Malti
Żjara fi Spanja
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102017050/univ/art/102017050_univ_sqr_xl.jpg
g17 Nru. 2 pp. 12-13

Toledo tiddeskrivi l-​istorja u l-​kultura Spanjola. Din il-​belt ġiet dikjarata Wirt Dinji fl-​1986 u hi popolari mat-turisti

PAJJIŻI U POPLI

Żjara fi Spanja

Żjara fi Spanja

SPANJA huwa pajjiż imżewwaq kemm bħala art u kemm bħala nies. Fil-​parti l-​kbira, Spanja hija miksija b’għelieqi tal-​qamħ, dwieli, u siġar taż-​żebbuġ. Lejn in-​Nofsinhar, hemm biss 14-​il kilometru baħar li jifred l-​art prinċipali taʼ Spanja mill-​kontinent Afrikan.

Ħafna nies—inkluż il-​Feniċi, il-​Griegi, u l-​Kartaġiniżi—emigraw lejn dan il-​pajjiż li jinsab fin-​naħa tal-​Lbiċ tal-​Ewropa. Meta waslu r-​Rumani fit-​tielet seklu qabel Kristu, din l-​art li kienu għadhom kemm ħadu taħt idejhom sejħulha Hispania. Imbagħad marru jgħixu hemm il-​Viżigoti u l-​Mori, li lkoll ħallew wirt kulturali.

Fl-​2015, aktar minn 68 miljun persuna żaru Spanja. Il-​maġġorparti jmorru minħabba x-​xemx, il-​bajjiet mill-​isbaħ, u t-​teżori artistiċi, kulturali, u storiċi li għandu l-​pajjiż. L-​ikel Spanjol ukoll jiġbed għadd ġmielu taʼ turisti. L-​ikel tipiku jinkludi frott tal-​baħar, laħam tal-​majjal, stuffatijiet, insalati, u ħaxix imsajjar jew imħawwar biż-​żejt taż-​żebbuġa. Il-​frejjeġ Spanjoli, il-​paella, u t-​tapas huma magħrufa mad-​dinja kollha.

Il-​mariscada hu platt tipiku bil-frott tal-baħar

Jiżfnu l-flamengo

In-​nies Spanjoli huma dħulin u jafu jmorru man-​nies. Kważi lkoll jgħidu li huma Kattoliċi, imma ftit li xejn imorru l-​quddies. Fis-​snin reċenti, nies mill-​Afrika, mill-​Asja, u mill-​Amerika Latina emigraw lejn Spanja. Ħafna minnhom jieħdu pjaċir jitkellmu fuq ir-​reliġjon u l-​kulturi tagħhom. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kellhom diskussjonijiet interessanti magħhom u għenuhom jifhmu x’tgħallem il-​Bibbja dwar diversi suġġetti.

Matul l-​2015, aktar minn 10,500 Xhud minn jeddhom bnew jew irranġaw 70 Sala tas-​Saltna, il-​post fejn jiltaqgħu. L-​awtoritajiet taʼ xi postijiet ipprovdew l-​art għal xi wħud minn dawn il-​proġetti. Biex jgħinu lill-​immigranti, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jkollhom laqgħat f’aktar minn 30 lingwa differenti apparti l-​Ispanjol. Fl-​2016, aktar minn 186,000 ruħ attendew laqgħa speċjali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova biex ifakkru l-​mewt taʼ Ġesù Kristu.