Malti
Kif turi apprezzament
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102017009/univ/art/102017009_univ_sqr_xl.jpg
g17 Nru. 1 pp. 14-15

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻWIEĠ

Kif turi apprezzament

Kif turi apprezzament

L-​ISFIDA

Espressjonijiet t’apprezzament huma essenzjali biex żwieġ jirnexxi. Però, ħafna rġiel u nisa miżżewġin ma jibqgħux jinnotaw il-​kwalitajiet tajbin taʼ xulxin, u wisq inqas jesprimu apprezzament għal xulxin. Fil-​ktieb Emotional Infidelity, wieħed li jagħti l-​pariri josserva li ħafna koppji li jiġu għandu “huma ħafna iktar ikkonċernati dwar x’mhux qed jiġri [fiż-​żwieġ tagħhom] milli x’qed jiġri. Meta jkunu fl-​uffiċċju tiegħi, huma jgħiduli x’hemm bżonn li jinbidel u mhux x’għandu jibqaʼ l-​istess. L-​iżball taʼ dawn il-​koppji hu li jonqsu milli juru mħabba permezz tal-​apprezzament.”

Koppja kif tistaʼ tevita din in-​nassa?

X’GĦANDEK TKUN TAF

Kliem t’apprezzament jistaʼ jtaffi l-​istress fiż-​żwieġ. Meta raġel u mara miżżewġin jagħmlu sforz biex jinnotaw u jirrikonoxxu l-​kwalitajiet tajbin taʼ xulxin, normalment ir-​relazzjoni tagħhom tmur għall-​aħjar. Anki tensjoni kbira tistaʼ titnaqqas meta l-​koppji jħossuhom apprezzati minn xulxin.

Għan-​nisa miżżewġin. “Ħafna nisa għandhom it-​tendenza li jinjoraw il-​pressjoni kbira li jkun hemm fuq l-​irġiel biex jipprovdu għall-​familji tagħhom,” jgħid il-​ktieb li ssemma qabel, Emotional Infidelity. F’xi kulturi, din il-​pressjoni tistaʼ saħansitra teżisti f’familji li d-​dħul tagħhom jiġi kemm mir-​raġel u kemm mill-​mara.

Għall-​irġiel miżżewġin. L-​irġiel spiss ma japprezzawx l-​isforzi li tagħmel il-​mara biex tappoġġja lill-​familja, sew f’dak li hu impjieg, trobbija tat-​tfal, jew xogħol tad-​dar. Fiona, a li ilha miżżewġa għal xi tliet snin, tgħid: “Ilkoll niżbaljaw, u meta nagħmel hekk, ma nkunx kuntenta bija nnifsi. Allura, meta żewġi jgħidli li għamilt xi ħaġa tajba fid-​dar—pereżempju, il-​faċendi—nirrealizza li għadu jħobbni minkejja n-​nuqqasijiet tiegħi. Inħossni wkoll appoġġjata u iktar kuntenta!”

B’kuntrast, meta raġel jew mara miżżewġa ma tħosshiex apprezzata, iż-​żwieġ jistaʼ jkun fil-​periklu. “Meta ma tħossokx apprezzata mir-​raġel,” tgħid mara miżżewġa jisimha Valerie, “ikun faċli li tinġibed lejn xi ħadd li jġiegħlek tħossok apprezzata.”

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Osserva. Matul il-​ġimgħa li ġejja, innota kwalitajiet pożittivi li s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek turi. Barra minn hekk, oqgħod attent għal affarijiet li hu jew hi tagħmel biex ix-​xogħol tad-​dar jibqaʼ miexi ħarir—affarijiet li forsi s’issa ħadthom for granted. Fl-​aħħar tal-​ġimgħa, agħmel lista taʼ (1) kwalitajiet li tapprezza fis-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek u (2) affarijiet li hu jew hi għamlet għall-​benefiċċju tal-​familja tiegħek.—Prinċipju Bibliku: Filippin 4:8.

Għala hu neċessarju li tosserva? “Wara li tkun ilek miżżewġa għal ftit tas-​snin,” tgħid mara miżżewġa li jisimha Erika, “forsi ma tibqax tapprezza lil żewġek daqs kemm kont qabel. Tieqaf tinnota l-​affarijiet tajbin li jagħmel u jkollok it-​tendenza li tiffoka iktar fuq dak li mhux qed jagħmel.”

Saqsi lilek innifsek: ‘Napprezza jien ix-​xogħol iebes tar-​raġel jew il-​mara tiegħi?’ Pereżempju, jekk żewġek jirranġa xi affarijiet fid-​dar, iżżomm lura milli tirringrazzjah għax tħoss li hu d-​dmir tiegħu li jieħu ħsieb affarijiet bħal dawn? Jekk int raġel miżżewweġ, tħoss li martek ma jistħoqqilhiex tifħir għall-​isforzi li tagħmel biex tieħu ħsieb it-​tfal għas-​sempliċi fatt li qed tagħmel dak li hu mistenni minnha? Agħmilha mira li tinnota u tapprezza l-​isforzi kollha—kemm kbar u kemm żgħar—li r-​raġel jew il-​mara tiegħek tagħmel għall-​benefiċċju tal-​familja tiegħek.—Prinċipju Bibliku: Rumani 12:10.

Iżżommx lura milli tfaħħar. Il-​Bibbja ma tgħidx biss li għandna nkunu grati imma tgħid: “Uru li intom grati.” (Kolossin 3:15) Allura, ipprova ħudha drawwa li tirringrazzja lis-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Raġel miżżewweġ li jismu James jgħid, “Meta marti tesprimi apprezzament għal dak li nagħmel, inħoss li nkun irrid naħdem iktar biex inkun raġel miżżewweġ aħjar u biex nagħmel iktar sforz fiż-​żwieġ tagħna.”—Prinċipju Bibliku: Kolossin 4:6.

Irġiel u nisa miżżewġin li jesprimu l-​apprezzament tagħhom għal xulxin isaħħu r-​relazzjoni taʼ bejniethom. “Jien nemmen li ħafna żwiġijiet jistgħu ma jitkissrux jekk il-​miżżewġin jibqgħu ffokati fuq dak li jogħġobhom dwar xulxin,” jgħid raġel miżżewweġ jismu Michael. “Meta jinqalgħu l-​problemi, il-​koppji se jkollhom inqas tendenza li jtemmu ż-​żwieġ għax kontinwament huma konxji taʼ kemm għandhom x’japprezzaw.”

a Xi ismijiet ġew mibdulin.