Ġenesi 24:1-67

24  Issa Abraham kien xiħ, imdaħħal fiż-​żmien; u Ġeħova kien bierku f’kollox.+  Għaldaqstant, Abraham qal lill-​qaddej tiegħu, l-​ixjeħ wieħed f’daru, li kien qed jiħodlu ħsieb kulma kellu:+ “Jekk jogħġbok, qiegħed idek taħt koxxti,+   għax irrid inġiegħlek taħlef b’Ġeħova,+ l-​Alla tas-​smewwiet u l-​Alla taʼ l-​art, li ma tiħux mara għal ibni mill-​bniet tal-​Kangħanin li qed ngħammar f’nofshom,+  imma tmur f’pajjiżi u għand qrabati,+ u tieħu mara għal ibni, għal Iżakk.”  Madankollu, il-​qaddej qallu: “U jekk il-​mara ma tkunx trid tiġi miegħi f’din l-​art? Tridni nieħu lil ibnek lura lejn l-​art li minnha int ħriġt?”+  U Abraham wieġbu: “Oqgħod attent li ma tiħux lura lil ibni hemmhekk.+  Ġeħova, l-​Alla tas-​smewwiet, li ħariġni minn dar missieri u minn art qrabati+ u li kellimni u ħalifli,+ billi qalli: ‘Lil nislek+ se nagħtiha din l-​art,’+ se jibgħat l-​anġlu tiegħu qablek,+ u int tieħu mara għal ibni minn hemmhekk.+  Imma jekk il-​mara ma tkunx trid tiġi miegħek, int tkun maħlul minn din il-​ħalfa li għamiltli.+ Biss ma tridx tieħu lura lil ibni hemmhekk.”  U l-​qaddej qiegħed idu taħt il-​koxxa taʼ sidu Abraham u ħaliflu fuq din il-​kwistjoni.+ 10  Għalhekk, il-​qaddej ħa għaxar iġmla mill-​iġmla taʼ sidu u telaq u ħa wkoll kull xorta t’għotjiet mingħand sidu f’idejh.+ Imbagħad qam u telaq lejn il-​Mesopotamja, lejn il-​belt taʼ Naħor. 11  U wasal ħdejn bir ’il barra mill-​belt u waqaf biex l-​iġmla jistrieħu għall-​ħabta taʼ fil-​għaxija,+ il-​ħin meta n-​nisa kienu mdorrijin joħorġu jimlew l-​ilma.+ 12  U hu qal: “Ġeħova, l-​Alla taʼ sidi Abraham,+ jekk jogħġbok, agħmel li jseħħ dan quddiemi llum u wettaq qalb tajba bl-​imħabba+ maʼ sidi Abraham.+ 13  Hawn jien qiegħed ħdejn għajn taʼ l-​ilma, u l-​bniet tan-​nies tal-​belt ħerġin jimlew l-​ilma.+ 14  Dak li jrid iseħħ hu li ż-​żagħżugħa li ngħidilha, ‘Jekk jogħġbok, niżżel il-​ġarra taʼ l-​ilma biex nixrob,’ u li tgħidli, ‘Ixrob int, u jien nisqi wkoll lill-​iġmla tiegħek,’ tkun hi dik li int għażilt għall-​qaddej tiegħek,+ għal Iżakk; u b’dan inkun naf li int urejt imħabba leali maʼ sidi.”+ 15  U ġara li, qabel ma spiċċa jitkellem,+ ara, ħarġet Rebekka, li kienet twieldet lil Betwel,+ bin Milka,+ mart Naħor,+ ħu Abraham, u fuq spallitha+ kellha ġarra taʼ l-​ilma. 16  U ż-​żagħżugħa kienet sabiħa ferm fl-​għajn,+ verġni, u ebda raġel ma kellu x’jaqsam magħha;+ u niżlet lejn l-​għajn u bdiet timla l-​ġarra taʼ l-​ilma tagħha u mbagħad telgħet. 17  Fil-pront, il-​qaddej mar jiġri biex jiltaqaʼ magħha u qalilha: “Jekk jogħġbok, agħtini naqra ilma mill-​ġarra tiegħek.”+ 18  Qaltlu: “Ixrob, sidi.” U malajr niżżlet il-​ġarra tagħha fuq idha u tatu jixrob.+ 19  Meta ma riedx jixrob iktar, qaltlu: “Ħa nimla l-​ilma għall-​iġmla tiegħek ukoll biex jixorbu sakemm jixbgħu.”+ 20  Għalhekk, hi malajr battlet il-​ġarra tagħha fil-​ħawt taʼ l-​ilma u ġriet kemm-il darba lejn il-​bir biex timla l-​ilma,+ u baqgħet timla għall-​iġmla kollha tiegħu. 21  Sadanittant, ir-​raġel baqaʼ jiċċassa lejha mistagħġeb u baqaʼ sieket ħalli jara jekk Ġeħova kienx għenu biex ikollu vjaġġ tajjeb jew le.+ 22  U ġara li, meta l-​iġmla kienu xorbu, ir-​raġel ħareġ ħolqa tad-​deheb għal imneħirha+ tiżen nofs xekel u żewġ brazzuletti+ għal idejha, li kienu jiżnu għaxar xwiekel deheb, 23  u ssokta jgħidilha: “Bint min int? Għidli, jekk jogħġbok. Hemm wisaʼ għalina f’dar missierek biex inqattgħu l-​lejl?”+ 24  U hi wiġbitu: “Jien bint Betwel,+ bin Milka, li wilditu lil Naħor.”+ 25  U ssoktat tgħidlu: “Għandna kemm it-​tiben u kemm l-​għalf, kif ukoll post biex tqattgħu l-​lejl.”+ 26  U r-​raġel miel u nxteħet fl-​art quddiem Ġeħova+ 27  u qal: “Imbierek Ġeħova,+ l-​Alla taʼ sidi Abraham, li ma warrabx il-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​fedeltà tiegħu minn maʼ sidi. Jien u sejjer fi triqti, Ġeħova mexxieni lejn id-​dar taʼ ħut sidi.”+ 28  U ż-​żagħżugħa marret tiġri biex tgħid b’dan lil dawk taʼ dar ommha. 29  Issa Rebekka kellha ħuha jismu Laban.+ U Laban mar jiġri lejn ir-​raġel li kien barra ħdejn l-​għajn. 30  U malli ra l-​ħolqa fi mnieħer oħtu u l-​brazzuletti+ f’idejha u semaʼ kliem oħtu Rebekka, tgħid: “Hekk kellimni r-​raġel,” hu mar ħdejn ir-​raġel u sabu wieqaf maġenb l-​iġmla ħdejn l-​għajn. 31  Minnufih qallu: “Ejja, imbierek minn Ġeħova.+ Għala se tibqaʼ wieqaf hemm barra, meta jien lestejt id-​dar u post għall-​iġmla?” 32  U r-​raġel daħal id-​dar, u Laban neħħa x-​xedd minn fuq l-​iġmla u ta t-​tiben u l-​għalf lill-​iġmla u tah l-​ilma biex jaħsel riġlejh u riġlejn l-​irġiel li kienu miegħu.+ 33  Imbagħad poġġewlu quddiemu xi ħaġa x’jiekol, imma hu qal: “Ma nikolx qabel ma ngħid dak li għandi ngħid.” U l-​ieħor qallu: “Tkellem!”+ 34  U hu ssokta jgħidlu: “Jien il-​qaddej t’Abraham.+ 35  Ġeħova bierek ħafna lil sidi billi qed ikompli jkabbru u jagħtih nagħaġ, baqar, fidda, deheb, qaddejja rġiel u nisa, iġmla, u ħmir.+ 36  Barra minn hekk, Sara, mart sidi wildet iben lil sidi fi xjuħitha;+ u hu se jagħtih kulma għandu.+ 37  Għalhekk, sidi ġegħelni naħlef billi qalli, ‘Tiħux mara għal ibni mill-​bniet tal-​Kangħanin li qed ngħammar f’arthom.+ 38  Le, imma mur f’dar missieri u għand il-​familja tiegħi+ u ħu mara għal ibni.’+ 39  Imma jien għedt lil sidi, ‘X’jiġri jekk il-​mara ma tiġix miegħi?’+ 40  Imbagħad qalli, ‘Ġeħova, li jien imxejt quddiemu,+ jibgħat l-​anġlu tiegħu+ miegħek u żgur li jagħtik li tirnexxi fi triqtek;+ u trid tieħu mara għal ibni mill-​familja tiegħi u minn dar missieri.+ 41  Imbagħad, meta tasal għand il-​familja tiegħi, int tinħeles mill-​obbligu b’ħalfa li għandek lejja, u jekk ma jagħtuhilekx, tinħall mill-​obbligu b’ħalfa li għandek lejja.’+ 42  “Meta llum wasalt ħdejn l-​għajn, għedt, ‘Ġeħova, l-​Alla taʼ sidi Abraham, jekk int tassew se tagħtini li nirnexxi fit-​triq li qbadt,+ 43  hawn jien qiegħed ħdejn għajn taʼ l-​ilma. Dak li jrid iseħħ hu li t-​tfajla+ li toħroġ timla l-​ilma u li fil-​fatt ngħidilha, “Jekk jogħġbok, ħa nixrob naqra ilma mill-​ġarra tiegħek,” 44  u li tgħidli: “Ixrob int, u jien se nimla l-​ilma wkoll għall-​iġmla tiegħek,” din tkun il-​mara li Ġeħova għażel għal bin sidi.’+ 45  “Qabel ma lħaqt spiċċajt nitkellem+ f’qalbi,+ ara, ħarġet Rebekka bil-​ġarra tagħha fuq spallitha; u niżlet lejn l-​għajn u bdiet timla l-​ilma.+ Imbagħad għedtilha, ‘Jekk jogħġbok, agħtini nixrob.’+ 46  U hi malajr niżżlet il-​ġarra tagħha minn fuqha u qalet, ‘Ixrob,+ u jien nisqi wkoll lill-​iġmla tiegħek.’ Imbagħad xrobt, u hi sqiet ukoll lill-​iġmla. 47  Imbagħad staqsejtha u għedtilha, ‘Bint min int?’+ u hi qaltli, ‘Bint Betwel, bin Naħor, li wilditlu Milka.’ Għalhekk, libbistha l-​ħolqa taʼ l-​imnieħer fi mnifsejha u l-​brazzuletti f’idejha.+ 48  U milt u nxtħett fl-​art quddiem Ġeħova u berikt lil Ġeħova, l-​Alla taʼ sidi Abraham,+ li kien mexxieni fit-​triq it-​tajba+ biex nieħu lil bint il-​qarib taʼ sidi għal ibnu. 49  U issa jekk intom fil-​fatt qed turu qalb tajba bl-​imħabba maʼ sidi u fiduċja sħiħa fih,+ għiduli; imma jekk le, għiduli, sabiex indur lejn il-​lemin jew lejn ix-​xellug.”+ 50  Imbagħad Laban u Betwel wieġbu u qalu: “Minn Ġeħova ġejja din il-​ħaġa.+ Aħna ma nistgħu ngħidulek la ħażin u lanqas tajjeb.+ 51  Hawn hi Rebekka quddiemek. Ħudha u mur, u ħa ssir mart bin sidek, bħalma qal Ġeħova.”+ 52  U ġara li, meta l-​qaddej t’Abraham semaʼ kliemhom, hu mill-​ewwel inxteħet fl-​art quddiem Ġeħova.+ 53  U l-​qaddej ħareġ oġġetti tal-​fidda u oġġetti tad-​deheb u lbiesi u tahom lil Rebekka; u hu ta affarijiet mill-​aqwa lil ħuha u lil ommha.+ 54  Imbagħad kielu u xorbu, hu u l-​irġiel li kienu miegħu, u qattgħu l-​lejl hemmhekk u qamu fil-​għodu. Imbagħad qal: “Ibagħtuni għand sidi.”+ 55  Ħuha u ommha wiġbuh: “Ħa tibqaʼ magħna għall-​inqas għaxart ijiem iż-​żagħżugħa. Imbagħad tkun tistaʼ tmur.” 56  Imma hu qalilhom: “Iżżommunix hawnhekk, ladarba rajtu li Ġeħova tani li nirnexxi fi triqti.+ Ibagħtuni, biex immur għand sidi.”+ 57  Għalhekk, qalulu: “Ejja nsejħu liż-​żagħżugħa u naraw x’tgħid.”+ 58  Imbagħad sejħu lil Rebekka u staqsewha: “Trid tmur maʼ dan ir-​raġel?” U hi qalet: “Irrid immur.”+ 59  U mbagħad bagħtu lil oħthom Rebekka+ u lil dik li darba kienet treddagħha+ u lill-​qaddej t’Abraham u lill-​irġiel tiegħu. 60  U bdew ibierku lil Rebekka u jgħidulha: “Int, oħtna, jalla ssir eluf għal għaxart elef darba, u nislek ħa jieħu f’idejh bieb* dawk li jobogħduh.”+ 61  Wara dan, Rebekka u l-​qaddejja nisa tagħha+ qamu u rikbu fuq l-​iġmla+ u marru wara r-​raġel; u l-​qaddej ħa lil Rebekka u telaq. 62  Issa Iżakk kien ġie mit-​triq li tagħti għal Bir-​laħaj-roj,+ għax kien qed jgħammar fl-​art tan-​Negeb.+ 63  U Iżakk kien barra jippassiġġa sabiex jimmedita+ fl-​għalqa għall-​ħabta taʼ fil-​għaxija. Meta refaʼ għajnejh u ħares, ara, kienu ġejjin l-​iġmla! 64  Hekk kif Rebekka refgħet għajnejha, lemħet lil Iżakk u niżlet minn fuq il-​ġemel. 65  U qalet lill-​qaddej: “Min hu dak ir-​raġel miexi hemmhekk fl-​għalqa u ġej jiltaqaʼ magħna?” u l-​qaddej qalilha: “Dak sidi.” U hi qabdet velu u tgħattiet bih.+ 66  U l-​qaddej irrakkonta lil Iżakk kulma kien għamel. 67  Imbagħad Iżakk daħħalha fit-​tinda t’ommu Sara.+ B’hekk, hu ħa lil Rebekka u hi saret martu;+ u sar iħobbha,+ u Iżakk sab il-​faraġ wara li tilef lil ommu.+

Noti taʼ taħt

Jiġifieri, belt.