Malti
Il-makaw impressjonanti
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102016048/univ/art/102016048_univ_sqr_xl.jpg
g16 Nru. 2 pp. 14-15

Il-makaw blu u isfar. Tul: 85 ċentimetru

Il-makaw impressjonanti

Il-makaw impressjonanti

ILWIEN vivaċi jidhru jittajru fis-​sema hekk kif qatgħa għasafar toħroġ mill-​kenn tal-​foresta! Din id-​dehra mill-​isbaħ impressjonat lill-​esploraturi Ewropej li waslu fl-​Amerika Ċentrali u t’Isfel lejn tmiem is-​seklu ħmistax. Dak li raw kienu l-​makawi, pappagalli b’denb twil li jistgħu jinstabu fir-​reġjuni tropikali tal-​Amerika taʼ Fuq u t’Isfel. F’tebqa t’għajn, stampi taʼ dawn il-​ħlejjaq spettakolari dehru fuq mapep tar-​reġjun bħala simbolu tal-​ġenna tal-​art li kienet għadha kif instabet.

Kemm il-​makawi rġiel kif ukoll in-​nisa huma mżewqin bi lwien vivaċi, xi ħaġa stramba fost l-​għasafar b’kuluri jgħajtu. Il-​makawi huma wkoll għasafar intelliġenti u soċjali li għandhom għajjat qawwi u ħsejjes li jtarrxu. Fi qtajjaʼ taʼ xi 30-​il waħda, huma jitilqu mill-​post tal-​mistrieħ tagħhom kmieni filgħodu biex ifittxu għaż-​żerriegħa, frott tropikali, u ikel ieħor. Bħalma s-​soltu jagħmlu l-​pappagalli, spiss jużaw difrejhom biex jaqbdu l-​ikel, li jigdmuh b’munqarhom kbir u milwi. Huma saħansitra kapaċi jkissru qoxra iebsa bħal dik tal-​ġewż! Wara li jieklu, ġeneralment itiru fi qtajjaʼ lejn l-​irdumijiet jew tul ix-​xmajjar biex inaqqru t-​tafal, li jistaʼ jgħin biex inaqqas l-​effett tossiku mill-​ikel tagħhom kif ukoll jipprovdilhom l-​elementi kimiċi meħtiġin.

“Kulma għamel [Alla] għamlu sabiħ u f’waqtu.”—Ekkleżjasti 3:11

Normalment, il-​makawi rġiel jibqgħu mal-​istess sieħba għal ħajjithom kollha u jikkooperaw bejniethom biex jieħdu ħsieb iż-​żgħar tagħhom. Il-​ħafna speċi jbejtu f’ħofor fiz-​zkuk tas-​siġar, f’toqob maġenb ix-​xmajjar u f’kolonni tal-​ħamrija magħmulin min-​nemel abjad, jew fil-​ħofor u x-​xquq tal-​irdumijiet, fejn il-​makawi jistgħu jintlemħu jnaddfu lil xulxin. Għalkemm taʼ sitt xhur iż-​żgħar tagħhom ikunu kibru għalkollox, huma jibqgħu mal-​ġenituri tagħhom għal madwar tliet snin. Fl-​ambjent naturali tagħhom, il-​makawi jgħixu sa bejn 30 u 40 sena, imma xi wħud għexu iktar minn 60 sena magħluqin f’gaġġa. Hemm madwar 18-​il speċi, xi ftit minnhom jidhru hawn.

Il-makaw bi ġwienaħ ħodor, li jissejjaħ ukoll il-makaw aħmar u aħdar. Tul: sa 95 ċentimetru

Il-makaw lewn l-iskarlat. Tul: 85 ċentimetru

Il-makaw lewn il-ġjaċint. Tul: sa 100 ċentimetru. Hu l-ikbar fost il-pappagalli kollha u jistaʼ jiżen iktar minn 1.3 kilo