Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

GVERN LI SE JEGĦLEB L-ISFIDA

“Għall-paċi ma jkun hemm ebda tmiem”

“Għall-paċi ma jkun hemm ebda tmiem”

Il-​Ġnus Magħquda qed tinkuraġġixxi lin-​nies kollha biex jikkooperaw flimkien, jirrispettaw id-​drittijiet tal-​bniedem, u jipproteġu l-​ambjent. Ir-​raġuni? Bħalma qal Maher Nasser fil-​UN Chronicle, “bidla fil-​klima, kriminalità organizzata, differenza li dejjem tikber bejn is-​sinjuri u l-​foqra, ġlied mhux issetiljat, eluf taʼ nies jaħarbu minn djarhom, terroriżmu globali, [u] mard li jittieħed” jeffettwaw lin-​nies kullimkien.

Oħrajn marru saħansitra oltre. Huma ħeġġew dinja li titmexxa minn gvern wieħed. Fosthom hemm il-​filosfu, poeta, u statista Taljan Dante (1265-​1321) u x-​xjentist Albert Einstein (1879-​1955). Dante kien jemmen li l-​paċi ma tistax tibqaʼ f’dinja li tkun maqsuma politikament. Hu qal, meta kkwota lil Ġesù Kristu, li “saltna maqsuma kontra tagħha nfisha ssir ħerba.”—Luqa 11:17.

Ftit wara It-​Tieni Gwerra Dinjija, li fiha ntużaw żewġ bombi atomiċi, Albert Einstein kiteb ittra lill-​Assemblea Ġenerali tal-​Ġnus Magħquda u din setgħet tinqara wkoll mill-​pubbliku. “Il-​Ġnus Magħquda,” qal hu, “għandha taġixxi malajr kemm jistaʼ jkun biex tagħmel kulma hemm bżonn ħalli toħloq gvern dinji reali.”

Imma nistgħu nkunu ċerti li l-​politikanti li jagħmlu parti minn dan il-​gvern setgħan qatt ma kienu se jsiru korrotti, inkapaċi, u jgħakksu lin-​nies? Jew kienu se jkunu ħżiena bħall-​mexxejja taʼ qabilhom? Dawn il-​mistoqsijiet ifakkruna fil-​kliem li qal l-​istorjografu Brittaniku Lord Acton, li qal: “Il-​qawwa għandha t-​tendenza li tikkorrompi u qawwa assoluta tikkorrompi b’mod assolut.”

Biex il-​familja umana tgawdi paċi u armonija vera, hemm bżonn ukoll li nkunu magħqudin. Imma din il-​mira kif tistaʼ tintlaħaq? Fuq kollox, hi realistika? It-​tweġiba tal-​Bibbja hi iva. Din tistaʼ u se tintlaħaq. Kif? Mhux bi gvern dinji li jkun magħmul minn mexxejja li jistgħu jsiru korrotti. Minflok, dan se jkun magħmul minn gvern li Alla stabbilixxa. Iktar minn hekk, dan il-​gvern se juri d-​dritt tiegħu li jmexxi fuq il-​ħolqien. X’inhu dan il-​gvern? Fil-​Bibbja dan il-​gvern jissejjaħ “is-​saltna t’Alla.”—Luqa 9:11.

“ĦA TIĠI SALTNATEK”

Ġesù Kristu kellu s-​Saltna t’Alla f’moħħu meta fit-​talba li ta bħala mudell qal: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int . . . fuq l-​art.” (Mattew 6:9, 10) Iva, is-​Saltna t’Alla se tagħmel ċert li r-​rieda t’Alla sseħħ fuq l-​art, u mhux ir-​rieda taʼ bnedmin li għandhom kilba għall-​poter jew li huma egoisti.

Is-​Saltna t’Alla tissejjaħ ukoll “is-​saltna tas-​smewwiet.” (Mattew 5:3) Għala tissejjaħ hekk? Għax filwaqt li se tmexxi fuq l-​art, din mhix se tmexxi mill-​art imma mis-​sema. Aħseb ftit xi jfisser dan. Dan il-​gvern wieħed li jmexxi d-​dinja mhux se jkollu bżonn appoġġ materjali jew finanzjarju, bħat-​taxxi. X’serħan se jkun dan għall-​bnedmin taħt dik is-​Saltna!

Bħalma tagħti x’tifhem il-​kelma stess “saltna,” is-​Saltna t’Alla hi gvern irjali. Għandha Sultan li hu Ġesù Kristu u l-​awtorità ngħatatlu minn Alla. Rigward Ġesù, il-​Bibbja tgħid:

  • “Il-​ħakma taʼ prinċep se tkun fuq spalltu . . . Għall-​kobor tal-​ħakma tiegħu bħala prinċep u għall-​paċi ma jkun hemm ebda tmiem.”—Isaija 9:6, 7.

  • “Lilu ngħataw ħakma, dinjità, u saltna, sabiex il-​popli, il-​ġnus, u l-​lingwi jaqdu kollha lilu. Il-​ħakma tiegħu . . . ma tinqeridx.”—Danjel 7:14.

  • “Is-​saltna tad-​dinja saret is-​saltna tal-​Mulej tagħna [t’Alla] u tal-​Kristu tiegħu.”—Rivelazzjoni 11:15.

Meta t-​talba li ta Ġesù bħala mudell isseħħ, is-​Saltna t’Alla se tkun wettqet bis-​sħiħ ir-​rieda t’Alla fuq l-​art. Taħt din is-​Saltna, il-​bnedmin kollha se jitgħallmu jieħdu ħsieb il-​pjaneta sabiex din tirkupra u ssir mimlija ħajja.

Fuq kollox, is-​Saltna t’Alla se teduka lis-​sudditi tagħha. Ilkoll se jiġu mgħallmin l-​istess livelli. La se jkun hemm nuqqas taʼ qbil u lanqas nuqqas taʼ ftehim. Isaija 11:9 jgħid: “Ma se jagħmlu ebda ħsara jew ħerba . . . għax l-​art se tkun mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova bħalma l-​ilmijiet jiksu l-​baħar.”

L-​abitanti tal-​art se jkunu verament kif tixtieq li jkunu l-​Ġnus Magħquda, jiġifieri jħobbu lil xulxin u jgħixu fil-​paċi mad-​dinja kollha. “Bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm,” jgħid Salm 37:11. Maż-​żmien, kliem bħal “kriminalità,” “tinġis,” “faqar,” u “gwerer” mhux se jibqgħu fil-​vokabolarju tagħna. Imma meta se jiġri dan? Is-​Saltna t’Alla meta se tibda tmexxi fuq l-​art kollha? Kif se tagħmel dan? U int kif tistaʼ tibbenefika mit-​tmexxija tagħha? Ejja naraw.