Malti
X’Tgħid il-Bibbja Dwar Ġesù?
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102013444/univ/art/102013444_univ_sqr_xl.jpg
g 12/13 pp. 10-11

IL-​ĦARSA TAL-​BIBBJA

Ġesù

Ġesù

Huwa Ġesù Alla?

“Ebda bniedem ma ra lil Alla f’xi żmien.” —Ġwanni 1:18.

DAK LI JGĦIDU N-​NIES

Ħafna nies jemmnu li Ġesù mhuwiex Alla. Sadanittant, oħrajn jirreferu għal versi mill-​Bibbja li mingħalihom juru li Ġesù hu daqs Alla.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Il-​Bibbja ma tagħtiniex x’nifhmu li Ġesù huwa Alla li Jistaʼ Kollox jew li hu daqs Alla. Għall-​kuntrarju, din tgħallem biċ-​ċar li Ġesù hu inferjuri għal Alla. Pereżempju, fil-​Bibbja nsibu l-​kliem taʼ Ġesù stess: “Il-​Missier akbar minni.” (Ġwanni 14:28) Il-​Bibbja tgħid ukoll: “Ebda bniedem ma ra lil Alla f’xi żmien.” (Ġwanni 1:18) Ma jistax ikun li Ġesù hu Alla għaliex fil-​fatt lil Ġesù rawh ħafna nies.

L-​ewwel segwaċi taʼ Ġesù ma qalux li hu kien Alla. Pereżempju, il-​kittieb tal-​Evanġelju Ġwanni qal dwar l-​affarijiet li ddokumenta: “Dawn inkitbu biex intom temmnu li Ġesù hu l-​Kristu, l-​Iben t’Alla.”Ġwanni 20:31. a

Meta twieled Ġesù?

“Kien hemm . . . xi rgħajja, li kienu jgħixu barra, għassa bil-​lejl maʼ l-​imrieħel tagħhom.”—Luqa 2:8.

DAK LI JGĦIDU N-​NIES

Xi nies jiċċelebraw il-​Milied fil-​25 taʼ Diċembru—data li wħud jaħsbu li hi jum it-​twelid taʼ Ġesù. Oħrajn jiċċelebraw jum it-​twelid taʼ Ġesù lejn il-​bidu taʼ Jannar.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Il-​Bibbja ma ssemmix id-​data li fiha twieled Ġesù. Madankollu, din tgħid li fiż-​żmien meta twieled Ġesù, “kien hemm . . . xi rgħajja, li kienu jgħixu barra, għassa bil-​lejl maʼ l-​imrieħel tagħhom.” (Luqa 2:8) Ftit li xejn hemm probabbiltà li dawn ir-​ragħajja ħallew l-​imrieħel tagħhom barra bil-​lejl matul Diċembru u Jannar. Għala?

Fl-​inħawi fejn twieled Ġesù, Diċembru u Jannar huma l-​iktar xhur kesħin tas-​sena. Dwar dak iż-​żmien tas-​sena, il-​Bibbja tgħid li n-​nies kienu “jirtogħdu . . . minħabba l-​ħalbiet tax-​xita.” (Esdra 10:9, 13; Ġeremija 36:22) Dak ma kienx iż-​żmien tas-​sena biex ir-​ragħajja “jgħixu barra” mal-​imrieħel tagħhom.

Veru li Ġesù reġaʼ għex wara li miet?

“Alla [lil Ġesù] qajmu mill-​imwiet.”—Atti 3:15.

DAK LI JGĦIDU N-​NIES

Xi nies jemmnu li hu impossibbli li xi ħadd, inkluż Ġesù, jerġaʼ jgħix wara l-​mewt.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu li hu kellu “jsofri ħafna . . . u li kellu jiġi maqtul, u fit-​tielet jum jiġi mqajjem.” (Mattew 16:21) Il-​Bibbja tgħid li wara li nqatel u ġie rxoxtat, Ġesù deher lil iktar minn 500 ruħ. (1 Korintin 15:6) Dawn ix-​xhieda li raw b’għajnejhom stess kienu konvinti bla dubju li hu kien ġie mqajjem mill-​imwiet. Huma kienu saħansitra lesti li jmutu għal dan it-​twemmin!—Atti 7:51-​60; 12:1, 2.

GĦALA HU IMPORTANTI

Il-​Bibbja tgħallem li l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù fetħu t-​triq għall-​bnedmin kollha biex jibbenefikaw mill-​wegħda tal-​Bibbja taʼ Ġenna fuq l-​art. (Salm 37:11, 29; Rivelazzjoni 21:3, 4) Aħna għandna t-​tama li ngawdu ħajja ferħana u bla tmiem f’dik il-​Ġenna tal-​art grazzi għall-​imħabba li ntweriet minn Ġesù u Missieru, l-​Alla li Jistaʼ Kollox, Ġeħova.—Ġwanni 3:16; Rumani 6:23.

a Il-​Bibbja ma tgħallimx li Alla għandu mara letterali li minnha kellu t-​tfal. Minflok, issejjaħ lil Ġesù “l-​Iben t’Alla” għaliex Ġesù kien maħluq direttament minn Alla, u għandu kwalitajiet simili għal dawk taʼ Missieru.