Traduzzjoni “Tajba Ħafna”
SKOND kalkolu wieħed, bejn l-1952 u l-1990, ġew pubblikati iktar minn 55 traduzzjoni ġdida bl-Ingliż taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana. Minħabba l-għażliet li jagħmlu t-tradutturi dwar il-mod kif jittraduċu ċerti termini, m’hemm l-ebda traduzzjoni bħal oħra. Sabiex jara kemm hu taʼ min joqgħod fuqu x-xogħol tat-tradutturi, Jason BeDuhn, wieħed mill-professuri taʼ l-istudji reliġjużi fl-Università tat-Tramuntana t’Arizona, fi Flagstaff, Arizona, l-Istati Uniti, eżamina tmien traduzzjonijiet ewlenin u qabbilhom biex jiċċekkja l-eżattezza tagħhom. Fosthom kien hemm in-New World Translation of the Holy Scriptures, pubblikata mix-Xhieda taʼ Ġeħova. X’kien ir-riżultat?
Filwaqt li kkritika xi ftit mill-għażliet fit-traduzzjoni, BeDuhn sejjaħ in-New World Translation traduzzjoni “tajba ħafna,” “ħafna aħjar,” u “iktar konsistenti” minn xi traduzzjonijiet oħrajn li eżamina. Meta tqis kollox, ikkonkluda BeDuhn, in-New World Translation “hija waħda mill-iktar traduzzjonijiet eżatti bl-Ingliż tat-Testment il-Ġdid disponibbli llum” u “l-iktar waħda eżatta mit-traduzzjonijiet imqabblin.”—Truth in Translation: Accuracy and Bias in English Translations of the New Testament.
BeDuhn innota wkoll li ħafna tradutturi kienu taħt pressjoni biex “jinterpretaw jew iżidu maʼ dak li tgħid il-Bibbja biex tkun fi qbil maʼ dak li l-qarrejja moderni jridu u għandhom bżonn jaraw fil-Bibbja.” Mill-banda l-oħra, in-New World Translation hija differenti, osserva BeDuhn, minħabba “li n-NW hija iktar eżatta bħala traduzzjoni letterali u konservattiva taʼ l-espressjonijiet oriġinali tal-kittieba tat-Testment il-Ġdid.”
Bħalma jgħid il-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja New World fid-daħla tal-bidu, hija “responsabbiltà kbira” li tittraduċi l-Iskrittura Mqaddsa mil-lingwi oriġinali tagħha bi kliem modern. Il-Kumitat ikompli jgħid: “It-tradutturi taʼ dan ix-xogħol, li jibżgħu mill-Awtur Divin taʼ l-Iskrittura Mqaddsa u jħobbuh, iħossu li għandhom responsabbiltà kbira Lejh li jgħaddu l-ħsibijiet u d-dikjarazzjonijiet tiegħu eżatt kemm jistaʼ jkun.”
Minn mindu ġiet pubblikata għall-ewwel darba fl-1961, in-New World Translation of the Holy Scriptures saret disponibbli bi 32 lingwa kif ukoll żewġ edizzjonijiet bil-Braille. L-Iskrittura Griega Kristjana tan-New World Translation, jew it-“Testment il-Ġdid,” hija disponibbli b’18-il lingwa oħra kif ukoll edizzjoni waħda bil-Braille. Nistidnuk taqra l-Kelma t’Alla f’din it-traduzzjoni moderna u “tajba ħafna,” forsi bil-lingwa tiegħek stess.

