Malti
Ħarsa Lejn id-Dinja—Lulju-Awwissu, 2013
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102013202/univ/art/102013202_univ_sqr_xl.jpg
g 7/13 p. 3

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-Dinja

Id-​Dinja

L-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa waslet għall-​konklużjoni li meta wieħed ikun espost għall-​egżost tal-​magni diesel “ikollu iktar ċans li jimrad bil-​kanċer tal-​pulmun” u aktarx ukoll bil-​kanċer tal-​bużżieqa tal-​awrina.

L-​Antartika

Polline u spori ffossilizzati misjubin fil-​ħama f’qiegħ il-​baħar juru li f’xi żmien, fl-​Antartika kien hemm siġar tal-​palm u foresti kważi tropikali. Ħafna jemmnu li miljuni taʼ snin ilu x-​xtiewi fl-​Antartika kienu moderati u “tistaʼ tgħid mingħajr silġ,” u li t-​temperaturi fil-​poli ma kinux wisq differenti minn dawk fl-​ekwatur.

L-​Irlanda

Rapport ippubblikat fl-​2012 mill-​Assoċjazzjoni Irlandiża taʼ Qassisin Kattoliċi jindika li skont stħarriġ li sar, 87 fil-​mija tal-​Kattoliċi f’dak il-​pajjiż jemmnu li l-​qassisin għandhom jitħallew jiżżewġu; 77 fil-​mija jemmnu li n-​nisa għandhom jitħallew isiru saċerdoti.

Il-​Pajjiżi fl-​Afrika ’l Isfel mis-​Saħara u x-​Xlokk tal-​Asja

Minn analisi fuq mediċini taʼ kontra l-​malarja nstab li f’xi nħawi l-​mediċini spiss kienu taʼ kwalità inferjuri jew ma kinux ġenwini. Dan iwassal biex il-​kura ma tkunx tajba biżżejjed jew ma tirnexxix. Fix-​Xlokk tal-​Asja, 36 fil-​mija tal-​kampjuni tad-​drogi li ġew ittestjati rriżultaw li kienu imitazzjoni, bħalma kienu 20 fil-​mija tal-​kampjuni tad-​drogi fl-​Afrika ’l isfel mis-​Saħara.

El Salvador

F’nofs April tal-​2012, l-​uffiċjali tal-​gvern ħabbru l-​ewwel ġurnata fi kważi tliet snin li fiha ma nqatel ħadd. Fl-​2011, f’dan il-​pajjiż mifni bil-​vjolenza relatata mad-​droga, kien hemm rata taʼ 69 omiċidju għal kull 100,000 ruħ—waħda mill-​agħar fid-​dinja.