Malti
Jingħeleb l-ostaklu tal-lingwa—Ħarsa wara l-kwinti
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102016086/univ/art/102016086_univ_sqr_xl.jpg
g16 Nru. 3 pp. 4-7

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Jingħeleb l-ostaklu tal-lingwaĦarsa wara l-kwinti

Jingħeleb l-ostaklu tal-lingwaĦarsa wara l-kwinti

“Kultant jingħad li m’hemm ebda xogħol iżjed komplikat mit-​traduzzjoni.”—“The Cambridge Encyclopedia of Language.”

QABEL ma tistaʼ tinbeda t-​traduzzjoni, il-​pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jiġu ppjanati, riċerkati, u miktubin b’attenzjoni. Waqt dan il-​proċess, id-​Dipartiment tal-​Kitba fil-​kwartieri ġenerali tagħhom fi New York jiċċekkja bir-​reqqa t-​test kollu għall-​eżattezza fattwali u għall-​użu korrett u aġġornat tal-​lingwa. a

Imbagħad, id-​Dipartiment tal-​Kitba jibgħat it-​test lil mijiet taʼ timijiet tat-​traduzzjoni madwar id-​dinja—il-​biċċa l-​kbira minnhom jgħixu u jaħdmu fejn il-​lingwa li jittraduċu fiha l-​materjal tiġi mitkellma. Il-​maġġoranza minnhom jittraduċu bil-​lingwa tal-​pajjiż li twieldu fih. Huma għandhom jifhmu kompletament il-​materjal oriġinali kif ukoll il-​lingwa li jittraduċu biha.

Ġeneralment, it-​tradutturi kif jagħmlu x-​xogħol tagħhom?

Geraint, traduttur fil-​Britannja, jispjega: “Naħdem maʼ tim taʼ tradutturi, allura s-​sigriet hu kooperazzjoni tajba. Flimkien aħna nesploraw is-​soluzzjonijiet għal problemi diffiċli tat-​traduzzjoni. Aħna u nagħmlu dan, nikkunsidraw mhux biss il-​kliem imma wkoll gruppi taʼ kliem. Aħna nqisu t-​tifsira u l-​iskop veru tagħhom, u l-​ħin kollu nfakkru lilna nfusna dwar l-​udjenza li lejha jkun immirat kull artiklu.”

X’inhi l-​mira tiegħek bħala traduttur?

“Il-​mira tagħna hi li l-​qarrej iħoss li l-​materjal ġie miktub oriġinalment bil-​lingwa tiegħu. Ma tridx tinħass bħala traduzzjoni. Għal dan l-​għan, nipprovaw nużaw lingwa li hi naturali. B’dan il-​mod, aħna nżommu l-​attenzjoni tal-​qarrej, u hu se jkompli jaqra bħallikieku qed jiekol ikel delizzjuż li jinżillu għasel.”

X’vantaġġi hemm f’li wieħed jgħix fil-​pajjiż fejn tiġi mitkellma l-​lingwa?

“Li nitħalltu maʼ nies tal-​lokal jgħinna nittraduċu b’mod li huma jifhmu. Hawnhekk, fejn il-​maġġorparti jitkellmu bil-​Welsh, nisimgħu l-​lingwa mitkellma kuljum. Ukoll, nistgħu nużaw termini u espressjonijiet man-​nies biex inkunu nafu jekk ikunux naturali, mifhumin, u jintgħoġbux. Dan jgħinna nwasslu t-​tifsir veru tat-​test oriġinali.”

Kif inhu organizzat ix-​xogħol tagħkom?

“Tim jiġi assenjat għal kull proġett. L-​ewwel, kull membru tat-​tim jaqra l-​oriġinal biex jifhem tajjeb u jkollu idea ċara tal-​materjal, jifhem l-​istruttura bażika tiegħu u lejn liema udjenza jkun immirat. Aħna nistaqsu lilna nfusna: ‘Dan l-​artiklu għaliex inkiteb? X’inhi t-​tema u l-​iskop tiegħu? X’nistenna li nitgħallem minnu?ʼ Dan il-​proċess jgħin lit-​tim jaħseb dwar affarijiet differenti li jkunu taʼ għajnuna meta jittraduċu.”

“Imbagħad, il-​membri tat-​tim jaqsmu l-​ħsibijiet tagħhom flimkien, u b’hekk jitgħallmu minn xulxin. Ċerti aħna li nifhmu l-​materjal? Kif nistgħu nwasslu l-​istess stil bħall-​oriġinal? Il-​mira tagħna hi li l-​qarrejja jkollhom l-​istess reazzjoni li l-​kittieb oriġinali xtaq li jkun hemm fl-​udjenza tiegħu.”

Il-​membri tat-​tim kif jaħdmu flimkien?

“Il-​mira tagħna hi li l-​qarrejja tagħna jifhmu t-​test mal-​ewwel darba li jaqrawh. Biex nilħqu dan l-​iskop, naqraw kull paragrafu tradott b’leħen għoli diversi drabi.

“It-​traduttur, jittajpja paragrafu bil-​lingwa li jkun se jittraduċi biha waqt li nistgħu narawh ilkoll fuq l-​iskrins tal-​kompjuter tagħna. Aħna niċċekkjaw li ebda idea ma tħalliet barra jew ġiet miżjuda. Ukoll, naraw li jkollna naturalezza, speling tajjeb, u grammatika korretta. Imbagħad xi ħadd jaqra dak il-​paragrafu b’leħen għoli. Jekk hu jew hi titfixkel meta taqrah, nistaqsu għaliex. Ladarba l-​artiklu kollu jkun ġie tradott, membru tat-​tim jaqrah b’leħen għoli waqt li l-​oħrajn jieħdu noti u jimmarkaw xi problemi li forsi jkollhom bżonn jitranġaw.”

Jidher li dan jinvolvi ħafna xogħol!

“Hekk hu! U sa tmiem il-​ġurnata, inkunu għajjenin. Għalhekk nerġgħu naraw il-​materjal filgħodu meta moħħna jkun għadu frisk. Xi ġimgħat wara, id-​Dipartiment tal-​Kitba jibagħtilna aġġustamenti finali għat-​test oriġinali. Imbagħad nerġgħu naqraw xogħolna minn lenti ġdida, naraw kif jinstemaʼ, u nirfinawh.”

Liema għodod tal-​kompjuter tużaw?

“Il-​kompjuters għadhom ma jistgħux jieħdu post it-​tradutturi umani. Imma x-​Xhieda taʼ Ġeħova żviluppaw għodod tat-​traduzzjoni li jiffaċilitaw ix-​xogħol. Għodda waħda hi tip taʼ dizzjunarju li fih niġbru termini u frażijiet użati spiss. Għodda oħra tgħinna nagħmlu riċerka dwar kulma ġie tradott diġà mit-​tim tagħna u naraw soluzzjonijiet kreattivi għall-​isfidi tat-​traduzzjoni li saru qabel.”

Kif tħossukom dwar ix-​xogħol tagħkom?

“Aħna nqisu dan ix-​xogħol bħala rigal għall-​pubbliku. U rridu nippreżentawh bl-​aħjar mod possibbli biex in-​nies ikunu jistgħu jieħdu pjaċir jaqraw l-​informazzjoni u jibbenefikaw minnha. Aħna nifirħu ħafna bil-​possibbiltà li artiklu f’rivista jew fuq il-​Websajt tagħna jmiss qalb il-​qarrej u jeffettwalu ħajtu għall-​aħjar.”

Benefiċċji dejjiema

Madwar id-​dinja, mijiet taʼ miljuni taʼ nies jibbenefikaw mill-​qari tal-​pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova bil-​lingwa tagħhom stess. L-​għerf prattiku misjub fil-​letteratura u fil-​vidjows tagħhom, kif ukoll fuq il-​Websajt tagħhom, jw.org, hu bbażat fuq il-​Bibbja. Wara kollox, f’dak il-​ktieb sagru, Alla, li ismu hu Ġeħova, jgħidilna li jrid li l-​messaġġ tiegħu jasal għand nies taʼ “kull ġens u tribù u lsien u poplu.”—Rivelazzjoni 14:6. b

a It-​test oriġinali hu ppreparat bl-​Ingliż.

b Żur www.jw.org/mt għal eżempji taʼ xi pubblikazzjonijiet bil-​kitba, bl-​awdjo, u bil-​vidjow bil-​lingwa tiegħek stess u b’mijiet taʼ lingwi oħra.