HUMA FFAĊĊJAW L-ISFIDA

L-istejjer taʼ Ricardo u Andres

L-istejjer taʼ Ricardo u Andres

L-​edukazzjoni bbażata fuq il-​Bibbja għandha qawwa tal-​għaġeb biex ittejjeb il-​ħajjiet. Ikkunsidra żewġ eżempji taʼ dan: Ricardo u Andres.

RICARDO: Fl-​età vulnerabbli taʼ 15-​il sena, ingħaqadt maʼ gang. Il-​ħbieb ġodda tiegħi kellhom influwenza kbira fuqi. Infatti, il-​mira tiegħi kienet li nqattaʼ għaxar snin il-​ħabs! Din tistaʼ tinstemaʼ bħala xi ħaġa banali, imma fejn kont noqgħod jien, dawk li qattgħu xi snin il-​ħabs kienu ammirati u rispettati. U jien ridt inkun bħalhom.

Jien esperjenzajt dak kollu li għandu x’jaqsam maʼ ħajja f’gang, inkluż id-​drogi, is-​sess, u l-​vjolenza. Lejla minnhom kont involut fi sparatura. Ħsibt li kont se ninqatel, imma rnexxieli naħrab. Wara dan, bdejt naħseb iktar bis-​serjetà dwar ħajti u l-​miri tiegħi, u ddeċidejt li ridt ninbidel. Imma kif? Fejn stajt insib l-​għajnuna?

Ħafna mill-​qraba tiegħi ma kinux ferħanin. Ħajjiethom kienet mimlija problemi. Imma l-​familja taʼ wieħed miz-​zijiet kienet differenti. Kont naf li kienu nies sew u kont naf li kienu jgħixu skont il-​prinċipji tal-​Bibbja. Infatti darba tgħallimt mingħandhom li Alla jismu Ġeħova. Ftit wara dik l-​isparatura, tlabt lil Ġeħova u għedtlu biex jgħinni u indirizzajtu b’ismu. Bqajt mistagħġeb meta l-​għada stess ġie wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova jħabbatli l-​bieb! Hu sar il-​wieħed li beda jgħallimni l-​Bibbja.

Ma domtx ma ffaċċjat sfida kbira. Il-​ħbieb li kelli qabel spiss kienu jċempluli u jgħiduli biex noħroġ magħhom. Għalkemm ma kienx faċli, jien kont ngħid le. Kont determinat li nkompli l-​istudju tal-​Bibbja u jien grat li għamilt hekk! Ħajti tjiebet b’mod tal-​għaġeb u sibt il-​ferħ veru.

Niftakarni ngħid lil Alla fit-​talb li darba kont lest li nqattaʼ għaxar snin il-​ħabs biex nikseb ir-​rispett bħala membru taʼ gang. Allura tlabtu biex jippermettili naqdih minn tal-​inqas għaxar snin bħala predikatur full-​time sabiex inkun nistaʼ ngħin lil oħrajn bħalma ġejt megħjun jien. Alla wieġeb it-​talba tiegħi, u issa ilni naqdi bħala predikatur full-​time għal dawn l-​aħħar 17-​il sena. U nistaʼ nżid ngħid li qatt ma mort il-​ħabs!

Madankollu, ħafna mill-​ħbieb li kelli qabel qed jiskontaw sentenzi twal taʼ ħabs. Oħrajn huma mejtin. Meta nħares lura, jien grat ħafna għall-​qraba tiegħi li huma Xhieda. Huma kienu lesti jkunu differenti biex jgħixu skont il-​Bibbja. Sirt nirrispetta lilhom ħafna iktar milli kont nirrispetta lil xi ħadd fil-​gang. Fuq kollox, jien niżżi ħajr lil Alla talli għallimni ngħix l-​aqwa mod taʼ ħajja.

ANDRES: Jien twilidt u trabbejt fi nħawi foqra fejn id-​drogi, il-​frodi, il-​qtil, u l-​prostituzzjoni kienu komuni. Missieri kien alkoħoliku u jiddependi mid-​droga kokaina. Hu u ommi kienu dejjem jiġġieldu, verbalment u fiżikament.

Bdejt nixrob l-​alkoħol u nieħu d-​drogi taʼ età żgħira. Qattajt il-​biċċa l-​kbira tal-​ħin tiegħi fit-​toroq nisraq u mbagħad inbigħ dak li nkun sraqt. Hekk kif bdejt nikber, missieri pprova jersaq qrib tiegħi imma għamel dan b’mod ħażin. Hu għallimni kif indaħħal drogi u prodotti illegali oħra bil-​kuntrabandu u mbagħad inbigħhom. Qlajt ħafna flus u malajr. Imbagħad darba minnhom ġew il-​pulizija d-​dar u arrestawni. Intbgħatt ħames snin ħabs fuq attentat taʼ qtil.

Għodwa minnhom sar avviż mil-​loudspeaker tal-​ħabs fejn fih stieden lill-​priġunieri għal diskussjoni minn fuq il-​Bibbja li kienet se tinżamm mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Iddeċidejt li nattendi. Dak li smajt kien jagħmel sens, allura bdejt nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda. Huma ma qagħdux jaħbu dak li tgħid il-​Bibbja, imma wrewni ċar u tond il-​livelli morali għoljin t’Alla.

Malajr ġejt konxju li ma stajtx nagħmel il-​bidliet li kelli bżonn mingħajr għajnuna, speċjalment meta bdejt niġi mhedded minn priġunieri oħra li ma ħadux pjaċir b’dak li kont qed nagħmel. Allura tlabt għas-​saħħa u l-​għerf, u Ġeħova għenni. Infatti, minflok ma qtajt qalbi minħabba t-​theddid tagħhom, saħansitra kelli l-​kuraġġ nitkellem maʼ priġunieri oħra dwar il-​Bibbja.

Meta wasal il-​jum li fih kont se noħroġ mill-​ħabs, tant kont beżgħan li kważi kważi xtaqt nibqaʼ iktar. Hekk kif kont se nitlaq, diversi priġunieri sellmuli. Xi wħud saħansitra qaluli b’affezzjoni, “Mur id-​dar, għalliem ċkejken.”

Nitkexkex meta naħseb dwar kif ħajti setgħet spiċċat li kieku ma ħallejtx lil Alla jedukani. Jien grat ħafna ħafna li Alla jħobbni u li ma kkunsidranix bħala xi ħadd li ma jistax jinbidel. *

^ Għal iktar eżempji li juru l-​qawwa tal-​Bibbja biex tbiddel il-​ħajjiet mur fuq jw.org. Mur fuq LIBRERIJA, u fittex fis-serje t’artikli “Il-Bibbja tbiddel il-ħajjiet.”