Malti
Il-Farfett tax-Xewk—⁠Misteru Solvut
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102013445/univ/art/102013445_univ_sqr_xl.jpg
g 12/13 p. 14

Il-Farfett tax-Xewk—⁠Misteru Solvut

Il-Farfett tax-Xewk—⁠Misteru Solvut

OSSERVATURI Ewropej ilhom żmien jammiraw il-​friefet tax-​xewk kollha lwien (Vanessa cardui) u ma kinux jafu x’kien isir minnhom fi tmiem is-​sajf. Dawn sempliċement jisparixxu hekk kif jibda t-​temp kiesaħ? Riċerka ġdida turi storja straordinarja. Dawn il-​friefet jagħmlu vjaġġ kull sena bejn l-​Ewropa taʼ fuq u l-​Afrika.

Riċerkaturi ġabru r-​riżultati li kisbu minn radar sofistikat u eluf taʼ rapporti minn volontieri mal-​Ewropa kollha. Ir-​riżultati wrew li hekk kif jispiċċa s-​sajf, miljuni taʼ friefet tax-​xewk ipassu lejn in-​Nofsinhar. Fil-​biċċa l-​kbira dawn il-​friefet itiru f’għoli taʼ iktar minn 500 metru—għalhekk in-​nies kważi qatt ma jarawhom. Il-​friefet jistennew irjieħ favorevoli, li jġorruhom b’veloċità medja taʼ 45 kilometru fis-​siegħa fil-​vjaġġ twil lejn l-​Afrika. Kull sena dawn ipassu sa 15,000 kilometru, mit-​trufijiet tal-​Artiku fit-​Tramuntana sal-​Afrika tal-​Punent tropikali fin-​Nofsinhar. Dan il-​vjaġġ hu kważi d-​doppju taʼ dak tal-​farfett monarka tal-​Amerika taʼ Fuq (Danaus plexippus). Iridu jgħaddu sitt ġenerazzjonijiet taʼ friefet tax-​xewk biex jitlesta l-​vjaġġ sħiħ.

Il-​professoressa Jane Hill tal-​Università taʼ York, fl-​Ingilterra, tispjega: “Il-​Farfett tax-​Xewk sempliċement jibqaʼ għaddej, jirriproduċi u jitlaq.” Kull sena, dan iċ-​ċiklu jieħu lill-​popolazzjoni kollha mit-​Tramuntana tal-​Ewropa sal-​Afrika u lura.

“Dan id-​daqsxejn taʼ farfett li jiżen inqas minn gramma, b’moħħ daqs ras taʼ labra, u bla ebda opportunità li jitgħallem minn friefet akbar u tal-​esperjenza, jimpenja ruħu f’passa impressjonanti interkontinentali,” jgħid Richard Fox, li hu maniġer tal-​istħarriġ fil-​Butterfly Conservation. Fox ikompli jgħid li n-​nies kienu jaħsbu li dan l-​insett kien sempliċement misjuq bl-​addoċċ mill-​irjieħ sakemm imut minħabba t-​temp inġazzat tal-​Britannja, bla tama għal titjib għad-​dixxendenti tiegħu. Iżda dan l-​istħarriġ “wera li l-​Friefet tax-​Xewk huma vjaġġaturi sofistikati.”