SUĠĠETT PRINĊIPALI

Il-Verità Dwar il-Halloween

Il-Verità Dwar il-Halloween

Il-​Halloween, jiġifieri, Lejlet il-​Qaddisin Kollha, jiġi ċelebrat fejn tgħix int? Fl-​Istati Uniti u fil-​Kanada, il-​Halloween hu magħruf sew u jiġi ċelebrat minn ħafna nies kull sena fil-​31 taʼ Ottubru. Iżda, id-​drawwiet tal-​Halloween jistgħu jinstabu f’ħafna partijiet oħrajn tal-​globu. F’xi postijiet jiġu ċelebrati festi li, għalkemm għandhom isem differenti, għandhom temi simili: kuntatt mad-​dinja tal-​ispirti li jinvolvi l-​ispirti tal-​mejtin, il-​fatati, is-​sħaħar, u saħansitra x-​xitan u l-​anġli demoniċi.—Ara l-​kaxxa  “Ċelebrazzjonijiet bħall-​Halloween Madwar id-​Dinja.”

PERSONALMENT, forsi int ma temminx fl-​ispirti sopranaturali. Forsi int sempliċement tħares lejn il-​Halloween u ċelebrazzjonijiet simili bħala mod kif tiddeverti u tgħallem lil uliedek biex jużaw l-​immaġinazzjoni tagħhom. Iżda, ħafna nies iqisu dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet bħala li huma taʼ ħsara għar-​raġunijiet li ġejjin:

  1. “Il-​Halloween,” tispjega l-​Encyclopedia of American Folklore, “hu bażikament dwar kuntatt mal-​forzi tal-​ispirti, li ħafna minnhom jheddu jew iwerwru.” (Ara l-​kaxxa  “Il-​Linja Kronoloġika tal-​Halloween.”) Bl-​istess mod, ħafna ċelebrazzjonijiet bħall-​Halloween għandhom oriġini pagana u għandhom għeruq fondi fil-​qima lill-​antenati. Saħansitra llum, in-​nies madwar id-​dinja jużaw dawn il-​jiem biex jikkuntattjaw lill-​hekk imsejħin spirti tal-​mejtin.

  2. Għalkemm il-​Halloween jitqies prinċipalment bħala festa Amerikana, kull sena nies f’iktar u iktar pajjiżi qegħdin jiċċelebrawh. Madankollu, ħafna wħud li issa bdew jiċċelebraw din il-​festa ma jafux bl-​oriġini pagana tas-​simboli, tat-​tiżjin, u tad-​drawwiet tal-​Halloween, li ħafna minnhom huma relatati maʼ ħlejjaq sopranaturali u forzi tal-​okkult.—Ara l-​kaxxa  “Minn Fejn Ġie?”

  3. Eluf taʼ segwaċi taʼ Wicca, li josservaw ritwali Ċeltiċi tal-​qedem, għadhom isejħu l-​Halloween bl-​isem antik Samhain u jikkunsidrawh bħala l-​iktar lejl sagru tas-​sena. “Il-​Kristjani ‘ma jirrealizzawx li qed jiċċelebraw magħna l-​festa tagħna. . . . U dan jogħġobna,’” qalet il-​gazzetta USA Today meta kkwotat lil mara li tgħid li hi saħħara.

  4. Ċelebrazzjonijiet bħall-​Halloween imorru kontra t-​tagħlim tal-​Bibbja. Il-​Bibbja twissi: “M’għandux jinstab fik . . . xi ħadd li jeħber, min jipprattika l-​maġija jew xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-​futur jew saħħâr, jew min jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor jew xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-​ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-​ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-​mejtin.”—Dewteronomju 18:10, 11; ara wkoll Levitiku 19:31; Galatin 5:19-​21.

Meta tqis dan li għedna, ikun għaqli għalik li tkun taf dwar l-​oriġini mill-​agħar tal-​Halloween u taʼ ċelebrazzjonijiet simili. Il-​fatt li għandek din il-​fehma iktar bis-​sħiħ jistaʼ jqanqlek biex tingħaqad maʼ oħrajn li ma jipparteċipawx f’dawn il-​festi.

“Il-​Kristjani ‘ma jirrealizzawx li qed jiċċelebraw magħna l-​festa tagħna. . . . U dan jogħġobna.’”—Il-​gazzetta USA Today, li qed tikkwota lil mara li tgħid li hi saħħara

^ par. 37 Hallow hi kelma qadima li tfisser “qaddis.” All Hallows’ Day (magħruf ukoll bħala Jum il-​Qaddisin Kollha) hu festa biex jiġu onorati l-​qaddisin mejtin. Il-​lejla taʼ qabel All Hallows’ Day kienet tissejjaħ All Hallow Even u iktar tard tqassret għal Halloween.