Malti
Drawwiet​—Kun f’ambjent li jgħinek
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102016126/univ/art/102016126_univ_sqr_xl.jpg
g16 Nru. 4 p. 5

SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TIKKONTROLLA D-DRAWWIET TIEGĦEK

2 Kun f’ambjent li jgħinek

2 Kun f’ambjent li jgħinek
  • Int determinat li tibda tiekol aħjar, imma dik il-​kaxxa ġelat qisha qed tgħidlek kulni.

  • Iddeċidejt li tieqaf tpejjep, imma għal darb’oħra, l-​ħabib tiegħek—li jaf li qed tipprova taqtaʼ t-​tipjip—joffrilek sigarett.

  • Illum ippjanajt li tagħmel l-​eżerċizzju, imma anke biex tfittex il-​papoċċ tal-​ġiri qed taraha biċċa xogħol żejda!

Tistaʼ tara xi ħaġa komuni f’dawn ix-​xeni? Darba wara l-​oħra, l-​esperjenza wriet li l-​ambjent taʼ madwarna—is-​sitwazzjonijiet li npoġġu lilna nfusna fihom u n-​nies li nkunu magħhom—jinfluwenza s-​suċċess f’li nrawmu drawwiet tajbin u naqtgħu l-​ħżiena.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-​piena.”Proverbji 22:3.

Il-​Bibbja twissina biex naħsbu bil-​quddiem. B’hekk, inkunu nistgħu bil-​għaqal kollu nevitaw sitwazzjonijiet li jtellfulna l-​miri tagħna, u għalhekk inkunu nistgħu npoġġu lilna nfusna f’sitwazzjonijiet iktar favorevoli. (2 Timotju 2:22) F’kelma waħda, inkunu għaqlin jekk inkunu f’ambjent li jgħinna.

Agħmilha iktar diffiċli biex tagħmel il-​ħaġa l-​ħażina u iktar faċli biex tagħmel il-​ħaġa t-​tajba

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

  • Agħmilha iktar diffiċli għalik biex tagħmel il-​ħaġa l-​ħażina. Pereżempju, jekk trid twaqqaf l-​ikel mhux sustanzjuż mid-​dieta tiegħek, ipprova żżommx ikel fil-​kċina li taf li mhux tajjeb għalik. B’hekk, meta tiġi t-​tentazzjoni, ikun iktar faċli għalik li żżomm sod.

  • Agħmilha iktar faċli għalik biex tagħmel il-​ħaġa t-​tajba. Pereżempju, jekk tkun bil-​ħsieb li tagħmel l-​eżerċizzju l-​ewwel ħaġa filgħodu, lesti l-​ħwejjeġ tal-​eżerċizzju ħdejn is-​sodda tiegħek filgħaxija. Iktar ma tagħmilha faċli biex tibda, iktar hemm ċans li tkompli bid-​drawwa t-​tajba.

  • Agħżel lil ħbiebek sew. Hemm it-​tendenza li nsiru bħan-​nies li nagħmluha magħhom. (1 Korintin 15:33) Allura naqqas il-​kuntatt man-​nies li jinkuraġġixxu drawwiet li tkun qed tipprova taqtaʼ, u fittex lil dawk li jistgħu jgħinuk issaħħaħ drawwiet tajbin.