IT-TORRI TAL-GĦASSA—EDIZZJONI GĦALL-ISTUDJU

Karatteristika Partikulari fil-Bniedem

Malti
Karatteristika Partikulari fil-Bniedem
/assets/ct/7e6416ec85/images/syn_placeholder_sqr.png
w04 12/1 pp. 3-4

Karatteristika Partikulari fil-Bniedem

Karatteristika Partikulari fil-Bniedem

In-​negozju taʼ Jodie hu li jistma l-​wirt taʼ dak li jkun. Hu qed jgħin lil waħda mara biex torganizza u tbigħ l-​affarijiet tad-​dar li ħalliet warajha oħtha li mietet. Hu u jfittex madwar il-​fuklar, isib żewġ kaxxi qodma. Meta jiftaħ waħda minnhom, ma jkunx irid jemmen dak li jsib. Imgerbin f’karti jleqqu kien hemm mazez taʼ liri—total taʼ xi $82,000 (Lm29,000) fi flus kontanti! Jodie jinsab fil-​kamra waħdu. X’għandu jagħmel? Jieħu l-​kaxxa bil-​moħbi jew jgħid lill-​klijenta tiegħu li sab il-​flus?

ID-​DILEMMA taʼ Jodie tenfasizza waħda mill-​karatteristiċi li tagħmilna differenti mill-​annimali salvaġġi. The World Book Encyclopedia tgħid: “Waħda mill-​karatteristiċi partikulari tal-​bnedmin hi li jaħsbu dwar dak li għandhom jew m’għandhomx jagħmlu.” Kelb imġewwaħ li jsib biċċa laħam fuq xi mejda ma jaħsibhiex darbtejn jekk għandux jaħtafha. Madankollu, Jodie għandu l-​kapaċità li jqis il-​morali involuti biex jieħu d-​deċiżjoni tiegħu. Jekk iżomm il-​flus, hu jkun qed jisraq, imma ma tantx hemm ċans li jinqabad. Il-​flus m’humiex tiegħu; però, il-​klijenta tiegħu ma tafx bihom. Barra minn hekk, ħafna min-​nies fil-​komunità taʼ Jodie jarawh bħala baħnan jekk jagħti l-​flus lill-​klijenta tiegħu.

X’kont tagħmel li kieku kont fis-​sitwazzjoni taʼ Jodie? Il-​mod kif twieġeb din il-​mistoqsija jiddependi mil-​livelli taʼ l-​etika li int għażilt li tgħix bihom.

Xi Tfisser l-​Etika?

F’dizzjunarju wieħed “l-​etika” ġiet deskritta bħala “l-​istudju taʼ mistoqsijiet dwar dak li hu moralment tajjeb u ħażin.” L-​awtur Eric J. Easton jgħid: “L-​‘etika’ u l-​‘moralità’ ġejjin minn kliem li għandu l-​istess tifsira. L-​ewwel waħda ġejja mill-​Grieg (ethikos) u t-​tieni waħda mil-​Latin (moralis), u t-​tnejn li huma jirreferu għall-​awtorità tad-​drawwa u t-​tradizzjoni.”

Ir-reliġjon ilha għal żmien twil tiddetermina b’mod ġenerali l-​livelli taʼ l-​etika li n-​nies għandhom jgħixu bihom. Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, ilha tinfluwenza bil-​bosta lil ħafna soċjetajiet. Madankollu, numru li dejjem jikber taʼ nies madwar id-​dinja ċaħdu d-​diversi livelli reliġjużi għax iqisuhom bħala li m’humiex prattiċi u l-​livelli morali tal-​Bibbja bħala li huma antikwati. X’mela dan il-​vojt? Il-​ktieb Ethics in Business Life jinnota li “l-​intelliġenza sekulari . . . għelbet l-​awtorità li qabel kienet tappartjeni lir-​reliġjon.” Minflok ma jduru lejn sorsi reliġjużi, ħafna jfittxu l-​gwida taʼ l-​esperti sekulari fl-​istudji taʼ l-​etika. L-​istudjuż tal-​liġi u l-​etika Paul McNeill jgħid: “Naħseb li dawk li jagħmlu l-​etika huma bħal qassisin sekulari. . . . Illum minflok ma jiġu gwidati mir-​reliġjon bħal qabel, in-​nies qed jiġu gwidati mill-​etika.”

Meta tiffaċċja deċiżjonijiet diffiċli, kif tistaʼ tagħraf it-​tajjeb mill-​ħażin? Huma l-​livelli taʼ l-​etika tiegħek determinati minn Alla jew minnek stess?