Ġenesi 17:1-27

17  Meta Abram kellu disgħa u disgħin sena, Ġeħova deherlu u qallu:+ “Jien Alla li Jistaʼ Kollox.+ Imxi quddiemi u uri li int bla nuqqas.+  U nagħmel il-​patt tiegħi bejni u bejnek,+ biex inkattrek fuq li nkattrek.”+  X’ħin semaʼ dan, Abram inxteħet wiċċu fl-​art,+ u Alla kompla jkellmu u jgħidlu:  “Ara! Il-​patt tiegħi hu miegħek,+ u int żgur issir missier kotra taʼ ġnus.+  U ismek mhux se jkun iktar Abram,* imma ismek irid isir Abraham,* għax se nagħmlek missier kotra taʼ ġnus.  U se nġiegħlek tnissel ħafna, u nġiegħlek issir ġnus, u slaten għad joħorġu minnek.+  “U nwettaq il-​patt tiegħi bejni u bejnek+ u bejn nislek warajk skond il-​ġenerazzjonijiet tagħhom, patt għal żmien indefinit,+ biex nuri lilek u lil nislek warajk li jien Alla.+  U nagħti lilek u lil nislek warajk l-​art fejn int qed tgħix bħala barrani,+ l-​art kollha kemm hi taʼ Kangħan, biex tkun tagħkom għal żmien indefinit; u se nurihom li jien Alla.”+  U Alla kompla jgħid lil Abraham: “Inkwantu għalik, int trid tħares il-​patt tiegħi, int u nislek warajk skond il-​ġenerazzjonijiet tagħhom.+ 10  Dan hu l-​patt tiegħi li se tħarsu intom, bejni u bejnkom, u nislek warajk:+ Kull raġel u tifel fostkom irid jiġi ċirkonċiż.+ 11  U tridu tiġu ċirkonċiżi, u dan għandu jservi bħala sinjal tal-​patt bejni u bejnkom.+ 12  U kull tifel fostkom li jkollu tmint ijiem irid jiġi ċirkonċiż,+ skond il-​ġenerazzjonijiet tagħkom, kulmin jitwieled fid-​dar u kulmin jinxtara bil-​flus mingħand xi barrani li ma jkunx minn nislek. 13  Qis li l-​irġiel kollha li jitwieldu f’darek u l-​irġiel kollha li jinxtraw bi flusek jiġu ċirkonċiżi;+ u l-​patt tiegħi f’laħamkom irid iservi bħala patt għal żmien indefinit.+ 14  U kull raġel u tifel li ma jkunx ċirkonċiż u li ma ssirlux iċ-​ċirkonċiżjoni fil-​laħam tal-​prepuzju tiegħu, dan il-​wieħed* irid jiġi maqtugħ minn mal-​poplu tiegħu,+ għax ikun kiser il-​patt tiegħi.” 15  U Alla ssokta jgħid lil Abraham: “U lil martek Saraj m’għandekx issejħilha Saraj,* għaliex Sara* hu isimha.+ 16  U nberikha u wkoll nagħtik iben minnha;+ u nberikha u hi ssir ġnus;+ slaten taʼ popli joħorġu minnha.”+ 17  Imbagħad Abraham inxteħet wiċċu fl-​art u beda jidħaq u jgħid f’qalbu:+ “Raġel taʼ mitt sena titwilidlu tarbija, u Sara, iva, mara taʼ disgħin sena se tiled?”+ 18  Imbagħad Abraham qal lill-​Alla l-​veru: “Jalla jgħix Ismagħel quddiemek!”+ 19  U Alla qallu: “Martek Sara tabilħaqq li tilidlek iben, u għandek issemmih Iżakk.*+ U nistabbilixxi l-​patt tiegħi miegħu bħala patt għal żmien indefinit għal nislu warajh.+ 20  Imma dwar Ismagħel smajtek. Ara! Inbierku u nġiegħlu jnissel u nkattru fuq li nkattru.+ Minnu se joħorġu tnax-il kap taʼ tribù, u se nġiegħlu jsir ġens kbir.+ 21  Madankollu, il-​patt tiegħi se nistabbilih maʼ Iżakk,+ li se tilidlek Sara f’dan iż-​żmien stabbilit is-​sena d-​dieħla.”+ 22  U Alla temm jitkellem miegħu u telaʼ minn ħdejn Abraham.+ 23  Abraham imbagħad ħa lil ibnu Ismagħel u lill-​irġiel kollha li twieldu f’daru u lil kulmin inxtara bi flusu, kull persuna tas-​sess maskil fost l-​irġiel tad-​dar t’Abraham, u għamlilhom iċ-​ċirkonċiżjoni dakinhar stess, bħalma kien qallu Alla.+ 24  U Abraham kellu disgħa u disgħin sena meta saritlu ċ-​ċirkonċiżjoni.+ 25  U ibnu Ismagħel kellu tlettax-il sena meta saritlu ċ-​ċirkonċiżjoni.+ 26  F’dan il-​jum stess ġie ċirkonċiż Abraham, u wkoll ibnu Ismagħel.+ 27  U ġew ċirkonċiżi miegħu l-​irġiel kollha taʼ daru, kulmin twieled fid-​dar u kulmin inxtara bil-​flus mingħand xi barrani.+

Noti taʼ taħt

Ifisser “Missier Hu fl-​Għoli.”
Ifisser “Missier Kotra.”
Letteralment, “ruħ.”
Ifisser “Ġellieda.”
Ifisser “Prinċipessa.”
Ifisser “Daħq.”