GĦAJNUNA GĦALL-​FAMILJA | IL-​ĠENITURI

Kif Tikkomunika mal-Adoloxxent Tiegħek

Kif Tikkomunika mal-Adoloxxent Tiegħek

L-​ISFIDA

Meta kien tifel, kien jgħidlek kollox. Issa li sar żagħżugħ, ma jgħidlek xejn. Meta tipprova titkellem miegħu, jew bilkemm iwieġbek jew jaqbad argument jaħraq.

Tistaʼ titgħallem kif titkellem mal-​adoloxxent tiegħek. Imma, l-​ewwel ikkunsidra żewġ fatturi li jistgħu jagħmluha iktar taʼ sfida. a

GĦALA TITNAQQAS IL-​KOMUNIKAZZJONI

Ix-​xewqa għall-​indipendenza. Sabiex isir adult responsabbli, l-​adoloxxent tiegħek irid jieħu kontroll taʼ ħajtu. Qisu passiġġier f’karozza li issa jrid isir is-​sewwieq u jitgħallem kif jinnaviga t-​toroq perikolużi tal-​ħajja. Ovvjament, xi żgħażagħ iridu iktar libertà milli jmissu jkollhom; mill-​banda l-​oħra, xi ġenituri jagħtu inqas libertà milli jmisshom jagħtu. Il-​battalja li tistaʼ tirriżulta minħabba dan tistaʼ toħloq ħafna inkwiet kemm għall-​ġenituri kif ukoll għaż-​żgħażagħ. Brad, b li għandu 16-​il sena, jilmenta: “Il-​ġenituri tiegħi jipprovaw jikkontrollaw kull aspett taʼ ħajti. Jekk ma jagħtunix iktar libertà sakemm nagħlaq 18-​il sena, nitlaq mid-​dar!”

L-​abbiltà li jirraġunaw. It-​tfal żgħar normalment jaħsbu b’termini attwali, iswed u abjad, tajjeb jew ħażin, imma ħafna żgħażagħ jagħrfu li mhux dejjem ikun daqshekk faċli u ġieli jkun hemm iktar involut. Dan hu aspett importanti fir-​raġunar, u jgħin liż-​żgħażagħ jiżviluppaw raġunar f’loku. Ikkunsidra eżempju: Għal tifel, l-​idea taʼ x’inhu ġust tidher sempliċi: ‘Ommi qasmet gallettina min-​nofs u tat nofsha lili u nofsha lil ħija.’ F’dan il-​każ, dak li hu ġust jidher li mhu xejn ħlief formula tal-​matematika. Iżda, iż-​żgħażagħ jirrealizzaw li l-​idea taʼ x’inhu ġust mhix daqshekk faċli. Wara kollox, trattament ġust mhuwiex dejjem ugwali, u trattament ugwali mhuwiex dejjem ġust. L-​abbiltà li jirraġuna fuq kwistjoni se tgħin lill-​adoloxxent tiegħek jissielet biex jifhem kwistjonijiet komplikati. X’inhu l-​iżvantaġġ? Tistaʼ wkoll iġġiegħlu jissielet miegħek.

X’TISTAʼ TAGĦMEL

Meta jkun possibbli, tkellmu b’mod każwali. Ħu vantaġġ minn mumenti informali. Pereżempju, xi ġenituri sabu li ż-​żgħażagħ ikunu iktar lesti li jiftħu qalbhom huma u jagħmlu xi faċendi jew waqt li jkunu fil-​karozza, jiġifieri, meta jkunu ħdejn il-​ġenituri tagħhom minflok ma jkunu wiċċ imb wiċċ magħhom.—Prinċipju mill-​Bibbja: Dewteronomju 6:6, 7.

Iddumx tparla. M’għandekx għalfejn tibqaʼ tħaqqaqha sal-​aħħar. Minflok, għid li għandek tgħid . . . u mbagħad ieqaf. L-​adoloxxent tiegħek se jaħseb dwar dak li tkun għedt u jifhmu iktar tard, anke jekk ikun deher li ma kienx qed jagħti kas. Agħtih ċans biex jagħmel dan.—Prinċipju mill-​Bibbja: Proverbji 1:1-​4.

Agħti widen—u kun flessibbli. Agħti widen bir-​reqqa—mingħajr ma taqbiżlu fin-​nofs—ħalli tifhem bis-​sħiħ x’inhi l-​problema. Meta twieġeb, kun raġunevoli. Jekk b’mod riġidu żżomm mar-​regoli, ibnek se jkun imħajjar jipprova jsib modi kif ma jobdikx mingħajr ma jiġi kastigat. “Dan jiġri meta t-​tfal jgħixu ħajja doppja,” iwissi ktieb għall-​ġenituri (Staying Connected to Your Teenager). “Minn banda jibdew jgħarrxu widnejn il-​ġenituri b’dak li jridu jisimgħu, u mill-​banda l-​oħra jagħmlu li jridu meta ma jkunux qed jarawhom.”—Prinċipju mill-​Bibbja: Filippin 4:5.

Ibqaʼ kalm. “Meta ma naqblux fuq xi ħaġa, ommi dejjem tieħu għaliha b’kulma ngħid,” tgħid żagħżugħa jisimha Kari. “Dan inikkitni u l-​konversazzjoni malajr tinbidel f’argument.” Minflok ma tagħmilhom bi kbar, għid xi ħaġa li turi li tifhem is-​sentimenti taʼ ibnek. Pereżempju, minflok ma tgħid, “Għal daqshekk qed tinkwieta!” għid, “Nistaʼ nara kemm qed tkiddek dil-​ħaġa.”—Prinċipju mill-​Bibbja: Proverbji 10:19.

Sakemm ikun possibbli, iggwida, mhux tiddetta. L-​abbiltà taʼ ibnek biex jirraġuna hi bħal muskolu li jrid jiġi żviluppat. Għalhekk, meta jiffaċċja dilemma, minflok ma tasal għall-​konklużjoni għalih, ħallih jasal waħdu għall-​konklużjoni t-​tajba. Int u tiddiskuti l-​kwistjoni miegħu, agħtih ċans joħroġ b’xi soluzzjonijiet waħdu. Imbagħad, wara li tkunu ddiskutejtu ftit għażliet, tistaʼ tgħid: “Dawn huma ftit possibbiltajiet. Aħseb dwarhom għal ġurnata jew tnejn, u mbagħad nistgħu niltaqgħu biex nitkellmu dwar liema soluzzjoni tippreferi u għala.”—Prinċipju mill-​Bibbja: Ebrej 5:14.

a L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

b Għalkemm f’dan l-​artiklu nirreferu għall-​adoloxxent fil-​maskil, il-​prinċipji li jiġu diskussi jgħoddu għat-​tfajliet ukoll.