru li wiġibni f’jum in-​niket tiegħi+ billi kien miegħi fit-​triq li mxejt.”+  Għalhekk, lil Ġakobb tawh l-​allat barranin kollha+ li kellhom f’idejhom u l-​imsielet li kellhom f’widnejhom, u Ġakobb ħbiehom+ taħt is-​siġra l-​kbira li kienet qrib Sikem.  Wara dan telqu, u l-​biżaʼ minn Alla waqaʼ fuq il-​bliet li kienu madwarhom,+ u b’hekk ma ġrewx wara wlied Ġakobb.  Fl-aħħar, Ġakobb wasal Luż,+ li qiegħda fl-​art taʼ Kangħan, jiġifieri, Betel, hu u n-​nies kollha li kienu miegħu.  Imbagħad bena artal hemmhekk u semma dak il-​post El-Betel,* għaliex hemmhekk l-​Alla l-​veru kien deherlu meta kien qed jaħrab minn ħuh.+  Iktar tard Debora,+ il-​mara li darba kienet treddaʼ lil Rebekka, mietet u ġiet midfuna fit-​tarf taʼ Betel, taħt siġra kbira ħafna. Għalhekk, din semmieha Allon-bakut.*  Alla issa deher lil Ġakobb għal darb’oħra waqt li kien ġej mill-​Fiddien-aram+ u bierku.+ 10  U Alla ssokta jgħidlu: “Int jismek Ġakobb.+ M’għandux jibqaʼ jismek Ġakobb, imma ismek se jsir Israel.” U beda jsejjaħlu Israel.+ 11  U Alla qallu wkoll: “Jien Alla li Jistaʼ Kollox.+ Nissel u oktor. Ġnus u ġemgħa taʼ ġnus għad joħorġu minnek, u slaten għad joħorġu minn ġenbejk.*+ 12  Inkwantu għall-​art li jien tajt lil Abraham u lil Iżakk, se nagħtiha lilek, u lil nislek+ warajk se nagħti din l-​art.”+ 13  Imbagħad Alla telaʼ ’l fuq minn quddiemu, mill-​post fejn kien kellmu.+ 14  Għaldaqstant, Ġakobb waqqaf kolonna fil-​post fejn kien kellmu,+ kolonna tal-​ġebel, u sawwab fuqha offerta tax-​xorb u sawwab iż-​żejt fuqha.+ 15  U Ġakobb kompla jsejjaħ isem il-​post fejn kien kellmu Alla, Betel.+ 16  Imbagħad telqu minn Betel. U, waqt li kien għad fadlilhom medda kbira t’art qabel jaslu Efrata,+ Rakele bdiet tiled, u kienet qed tbati ħafna biex teħles.+ 17  U ġara li, waqt li kienet qed issibha diffiċli biex teħles, il-​majjistra qaltilha: “Tibżax, għax se jkollok dan l-​iben ukoll.”+ 18  U r-​riżultat kien li hekk kif kienet ħierġa ruħha*+ (għaliex mietet)+ semmietu Ben-oni;* imma missieru semmieh Benjamin.*+ 19  B’hekk, Rakele mietet u difnuha fit-​triq li tagħti għal Efrata, jiġifieri, Betlehem.+ 20  Għalhekk, Ġakobb waqqaf kolonna fuq il-​qabar tagħha. Din hi l-​kolonna tal-​qabar taʼ Rakele sa dan il-​jum.+ 21  Wara dan, Israel telaq u waqqaf it-​tinda tiegħu lil hinn mit-​torri t’Għeder.+ 22  U ġara li darba minnhom, waqt li Israel kien qed jgħix fit-​tined+ f’dak il-​pajjiż, Ruben mar u mtedd maʼ Bilħa, il-​konkubina taʼ missieru, u Israel semaʼ b’dan.+ Mela wlied Ġakobb kienu tnax. 23  L-ulied minn Lea kienu Ruben,+ l-​ewwel imwieled taʼ Ġakobb, Simegħon, Levi, Ġuda, Issakar, u Żebulun. 24  L-ulied minn Rakele kienu Ġużeppi u Benjamin. 25  U l-​ulied minn Bilħa, il-​qaddejja taʼ Rakele, kienu Dan u Naftali. 26  U l-​ulied minn Żilfa, il-​qaddejja taʼ Lea, kienu Gad u Aser. Dawn huma wlied Ġakobb li twildulu fil-​Fiddien-aram. 27   Sa fl-​aħħar, Ġakobb wasal għand missieru Iżakk f’Mamre,+ f’Kirjat-arba,+ jiġifieri, Ħebron, fejn Abraham kif ukoll Iżakk kienu għammru bħala barranin.+ 28  U jiem Iżakk kienu mija u tmenin sena.+ 29  Imbagħad Iżakk ħa l-​aħħar nifs u miet u nġabar maʼ niesu, xiħ u mimli bl-​għomor,+ u difnuh uliedu Għesaw u Ġakobb.+

Noti taʼ taħt

Ifisser “L-​Alla taʼ Betel.”
Ifisser “Siġra Kbira Ħafna tal-​Biki.”
Hawnhekk il-​“ġenbejn” jissinifikaw l-​organi riproduttivi.
“Ruħha” hawnhekk tfisser “ħajjitha.”
Ifisser “Bin in-​Niket Tiegħi.”
Ifisser “Bin l-​Id il-​Leminija.”