Malti
It-​tarka sofistikata li tiflaħ għas-​sħana li għandha n-​nemla tas-​Saħara lewn il-​fidda
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102017010/univ/art/102017010_univ_sqr_xl.jpg
g17 Nru. 1 p. 16

ĠIET DISINJATA?

It-​tarka sofistikata li tiflaħ għas-​sħana li għandha n-​nemla tas-​Saħara lewn il-​fidda

It-​tarka sofistikata li tiflaħ għas-​sħana li għandha n-​nemla tas-​Saħara lewn il-​fidda

IN-​NEMLA tas-​Saħara lewn il-​fidda (Cataglyphis bombycina) hija minn taʼ quddiem fost l-​annimali tal-​art li huma magħrufin li jifilħu ħafna għas-​sħana. Meta x-​xemx taʼ nofsinhar tas-​Saħara ġġiegħel lil dawk li jieklu n-​nemla biex ifittxu d-​dell, in-​nemla toħroġ mill-​bejta tagħha u tmur tfittex l-​ikel fil-​viċin. L-​ikel jinkludi insetti oħra li jkunu mietu minħabba l-​qilla tax-​xemx.

[50] μm

Ikkunsidra: Wieħed mill-​vantaġġi tan-​nemla lewn il-​fidda hu l-​fatt li għandha tarka sofistikata li tiflaħ għas-​sħana. Din hi magħmula minn xagħar speċjali li jgħatti l-​wiċċ u l-​ġnub taʼ ġisimha, filwaqt li taħt huwa bla xagħar. Dan ix-​xagħar, li lin-​nemla jagħmilha tidher kulur il-​fidda, jikkonsisti f’tubi rqaq ħafna. Li kieku kellek taqsamhom min-​nofs dawn it-​tubi, ikollhom forma trijangulari. Iż-​żewġt uċuħ tax-​xagħra li jħarsu ʼl barra għandhom fuqhom speċi taʼ rigi mikroskopiċi, filwaqt li l-​wiċċ li jħares ʼil ġewwa huwa lixx. Dan id-​disinn għandu żewġ funzjonijiet. L-​ewwel, dan ix-​xagħar jistaʼ jirrifletti r-​raġġi inviżibbli tas-​sħana li jiġu mix-​xemx. It-​tieni, jgħin lin-​nemla biex teħles mis-​sħana li tkun ħadet mill-​ambjent taʼ madwarha. Fl-​istess ħin, il-​parti taʼ taħt tan-​nemla li ma fihiex xagħar hi disinjata biex tirrifletti r-​raġġi inviżibbli tas-​sħana li joħorġu mill-​art tad-​deżert. a

[10] μm

It-​tarka sofistikata li għandha din in-​nemla tgħinha biex iżżomm it-​temperatura taʼ ġisimha taħt il-​livell massimu li hi kapaċi tiflaħ għalih—53.6 grad Celsius. Din il-​kreatura ċkejkna qanqlet lir-​riċerkaturi biex jaħdmu fuq li jiżviluppaw kisjiet speċjali li jkunu kapaċi jżommu t-​temperatura baxxa mingħajr l-​għajnuna taʼ fannijiet jew apparat ieħor.

Int x’taħseb? It-​tarka sofistikata li tiflaħ għas-​sħana li għandha n-​nemla tas-​Saħara lewn il-​fidda ġiet bl-​evoluzzjoni? Jew ġiet disinjata?

a Il-​vantaġġi l-​oħra tan-​nemla jinkludu proteini speċjali f’ġisimha li ma jinbidlux faċilment bis-​sħana qalila, saqajn twal li bihom ma tmissx mar-​ramel jikwi u wkoll tkun tistaʼ tiġri aktar, u kapaċitajiet taʼ navigazzjoni eċċellenti li jgħinuha tieħu l-​iqsar distanza biex tmur lura lejn il-​bejta tagħha.