Ġenesi 31:1-55

31  Maż-żmien, hu semaʼ lil ulied Laban jitkellmu u jgħidu: “Ġakobb ħa kulma kellu missierna; u minn dak li kellu missierna hu ġemaʼ dan il-​ġid kollu.”+  Meta Ġakobb kien iħares lejn wiċċ Laban, ara, ma kienx għadu l-​istess miegħu bħal qabel.+  Fl-aħħar, Ġeħova qal lil Ġakobb: “Erġaʼ lura lejn art missirijietek u lejn qrabatek,+ u jien inkun miegħek.”+  Imbagħad Ġakobb bagħat isejjaħ lil Rakele u lil Lea biex jiġu l-​għalqa, ħdejn il-​merħla tiegħu,  u qalilhom: “Qed nara li wiċċ missierkom m’għadux l-​istess miegħi bħal qabel;+ imma l-​Alla taʼ missieri wera li hu miegħi.+  U intom tafu li lil missierkom qdejtu b’ħilti kollha.+  U missierkom qarraq bija u biddilli ħlasi għaxar darbiet, imma Alla ma ħalliehx jagħmilli ħsara.+  Jekk minn banda kien jgħidli, ‘L-​imnaqqxin ikunu ħlasek,’ il-​merħla kollha kien ikollha frieħ imnaqqxin; imma jekk mill-​banda l-​oħra kien jgħidli, ‘Dawk bl-​istrixxi jkunu ħlasek,’ il-​merħla kollha kien ikollha frieħ bl-​istrixxi.+  Għalhekk, Alla kien jieħu l-​merħla taʼ missierkom u jagħtiha lili.+ 10  Sa fl-​aħħar ġara li, fi żmien meta l-​merħla saħnet, erfajt għajnejja u rajt dehra f’ħolma,+ u, ara, il-​bdabad li kienu qed jitilgħu fuq il-​merħla kienu bl-​istrixxi, imnaqqxin, u ttikkjati.+ 11  U l-​anġlu taʼ l-​Alla l-​veru qalli fil-​ħolma, ‘Ġakobb!’ u jien wiġibtu, ‘Hawn jien.’+ 12  U hu kompla, ‘Jekk jogħġbok, erfaʼ għajnejk u ara li l-​bdabad li qed jitilgħu fuq il-​merħla huma bl-​istrixxi, imnaqqxin, u ttikkjati, għax jien rajt kulma qed jagħmillek Laban.+ 13  Jien l-​Alla l-​veru taʼ Betel,+ fejn int dlikt kolonna+ u fejn ħliftli ħalfa.+ Issa qum, oħroġ minn din l-​art u erġaʼ lura lejn art twelidek.’”+ 14  U Rakele u Lea wiġbuh u qalulu: “Għad baqgħalna xi sehem mill-​wirt f’dar missierna?+ 15  M’aħniex qisna barranin għalih ladarba biegħna, u qed ikompli kontinwament jiekol saħansitra mill-​flus mogħtijin għalina?+ 16  Għax ir-​rikkezzi kollha li Alla ħa mingħand missierna huma tagħna u taʼ wliedna.+ Għalhekk, issa agħmel kulma qallek Alla.”+ 17  Imbagħad Ġakobb qam u tellaʼ lil uliedu u lin-​nisa tiegħu fuq l-​iġmla;+ 18  u beda jsuq il-​merħla kollha tiegħu u l-​ġid kollu li kien ġemaʼ,+ il-​merħla li kien kiseb u li kien ġemaʼ fil-​Fiddien-aram, sabiex imur għand missieru Iżakk lejn l-​art taʼ Kangħan.+ 19  Issa Laban kien mar iġiżż in-​nagħaġ tiegħu. Sadanittant, Rakele serqet it-​terafim*+ li kienu taʼ missierha. 20  U Ġakobb qarraq b’Laban is-​Sirjan, għax ma kienx qallu li kien se jaħrab. 21  U ħarab, hu u kulma kellu, u qam u qasam ix-​Xmara.*+ Imbagħad dawwar wiċċu lejn ir-​reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad.+ 22  Iktar tard, fit-​tielet jum, lil Laban qalulu li Ġakobb kien ħarab. 23  U ħa miegħu lill-​irġiel tiegħu u mar jiġri+ warajh distanza taʼ sebat ijiem mixi u laħqu fir-​reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad. 24  U Alla ġie għand Laban is-​Sirjan+ f’ħolma bil-​lejl+ u qallu: “Oqgħod attent li ma tkellimx lil Ġakobb, la tajjeb u lanqas ħażin.”+ 25  Għalhekk, Laban mar ħdejn Ġakobb, għax Ġakobb kien waqqaf it-​tinda tiegħu fuq il-​muntanja u Laban kien ikkampja maʼ l-​irġiel tiegħu fir-​reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad. 26  Imbagħad Laban qal lil Ġakobb: “X’għamilt, li saħansitra wasalt biex tqarraq bija u ġarrejt lill-​bniet tiegħi bħal ilsiera meħudin bis-​sejf?+ 27  Għala kellek taħrab bil-​moħbi u tqarraq bija u ma tgħidlix, biex kont nibagħtek bil-​ferħ u bl-​għanjiet,+ bit-​tanburlin u bl-​arpa?+ 28  U ma tajtnix ċans inbus it-​tfal u l-​bniet tiegħi.+ Issa int aġixxejt taʼ iblah. 29  Għandi s-​setgħa f’idi li nagħmlilkom il-​ħsara,+ imma l-​Alla taʼ missierkom il-​lejl l-​ieħor kellimni u qalli, ‘Oqgħod attent li ma tkellimx lil Ġakobb, la tajjeb u lanqas ħażin.’+ 30  U issa li fil-​fatt tlaqt minħabba li tant kont imxennaq għal dar missierek, għala, iżda, sraqt l-​allat tiegħi?”+ 31  Ġakobb wieġeb u qal lil Laban: “Kien għaliex bżajt.+ Għax għedt bejni u bejn ruħi, ‘Int se tiħodli bil-​forza l-​bniet tiegħek.’ 32  Għand min issib allatek, ma jibqax ħaj.+ Quddiem l-​irġiel tagħna, ara għalik innifsek x’għandi li hu tiegħek u ħudu għalik.”+ Imma Ġakobb ma kienx jaf li Rakele kienet serqithom.+ 33  Għalhekk, Laban daħal fit-​tinda taʼ Ġakobb u fit-​tinda taʼ Lea u fit-​tinda taż-​żewġ ilsiera nisa,+ imma ma sabhomx. Fl-​aħħar, hu ħareġ mit-​tinda taʼ Lea u daħal fit-​tinda taʼ Rakele. 34  Issa Rakele kienet ħadet it-​terafim, u poġġiethom fil-​basket tas-​sarġ li n-​nisa jużaw fuq il-​ġemel, u baqgħet bil-​qiegħda fuqhom. Għalhekk, Laban fittex fit-​tinda kollha, imma ma sabhomx. 35  Imbagħad qalet lil missierha: “Ħa ma tixgħelx ir-​rabja f’għajnejn sidi,+ għaliex ma nistax inqum quddiemek, għax għandi dak li s-​soltu jkollhom in-​nisa.”+ Għalhekk, kompla jfittex bir-​reqqa, imma t-​terafim ma sabhomx.+ 36  U Ġakobb irrabja+ u beda jitlewwem maʼ Laban, u Ġakobb issokta jgħid lil Laban: “Għala ġrejt warajja+ qisni wieħed li wettaq xi delitt?+ Xi dnub għamilt? 37  Issa li fittixt f’ġidi kollu, x’sibt mill-​ġid kollu taʼ darek?+ Poġġih hawnhekk quddiem l-​irġiel tiegħi u l-​irġiel tiegħek,+ u ħa jiddeċiedu huma bejnietna.+ 38  Ili għoxrin sena miegħek. In-​nagħaġ u l-​mogħoż tiegħek ma kellhomx korrimenti fil-​ħlas,+ u qatt ma kilt mill-​imtaten tal-​merħla tiegħek. 39  Ma ġibtlek ebda annimal imbiċċer.+ Jien innifsi kont nagħmel tajjeb għalih. Sew jekk wieħed minnhom kien jinsteraq bi nhar u sew jekk kien jinsteraq bil-​lejl, kont titlob kont tiegħu minn idi.+ 40  Kemm-il darba bi nhar kienet tkiddni s-​sħana u bil-​lejl il-​kesħa, u n-​ngħas kien itir minn għajnejja.+ 41  Għoxrin sena ili f’darek. Qdejtek erbatax-il sena għaż-​żewġt ibniet tiegħek u sitt snin għall-​merħla tiegħek, u int biddiltli ħlasi għaxar darbiet.+ 42  Kieku l-​Alla taʼ missieri,+ l-​Alla t’Abraham u l-​Biżaʼ taʼ Iżakk,+ ma kienx miegħi, kont tibgħatni b’idi vojta. Alla ra l-​miżerja tiegħi u t-​taħbit taʼ idejja, u għalhekk widdbek il-​lejl l-​ieħor.”+ 43  Imbagħad Laban wieġeb u qal lil Ġakobb: “Il-​bniet huma l-​bniet tiegħi u t-​tfal it-​tfal tiegħi u l-​merħla l-​merħla tiegħi, u kulma qed tħares lejh hu tiegħi u tal-​bniet tiegħi. X’nistaʼ nagħmel jien illum kontra dawn jew kontra wliedhom li huma wildu? 44  Issa, ejja, ħa nagħmlu patt,+ jien u int, u dan irid iservi bħala xiehda bejni u bejnek.”+ 45  Għaldaqstant, Ġakobb ħa ġebla u waqqafha bħala kolonna.+ 46  Imbagħad Ġakobb qal lill-​irġiel tiegħu: “Iġbru l-​ġebel!” U huma ġabru l-​ġebel u għamluh gozz.+ Imbagħad kielu hemmhekk fuq il-​gozz. 47  U Laban beda jsejjaħlu Ġegar-saħaduta,* imma Ġakobb sejjaħlu Galgħed.* 48  U Laban qal: “Illum dan il-​gozz hu xiehda bejni u bejnek.” Huwa għalhekk li sejjaħlu Galgħed,+ 49  u T-​Torri taʼ l-​Għassa, għax qal: “Ħa jibqaʼ għassa Ġeħova bejni u bejnek meta ma nkunux qed naraw lil xulxin.+ 50  Jekk taħqar lill-​bniet+ tiegħi u jekk tieħu nisa oħrajn minbarra l-​bniet tiegħi, ħadd ma jkun qed jarana. Ara! Alla jkun xhud bejni u bejnek.”+ 51  U Laban issokta jgħid lil Ġakobb: “Hawn dan il-​gozz u hawn il-​kolonna li waqqaft bejni u bejnek. 52  Dan il-​gozz hu xhud, u l-​kolonna hi xi ħaġa li tixhed,+ li jien m’iniex se ngħaddi lil hinn minn dan il-​gozz kontrik u li int mhux se tgħaddi lil hinn minn dan il-​gozz u minn din il-​kolonna kontrija għall-​ħsara.+ 53  Ħalli l-​alla* t’Abraham+ u l-​alla taʼ Naħor+ jiġġudikaw bejnietna, l-​alla taʼ missierhom.” Imma Ġakobb ħalef bil-​Biżaʼ taʼ missieru Iżakk.+ 54  Imbagħad Ġakobb offra sagrifiċċju fuq il-​muntanja u stieden lill-​irġiel tiegħu biex jieklu l-​ħobż.+ Għaldaqstant, kielu l-​ħobż u għaddew il-​lejl fuq il-​muntanja. 55  U fil-​għodu Laban qam kmieni, bies+ lit-​tfal u lill-​bniet tiegħu, u berikhom.+ Imbagħad Laban telaq biex imur lura lejn postu.+

Noti taʼ taħt

Allat jew idoli tal-​familja.
Jiġifieri, l-​Ewfrat.
L-espressjoni Aramajka (Sirjana) li tfisser “Gozz Xiehda.”
L-espressjoni Ebrajka li tfisser “Gozz Xiehda.”
Jew, “allat.” Terminu Ebrajk li x’aktarx hu użat fis-​sens tal-​plural għaliex Laban is-​Sirjan kien jemmen bit-​terafim.