Malti
L-​istrateġija tal-​inżul tan-​naħla
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102017047/univ/art/102017047_univ_sqr_xl.jpg
g17 Nru. 2 p. 7

ĠIET DISINJATA?

L-​istrateġija tal-​inżul tan-​naħla

L-​istrateġija tal-​inżul tan-​naħla

IN-​NAĦAL jistaʼ jinżel fuq xi ħaġa bla problema taʼ xejn tistaʼ tgħid minn kwalunkwe angolu. Kif jagħmel dan?

Ikkunsidra: Biex ikollha nżul tajjeb, in-​naħla trid tnaqqas il-​veloċità sakemm kważi ġġibha fix-​xejn qabel ma tmiss fejn se tinżel. Mod loġiku kif dan jistaʼ jsir hu billi jiġu kkalkulati żewġ fatturi—il-​veloċità tat-​titjira u d-​distanza—u mbagħad titnaqqas il-​veloċità skont il-​bżonn. Madankollu, dan il-​metodu jkun diffiċli għall-​maġġoranza tal-​insetti għax għandhom għajnejhom viċin xulxin u ma jkunux jistgħu jiffokaw, u għalhekk ma jkunux jistgħu jkejlu direttament id-​distanza.

Il-​bnedmin jistgħu jaraw b’tali mod li jkunu kapaċi jikkalkulaw kemm ikunu ’l bogħod minn xi oġġett. Il-​vista tan-​naħal hija differenti ħafna. In-​naħal donnu juża s-​sempliċi fatt li hekk kif joqrob lejn oġġett, dan jidher akbar. Aktar ma joqrob lejn oġġett, aktar l-​oġġett jidher li qed jikber malajr. Esperimenti li saru fl-​Australian National University jindikaw li n-​naħla tnaqqas il-​veloċità tagħha sabiex ir-​rata li oġġett jidher li jkun qed jikber tibqaʼ l-​istess. Sakemm in-​naħla tasal fejn trid tinżel, kważi tkun waqqfet il-​veloċità tagħha. Dan jippermettilha li tinżel qawwija u sħiħa.

Il-​ġurnal Proceedings of the National Academy of Sciences jirrapporta: “Is-​sempliċità taʼ din l-​istrateġija taʼ nżul . . . tagħmilha ideali biex tidħol fis-​sistemi li jiggwidaw apparat robotiku li jtir.”

Int x’taħseb? L-​istrateġija tal-​inżul tan-​naħla evolviet? Jew ġiet disinjata?