Malti
Dak li tgħid il-Bibbja dwar l-abort
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102017007/univ/art/102017007_univ_sqr_xl.jpg
g17 Nru. 1 pp. 10-11

Mara għaqlija tirrispetta l-kuxjenza tagħha

IL-​ĦARSA TAL-​BIBBJA

Abort

Abort

Kull sena, iktar minn ħamsin miljun tarbija fil-​ġuf tintemmilhom ħajjithom permezz t’abort—ammont li hu akbar mill-​popolazzjoni taʼ ħafna pajjiżi.

Hija għażla personali jew kwistjoni morali?

DAK LI JGĦIDU N-​NIES

In-​nisa jagħmlu abort minħabba raġunijiet differenti. Fost ir-​raġunijiet hemm problemi ekonomiċi, problemi maʼ tal-​familja, ix-​xewqa li jkollhom iktar libertà biex ikunu jistgħu jistudjaw jew biex ikollhom karriera, jew ma jkunux iridu jrabbu t-​tarbija waħedhom. Madankollu, oħrajn jikkunsidraw l-​abort bħala xi ħaġa ħażina moralment—abbuż mill-​fiduċja li tingħata lil mara tqila.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

F’għajnejn Alla, il-​ħajja—b’mod partikulari l-​ħajja tal-​bniedem—hi sagra. (Ġenesi 9:6; Salm 36:9) Dan il-​prinċipju japplika għal tarbija li tikber fil-​ġuf, li Alla ddisinjah biex ikun post taʼ protezzjoni għat-​tarbija li tkun qed tiżviluppa. “Int żammejtni mistur f’żaqq ommi,” qal kittieb Bibliku. Hu żied jgħid: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-​ktieb tiegħek inkitbu l-​partijiet kollha tiegħi, dwar iż-​żmien meta ġew ifformati.”—Salm 139:13, 16.

Il-​ħarsa t’Alla dwar il-​ħajja taʼ tarbija fil-​ġuf tinsab ukoll fil-​Liġi li hu ta lill-​ġens tal-​Iżrael u fil-​kuxjenza li tana. Il-​Liġi t’Alla kienet tgħid li individwu li jattakka mara tqila u joqtol lit-​tarbija f’ġufha kellu jingħata l-​piena tal-​mewt—il-​qattiel kellu jħallas ħajja b’ħajja. (Eżodu 21:22, 23) Ovvjament, l-​imħallfin kellhom jikkunsidraw il-​mottivi u ċ-​ċirkustanzi.—Numri 35:22-​24, 31.

In-​nies għandhom ukoll kuxjenza. Meta mara tagħti kas il-​kuxjenza, jew il-​vuċi ġewwinija, tagħha billi tirrispetta l-​ħajja tat-​tarbija f’ġufha, il-​kuxjenza tagħha ma tniggiżhiex. a Mill-​banda l-​oħra, jekk tinjoraha, tistaʼ mhux biss tniggiżha imma anki tikkundannaha. (Rumani 2:14, 15) Fil-​fatt, ir-​riċerka turi li n-​nisa li jagħmlu abort ikollhom ukoll riskju akbar taʼ ansjetà u dipressjoni.

Imma xi ngħidu jekk li trabbi tarbija jidher diffiċli wisq, speċjalment jekk it-​tqala ma tkunx ippjanata? Innota l-​wegħda assiguranti li Alla wiegħed lil dawk li jgħixu mal-​livelli tiegħu: “Ma’ min hu tajjeb inti timxi bit-​tajjeb, maʼ min hu bla ħtija inti timxi bla ħtija.” (Salm 18:26, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Naqraw ukoll: “Ġeħova jħobb il-​ġustizzja, u lil-​leali tiegħu ma jitlaqhomx.”—Salm 37:28.

“Il-​kuxjenza tagħhom qed tixhed magħhom u, fi ħsibijiethom stess, qed jiġu akkużati jew skużati.”Rumani 2:15.

Xi ngħidu jekk għamilt abort?

DAK LI JGĦIDU N-​NIES

Ruth, omm waħedha, qalet: “Diġà kelli tlett itfal żgħar u ħassejt li ma stajtx nieħu ħsieb erbgħa. Madankollu, wara li għamilt abort, ħassejt li kont għamilt xi ħaġa orribbli.” b Imma għamlet hi xi ħaġa li Alla ma jistax jaħfer?

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Ġesù Kristu kellu l-​istess ħsieb t’Alla meta qal: “Ma ġejtx insejjaħ lin-​nies sewwa imma lill-​midinbin għall-​indiema.” (Luqa 5:32) Iva, meta verament jiddispjaċina għal dnub li nkunu għamilna u nindmu, u nitolbu ’l Alla biex jaħfrilna, hu jagħmel dan minn qalbu—anki jekk ikunu dnubiet serji. (Isaija 1:18) “Qalb maqsuma u mgħaffġa, O Alla, int ma tistmerrhiex,” jgħid Salm 51:17.

Apparti kuxjenza nadifa, Alla lil dak li jindem jagħtih ukoll il-​paċi tal-​moħħ dment li jdur lejh bit-​talb b’mod umli. “B’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom,” jgħid Filippin 4:6, 7. c Wara li Ruth studjat il-​Bibbja u fetħet qalbha m’Alla, hi kisbet paċi ġewwinija. Hi tgħallmet li Alla għandu “l-​maħfra vera.”—Salm 130:4.

[Alla] m’għamlilniex skond dnubietna; lanqas ġab fuqna dak li ħaqqna għall-​iżbalji tagħna.”Salm 103:10.

a Il-​fatt li jistaʼ jkun hemm riskju għas-​saħħa tal-​omm jew tat-​tarbija mhijiex raġuni biex isir abort. Jekk waqt it-​twelid taʼ tarbija l-​koppja jkollha tagħżel bejn il-​ħajja tal-​omm u tat-​tarbija, il-​koppja għandha tiddeċiedi. Madankollu, f’ħafna pajjiżi żviluppati, il-​mediċina tant għamlet progress li sitwazzjoni bħal din saret rari ħafna.

b L-​isem ġie mibdul.

c It-​tama tal-​irxoxt tistaʼ tgħin ukoll biex dak li jkun ikollu l-​paċi ġewwinija. Ara l-​artiklu “Mistoqsijiet mill-​qarrejja” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-15 t’April 2009, li jiddiskuti prinċipji Bibliċi li għandhom x’jaqsmu mal-​possibbiltà li jkun hemm irxoxt taʼ trabi li jmutu fil-​ġuf.