Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-miri huma bħal pjanta taʼ perit; jekk tagħmel sforz jistgħu jsiru realtà

GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

12: Agħmel miri

12: Agħmel miri

DAN XI JFISSER

Mira hi ħafna iktar minn ħolma—xi ħaġa li tittama li ssir reali. Il-​miri jinvolvu li tippjana, tkun flessibbli, u li taqtaʼ bi snienek billi taħdem iebes.

Hemm miri li jistgħu jintlaħqu malajr, forsi fi ftit ġranet jew ġimgħat, oħrajn li jistgħu jieħdu xhur, u jerġaʼ oħrajn jistgħu jieħdu sena jew iktar. Miri li jieħdu iktar żmien jistgħu jintlaħqu billi dak li jkun jilħaq diversi miri iżgħar li jwasslu għall-​mira finali.

GĦALA HU IMPORTANTI

Li tilħaq il-​miri se jgħinek ikollok iktar fiduċja fik innifsek, ħbiberiji iktar b’saħħithom, u tkun iktar ferħan.

Fiduċja fik innifsek: Meta tagħmel miri żgħar u tilħaqhom, se jkollok biżżejjed kunfidenza biex tilħaq miri ikbar. Ukoll, tħossok iktar fiduċjuż fik innifsek meta tiffaċċja l-​isfidi taʼ kuljum, bħal li tibqaʼ sod minkejja pressjoni minn dawk taʼ madwarek.

Il-​ħbiberiji: Kulħadd jieħu pjaċir ikun imdawwar b’nies li jafu xi jridu u li lesti li jaħdmu biex jilħqu l-​miri tagħhom. Iktar minn hekk, waħda mill-​aqwa affarijiet kif issaħħaħ ħbiberija hi billi taħdmu għall-​istess mira.

Il-​ferħ: Meta tagħmel miri u tilħaqhom, tħossok sodisfatt.

“Nieħu pjaċir ikolli miri. Iżommuni okkupat u dejjem ikolli xi ħaġa oħra għal xiex nirsisti. U meta tilħaq mira u tħares lura, tħossok veru sew u tgħid, ‘Illaħwa, irnexxieli nagħmilha!’”—Christopher.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Jekk tistenna sakemm ir-​riħ u t-​temp ikunu eżatt kif tridhom, qatt m’int se tiżraʼ xi ħaġa u qatt m’int se taħsad xejn.”—Ekkleżjasti 11:4, Today’s English Version.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Ħu dawn il-​passi biex tagħmel miri u tilħaqhom.

Ara x’miri tixtieq tilħaq. Agħmel lista taʼ miri li tistaʼ tilħaq u agħżel fuq liema se taħdem l-​ewwel, it-​tieni, it-​tielet, u tibqaʼ sejjer, skont il-​prijorità.

Ippjana. Għal kull mira, agħmel dan:

  • Agħmel data realistika taʼ meta trid tilħaqha.

  • Ippjana l-​passi li huma involuti.

  • Aħseb f’xi diffikultajiet li tistaʼ tiltaqaʼ magħhom, u kif se tegħlibhom.

Ħu azzjoni. Toqgħodx tistenna sakemm ikollok kollox ippjanat sal-​inqas dettall biex tibda. Saqsi lilek innifsek, ‘X’inhi l-​ewwel ħaġa li nistaʼ nagħmel biex nilħaq il-​mira tiegħi?’ Imbagħad agħmilha. Wara li tlesti kull pass, ħu nota tal-​progress tiegħek.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Il-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.”—Proverbji 21:5.