Malti
Huwa ż-Żwieġ Sempliċement Arranġament Soċjali?
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102013407/univ/art/102013407_univ_sqr_xl.jpg
g 11/13 pp. 14-15

IL-​ĦARSA TAL-​BIBBJA

Iż-Żwieġ

Iż-Żwieġ

Huwa ż-​żwieġ sempliċement arranġament soċjali?

“Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:6.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

F’għajnejn Alla, iż-​żwieġ huwa ħafna iktar minn sempliċi arranġament soċjali. Huwa għaqda sagra bejn raġel u mara. Il-​Bibbja tgħid: “Mill-​bidu tal-​ħolqien ‘[Alla] għamilhom raġel u mara. Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu, u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed’ . . . Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” aMarku 10:6-​9; Ġenesi 2:24.

Il-​kliem “dak li Alla għaqqad flimkien” ma jfissirx li ż-​żwiġijiet se jkunu perfetti. Minflok, billi turi li l-​Ħallieq tagħna hu l-​Oriġinatur tal-​arranġament taż-​żwieġ, il-​Bibbja tenfasizza s-​serjetà taʼ din l-​għaqda. Il-​koppji li għandhom din il-​ħarsa lejn iż-​żwieġ tagħhom iqisuh bħala rabta permanenti u sagra, u b’hekk isaħħu d-​determinazzjoni tagħhom sabiex iż-​żwieġ tagħhom jirnexxi. Huma jżidu iktar iċ-​ċans li jirnexxu meta jduru lejn il-​Bibbja għal gwida f’li jwettqu l-​irwoli rispettivi tagħhom bħala raġel u mara miżżewġin.

X’inhu l-​irwol tar-​raġel?

“Ir-​raġel hu l-​kap taʼ martu.”—Efesin 5:23.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Sabiex l-​affarijiet imorru tajjeb fil-​familja, xi ħadd irid jieħu l-​aħħar deċiżjoni. Il-​Bibbja tpoġġi din ir-​responsabbiltà fuq ir-​raġel. Imma dan ma jfissirx li għandu jkun xi dittatur jew bùli. Lanqas ma tippermettilu li jfarfar ir-​responsabbiltajiet tiegħu, u b’hekk idgħajjef ir-​rispett taʼ martu lejh u jgħabbiha b’responsabbiltà bla bżonn. Pjuttost, Alla jistenna minnu li jaħdem iebes sabiex jieħu ħsieb martu u biex jonoraha bħala l-​iktar ħabiba intima u fdata tiegħu. (1 Timotju 5:8; 1 Pietru 3:7) ‘L-​irġiel għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom bħal ġisimhom stess,’ jgħid Efesin 5:28.

Raġel li tassew iħobb lil martu japprezza l-​abbiltajiet u t-​talenti tagħha u jqis l-​opinjonijiet tagħha bir-​rispett, speċjalment f’affarijiet li jistgħu jeffettwaw lill-​familja. M’għandux jinsisti li tgħaddi tiegħu sempliċement għaliex hu l-​kap tal-​familja. Meta r-​raġel devot Abraham ma ħax il-​parir għaqli taʼ martu dwar kwistjoni tal-​familja, Alla Ġeħova qallu: “Ismaʼ minn kliemha.” (Ġenesi 21:9-​12) Abraham obda b’umiltà, u l-​familja tiegħu gawdiet paċi u unità, kif ukoll il-​barka t’Alla.

X’inhu l-​irwol tal-​mara?

“Nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom.”—1 Pietru 3:1.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Eżatt qabel ma ħalaq mara għall-​ewwel raġel, Alla qal: “Mhux tajjeb li r-​raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna, sieħba li taqbel għal miegħu.” (Ġenesi 2:18) Xi ħaġa li taqbel tagħmel lil xi ħaġa oħra kompluta jew tipperfezzjonaha. B’hekk, Alla ma ħalaqx lill-​mara biex tkun l-​istess bħar-​raġel jew biex tikkompeti miegħu, iżda biex tkun is-​sieħba li taqbel għal miegħu. Flimkien, setgħu jwettqu l-​inkarigu divin li ngħatalhom biex ikollhom it-​tfal u jimlew l-​art bi bnedmin bħalhom.—Ġenesi 1:28.

Biex jgħin lill-​mara twettaq l-​irwol tagħha, Alla taha l-​karatteristiki fiżiċi, mentali, u emozzjonali ideali. Meta tużahom b’għaqal u bi mħabba, hi tkun qed tagħti sehem bla qies biex iż-​żwieġ tagħha jirnexxi u tkun qed tgħin lil żewġha jħossu kuntent u sigur emozzjonalment. F’għajnejn Alla, mara eżemplari bħal din jistħoqqilha tifħir. bProverbji 31:28, 31.

a Il-​Bibbja tippermetti d-​divorzju jekk ikun hemm infedeltà sesswali biss.—Mattew 19:9.

b Il-​koppji se jsibu ħafna suġġerimenti t’għajnuna dwar iż-​żwieġ u l-​ħajja tal-​familja fis-​serje regulari fi Stenbaħ! “Għajnuna għall-​Familja.”