Malti
Kif tirreżisti l-pressjoni minn dawk tamparek
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102014005/univ/art/102014005_univ_sqr_xl.jpg
g 1/14 pp. 10-11

GĦAJNUNA GĦALL-​FAMILJA | IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ

Kif tirreżisti l-pressjoni minn dawk tamparek

Kif tirreżisti l-pressjoni minn dawk tamparek

L-​ISFIDA

“Fl-​iskola primarja ma kontx aċċettata minn ħafna mit-​tfal, u dan weġġagħni. Għalhekk, meta bdejt is-​sekondarja, biddilt id-​dehra u l-​attitudni tiegħi—u mhux għall-​aħjar. Tant kont iddisprata biex ikolli l-​ħbieb li ċedejt għall-​pressjoni minn dawk tampari, sempliċement biex nintgħoġob minn sħabi tal-​iskola.”—Jennifer, 16. a

Int tiffaċċja pressjoni minn dawk tamparek? Jekk inhu hekk, dan l-​artiklu se jgħinek tittratta magħha.

Meta ċċedi għall-​pressjoni minn dawk tamparek, int issir bħal robot bla moħħ għax tħalli lil oħrajn jikkontrollawk. Għala tħallihom ikollhom dik is-​setgħa fuqek?—Rumani 6:16.

X’GĦANDEK TKUN TAF

Il-​pressjoni minn dawk tamparhom tistaʼ ġġiegħel lil nies tajbin jagħmlu affarijiet ħżiena.

“Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.”—1 Korintin 15:33.

“Hu bħallikieku nkunu nafu li ċerta triq hi ħażina, imma meta niġu wiċċ imb wiċċ mas-​sitwazzjoni, l-​emozzjonijiet jirkbuna u nkunu rridu nogħġbu lin-​nies!”—Dana.

Il-​pressjoni minn dawk tamparek mhix l-​unika pressjoni li jkollok.

“Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija.”—Rumani 7:21.

“Il-​pressjoni li nħoss spiss tkun ġejja minni; tabilħaqq inkun jien li nixtieq l-​affarijiet li dwarhom ikunu qed jitkellmu sħabi u li huma jagħmluhom jidhru tant eċċitanti.”—Diana.

Meta ma ċċedix għall-​pressjoni minn dawk tamparek ikollok għal xiex tkun kburi.

“Żommu kuxjenza tajba.”—1 Pietru 3:16.

“Kien hemm żmien meta kien diffiċli ħafna għalija li ma nċedix għall-​pressjoni minn dawk tampari, imma issa ma nibżax inkun differenti u jien soda fid-​deċiżjonijiet tiegħi. M’hemm xejn aħjar milli tmur torqod billejl b’kuxjenza nadifa.”—Carla.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Meta tiffaċċja l-​pressjoni minn dawk tamparek biex tagħmel il-​ħażin, ipprova dan li ġej:

Qis il-​konsegwenzi. Staqsi lilek innifsek, ‘Xi ngħidu jekk inċedi għall-​pressjoni u mbagħad ninqabad? Il-​ġenituri tiegħi x’se jaħsbu dwari? Jien kif se nqis lili nnifsi?’—Prinċipju Bibliku: Galatin 6:7.

“Il-​ġenituri jistaqsuni mistoqsijiet bħal, ‘Kieku kellek iċċedi, x’jistaʼ jiġrilek?’ Huma jgħinuni nara kif il-​pressjoni minn dawk tampari tistaʼ twassalni fit-​triq il-​ħażina.”—Olivia.

Kun konvint minn dak li temmen. Staqsi lilek innifsek, ‘Għala nemmen li din it-​triq hija taʼ ħsara, sew għalija u sew għal oħrajn?’—Prinċipju Bibliku: Ebrej 5:14.

“Meta kont żgħira, kont ngħid le jew inwieġeb fil-​qosor, imma issa nistaʼ nagħti spjegazzjoni tajba dwar għala se nagħmel xi ħaġa jew għala mhux se nagħmilha. Jien soda f’dak li nemmen dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. It-​tweġiba tiġi mingħandi—u mhux mingħand xi ħadd ieħor.”—Anita.

Aħseb dwar x’tip taʼ persuna int. Staqsi lilek innifsek, ‘X’tip taʼ persuna rrid inkun?’ Imbagħad aħseb dwar il-​pressjoni li tkun qed tiffaċċja u staqsi, ‘Din it-​tip taʼ persuna x’kienet tagħmel f’din is-​sitwazzjoni?’—Prinċipju Bibliku: 2 Korintin 13:5.

“Jien kuntenta bija nnifsi, u għalhekk ma tantx jimpurtani x’jaħsbu fuqi oħrajn. Fuq kollox, il-​biċċa l-​kbira min-​nies jieħdu gost ikunu mal-​persuna li verament jien.”—Alicia.

Aħseb dwar il-​futur. Jekk għadek l-​iskola, fi ftit snin—jew saħansitra xhur—l-​istess nies li int qed tipprova timpressjona jistgħu lanqas biss ikunu għadhom f’kuntatt miegħek.

“Ħarist lejn ritratt taʼ meta kont l-​iskola, u lanqas biss ftakart l-​ismijiet taʼ xi wħud minn sħabi tal-​klassi. Imma meta kont l-​iskola magħhom, l-​opinjoni tagħhom kienet importanti iktar milli nibqaʼ leali lejn it-​twemmin tiegħi. Xi bluha!”—Dawn, issa għandha 22 sena.

Ipprepara: Il-​Bibbja tgħid: ‘Kun af kif għandek twieġeb lil kulħadd.’—Kolossin 4:6.

“Il-​ġenituri jgħinu lili u lil oħti biex inġibu quddiem għajnejna ċerti sitwazzjonijiet, u mbagħad nirreċtawhom sabiex meta niffaċċjawhom fir-​realtà nkunu nafu xi rridu nagħmlu.”—Christine.

a Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.