Malti
Kif Tikkontrolla Kemm Tonfoq
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102013206/univ/art/102013206_univ_sqr_xl.jpg
g 7/13 pp. 10-11

Kif Tikkontrolla Kemm Tonfoq

Kif Tikkontrolla Kemm Tonfoq

Minbarra l-​pressjoni li niffaċċjaw mir-​reklami, is-​sentimenti u d-​drawwiet tagħna stess jistgħu jikkontribwixxu biex nonfqu bla kontroll. Dawn li ġejjin huma sitt suġġerimenti biex jgħinuk tikkontrolla kemm tonfoq.

  1. Irreżisti t-​tentazzjoni li tixtri bla ma taħsibha. Tieħu pjaċir bl-​eċċitament li tħoss meta ssib xi ħaġa li tkun irħas? Jekk inhu hekk, għandek mnejn tixtri bla ma taħsibha. Biex tirreżisti, meta tippjana biex tixtri xi ħaġa, ieqaf u aħseb sew dwar il-​konsegwenzi fit-​tul taʼ li tixtriha u żżommha f’kundizzjoni tajba. Ieqaf u ftakar meta fil-​passat xtrajt bla ma ħsibtha u mbagħad iddispjaċiek. Ħu l-​ħin biex taħseb qabel ma tieħu d-​deċiżjoni finali.

  2. Evita li tixtri biex tbiddel il-​burdata. Ix-​xiri jistaʼ jbiddillek għal ftit burdata ħażina. Imma meta jerġgħu jaqbduk id-​dwejjaq, għandu mnejn tħoss saħansitra iktar pressjoni biex tixtri ħalli jgħaddulek. Minflok ma tixtri biex ittejjeb il-​burdata, fittex ħbieb li jappoġġawk jew agħmel xi attività fiżika bħal li tmur xi mixja.

  3. Tqisx ix-​xiri bħala rikreazzjoni. Stabbilimenti lussużi biddlu x-​xiri f’divertiment. Għalkemm għandek mnejn tmur f’xi stabbiliment jew tfittex fuq l-​Internet sempliċement għall-gost, ħafna minn dak li tara hu disinjat biex iqanqal fik ix-​xewqa li tixtri. Ixtri biss meta għandek xi ħaġa speċifika f’moħħok, u żomm mal-​pjan tiegħek.

  4. Agħżel il-​ħbieb tiegħek bil-​għaqal. L-​istil taʼ ħajja taʼ ħbiebek u dak li jitkellmu fuqu jistaʼ jinfluwenza bil-​kbir ix-​xewqat tiegħek. Jekk qed tonfoq iżżejjed biex tkun bħal ħbiebek, allura agħżel ħbieb li jpoġġu inqas enfasi fuq il-​flus u affarijiet materjali.

  5. Uża l-​kredit kards bil-​għaqal. Il-​kredit kards jagħmluhielek faċli biex tixtri mingħajr ma tagħti kas il-​konsegwenzi. Ipprova ħallas il-​bilanċ kollu fuq il-​kredit kard kull xahar. Kun af kemm huma r-​rati tal-​interessi u l-​ispejjeż tal-​kredit kard tiegħek, u qabbel l-​offerti biex issib dik li l-​iktar jaqbillek. Oqgħod attent minn kards li għandhom spejjeż ogħla u li joffru benefiċċji li m’għandekx bżonn. Minflok ma tixtri bid-​dejn, faddal għall-​affarijiet kbar u ħallas bi flus kontanti.

  6. Kun af il-​qagħda finanzjarja tiegħek. Huwa iktar faċli li tonfoq iżżejjed jekk ma tkunx ċert mill-​qagħda finanzjarja tiegħek. Żomm ir-​rekords aġġornati, u kun af kemm għandek flus b’kollox. Agħmel pjan realistiku taʼ kemm tistaʼ tonfoq kull xahar ibbażat fuq id-​dħul tiegħek u l-​ispejjeż tal-​passat. Ara fiex qed tonfoq il-​flus, u qabbel dan mal-​pjan. Staqsi ħabib li tafdah biex jgħinek tifhem il-​kwistjonijiet finanzjarji li m’intix midħla tagħhom.