Ktieb li Tistaʼ Tafdah—It-3 Parti
Babilonja fl-Istorja tal-Bibbja
Dan hu t-tielet artiklu minn sensiela taʼ sebaʼ artikli wara xulxin fil-ħarġa taʼ “Stenbaħ!” li jiddiskutu s-sebaʼ qawwiet dinjin fl-istorja tal-Bibbja. L-objettiv hu biex jintwera li l-Bibbja hi taʼ min jafdaha u hi ispirata minn Alla u li l-messaġġ tagħha hu wieħed taʼ tama li se tintemm it-tbatija kaġunata mill-ħakma ħarxa taʼ bniedem fuq ieħor.
BABILONJA kienet belt tal-qedem tassew meraviljuża li kienet tinsab f’art għammiela madwar 80 kilometru lejn in-Nofsinhar taʼ dik li llum hi Bagdad. Peress li kienet imdawra bi swar kbar u doppji u b’foss, Babilonja kienet tidher bħallikieku ħadd ma jistaʼ għaliha. Il-belt kienet magħrufa għat-tempji maestużi, għall-ġonna mdendlin, u għat-tempji forma taʼ torri. Minħabba li kienet waħda mill-aqwa bliet tal-qedem, Babilonja reċentement ġiet imsejħa l-belt tal-meravilji.
Fil-Bibbja, Babilonja ngħatat l-isem taʼ “Sinjura tas-Saltniet” u kienet il-belt kapitali tat-tielet qawwa dinjija fl-istorja tal-Bibbja. (Isaija 47:5) L-Imperu Babiloniż, bħall-Imperu Eġizzjan u l-Imperu Assirjan li ġew qablu, kellu rwol prominenti fl-istorja tal-Bibbja, u dan jippermettilna nqabblu dak li tgħid il-Bibbja dwaru maʼ dak li jgħidu s-sorsi sekulari.
Storja taʼ Min Jafdaha
Il-ktieb Bibliku taʼ Danjel jgħidilna li raġel bl-isem taʼ Belsassar darba kien jaħkem bħala sultan f’Babilonja. (Danjel 5:1) Madankollu, xi sorsi sekulari fil-passat stqarrew li Belsassar, għalkemm kien setgħan, qatt ma kien sultan. Jiġifieri l-Bibbja kienet żbaljata? Xi arkeoloġi skoprew għadd taʼ ċilindri tal-fuħħar fil-fdalijiet taʼ Ur fil-Mesopotamja. L-iskrizzjoni kunejformi fuq wieħed miċ-ċilindri kienet tinkludi talba mis-sultan Babiloniż Nabonidu għal “Bel-sar-ussur, ibni l-kbir.” Xi sejbiet li saru iktar tard ikkonfermaw li Belsassar kien “qeda bħala reġġent għal iktar minn nofs ir-renju taʼ missieru,” jgħid in-New Bible Dictionary, li “matulu l-pożizzjoni tiegħu kienet ekwivalenti għal dik taʼ sultan.”
L-istorja turi wkoll li Babilonja tal-qedem kienet belt reliġjuża ferm u li fiha l-astroloġija u t-teħbir kienu komuni ħafna. Pereżempju, f’Eżekjel 21:21 naqraw li s-sultan taʼ Babilonja dar għat-teħbir sabiex jara jekk kellux jattakka lil Ġerusalemm jew le. Il-Bibbja tgħid li s-sultan “fittex fil-fwied.” Għala l-fwied? Il-Babiloniżi kienu jużaw dan l-organu biex ifittxu jew jiksbu sinjali. Il-ktieb Mesopotamian Astrology jgħidilna li f’sit arkeoloġiku wieħed biss f’Babilonja tal-qedem, l-arkeoloġi sabu “32 mudell tal-fwied [tal-fuħħar] li kull wieħed kellu minqux” it-tbassir.
L-arkeologu magħruf Nelson Glueck darba qal: “Skavajt għal tletin sena sħaħ bil-Bibbja f’id waħda u b’kazzola fl-id l-oħra, u fejn tidħol l-istorja qatt ma sibt li l-Bibbja kellha żball.”
Profezija taʼ Min Jafdaha
Kieku int kif twieġeb jekk xi ħadd jgħidlek li belt kbira—bħalma hi Beijing, Moska, jew Washington, D.C.—se tispiċċa ħerba u diżabitata? Tkun xettiku u bir-raġun. Madankollu, proprju hekk ġralha Babilonja tal-qedem. Xi 200 sena qabel, madwar is-sena 732 Q.E.K., Alla Ġeħova nebbaħ lill-profeta Ebrew Isaija biex iniżżel bil-miktub profezija dwar il-waqgħa taʼ Babilonja l-kbira. Hu kiteb: “Babilonja, id-dekorazzjoni tas-saltniet, . . . trid issir bħal meta Alla għeleb lil Sodoma u Gomorra. Qatt ma se tkun abitata, u minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni ma jkunx hemm iktar post għaliha.”—Isaija 13:19, 20.
Imma Alla għala bassar il-qerda taʼ Babilonja? Fis-sena 607 Q.E.K., l-armati Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm u ħadu lil dawk l-uħud li baqgħu ħajjin lejn Babilonja, fejn ġew trattati bi krudeltà. (Salm 137:8, 9) Alla bassar li l-poplu tiegħu kellu jissaporti dan it-trattament aħrax għal 70 sena minħabba l-għemejjel mill-agħar tagħhom stess. Imbagħad, Alla kellu jeħlishom u jħallihom imorru lura lejn art twelidhom.—Ġeremija 25:11; 29:10.
Ġara eżatt bħalma bassret il-Kelma profetika t’Alla: Fis-sena 539 Q.E.K.—hekk kif Isaija 46:9, 10.
l-eżilju taʼ 70 sena taʼ Ġuda kien wasal biex jintemm—Babilonja, li kienet tidher li hi belt invinċibbli, ġiet megħluba mill-armati Medo-Persjani. Maż-żmien, il-belt spiċċat ħerba, eżatt bħalma ġie mbassar. L-ebda bniedem ma setaʼ jbassar rebħa daqshekk kbira. Bla dubju, l-ipprofetizzar, jew it-tbassir bil-quddiem taʼ ġrajjiet, jagħmel lill-Awtur tal-Bibbja, l-Alla l-veru Ġeħova, differenti minn kwalunkwe alla ieħor.—Tama li Tistaʼ Tafdaha
Jerġaʼ profezija oħra qed ikollha twettiq notevoli fi żmienna. Il-profezija tinvolvi lis-Sultan Nebukadnessar taʼ Babilonja u ħolma li kellu dwar xbieha enormi. Il-ġisem tax-xbieha kien maqsum f’ħames partijiet—ir-ras, is-sider u d-dirgħajn, iż-żaqq u l-koxxtejn, ir-riġlejn, u s-saqajn—kull parti magħmula minn metall differenti. (Danjel 2:31-33) Dawn il-partijiet tal-metall kienu jirrappreżentaw sensiela taʼ gvernijiet, jew saltniet, li bdew b’Babilonja u komplew sejrin sal-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana, is-sebaʼ waħda fl-istorja tal-Bibbja.—Danjel 2:36-41.
Danjel jirrivela li fis-saqajn u fis-swabaʼ tax-xbieha kien hemm bidla notevoli fil-materjali. Kif? Taħlita taʼ ħadid u tafal niedi ħadet post il-metall pur. Danjel spjega u qal lil Nebukadnessar: “Bħalma int rajt il-ħadid imħallat Danjel 2:43) Tabilħaqq, it-taħlita taʼ ħadid u tafal hija taħlita fraġli għax dawn “ma jingħaqdux flimkien.” Kemm jiddeskriviha b’mod eżatt lil din id-dinja maqsuma politikament li qed ngħixu fiha llum!
mat-tafal niedi, hekk dawn għad jitħalltu maʼ wlied il-bnedmin; imma ma jingħaqdux flimkien, wieħed maʼ l-ieħor, sewwasew bħalma l-ħadid ma jitħallatx mat-tafal maħdum.” (Danjel jirrivela wkoll żvilupp sinifikanti ieħor. Fil-ħolma tiegħu, is-Sultan Nebukadnessar ra ġebla tinqataʼ minn muntanja kbira. Din il-ġebla tgħolliet ’il fuq u “laqtet ix-xbieha fuq saqajha tal-ħadid u tat-tafal maħdum u farrkithom.” (Danjel 2:34) Dan xi jfisser? Danjel innifsu jwieġeb: “Fi żmien dawn is-slaten [matul iż-żmien tal-aħħar qawwa dinjija], l-Alla tas-sema jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered. U din is-saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor. Hi se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) Din il-profezija tat stampa bil-quddiem taʼ Saltna li hi differenti minn kwalunkwe gvern ieħor magħruf mill-bnedmin. Is-Sultan tagħha huwa Ġesù Kristu, il-Messija. Bħalma ssemma fl-artikli taʼ qabel taʼ din is-sensiela, Ġesù se jisħaq lix-Xitan u lis-segwaċi kollha tiegħu, kemm dawk umani u kemm dawk spirti, u b’hekk iġib paċi u armonija mad-dinja kollha.—1 Korintin 15:25.
[Kumment f’paġna 11]
“Skavajt għal tletin sena sħaħ . . . , u fejn tidħol l-istorja qatt ma sibt li l-Bibbja kellha żball.”—Nelson Glueck
[Kaxxa f’paġna 12]
IMBASSAR BL-ISEM
Waħda mill-iktar profeziji notevoli rigward il-waqgħa taʼ Babilonja kienet tinvolvi lill-konkwistatur tagħha, is-Sultan Ċiru tal-Persja. Kważi mitejn sena qabel ma Ċiru ħa l-poter, Alla Ġeħova semmieh b’ismu u bassar li hu kellu jkun il-wieħed li jegħleb lil Babilonja.
Biex jagħti stampa bil-quddiem tar-rebħa taʼ Ċiru, Isaija ġie mnebbaħ biex jikteb: “Hekk qal Ġeħova lill-midluk tiegħu, lil Ċiru, li qbadtlu idu l-leminija, biex irrażżan il-ġnus quddiemu, . . . biex niftaħ quddiemu l-bibien li jintlewew fi tnejn, sabiex lanqas il-bibien tal-belt ma jingħalqu.” Alla bassar ukoll li x-Xmara Ewfrat kellha bħallikieku tinxef.—Isaija 45:1-3; Ġeremija 50:38.
L-istorjografi Griegi Erodotu u Senofonti jikkonfermaw it-twettiq taʼ din il-profezija tal-għaġeb. Dawn jirrivelaw li Ċiru dawwar id-direzzjoni tax-Xmara Ewfrat u ġiegħel l-ilma jerġaʼ lura. B’hekk, l-armati taʼ Ċiru kellhom aċċess għall-belt mill-bibien tagħha li tħallew miftuħin. Bħalma ġie mbassar, Babilonja l-kbira waqgħet “f’daqqa waħda,” f’lejl wieħed.—Ġeremija 51:8.
[Kaxxa/Stampi f’paġni 12, 13]
BABILONJA L-KBIRA
Il-ktieb Bibliku tar-Rivelazzjoni jsemmi prostituta simbolika li jisimha “Babilonja l-Kbira.” (Rivelazzjoni 17:5) X’tirrappreżenta din il-prostituta? L-evidenza turi li din hija entità reliġjuża.
Babilonja tal-qedem kienet belt reliġjuża ferm għax kien fiha iktar minn 50 tempju dedikati lil diversi allat. Il-Babiloniżi kienu jemmnu fit-trinitajiet tal-allat u jemmnu li fil-mewt, ir-ruħ immortali tinżel f’dinja mudlama tal-mejtin. Enċiklopedija tgħid li f’dan il-post, l-eżistenza umana wara l-mewt hija saħansitra agħar min-niket u mill-miżerja tal-ħajja fuq l-art.—Funk & Wagnalls New Encyclopedia.
Maż-żmien, dan it-tagħlim infirex mad-dinja kollha. Illum, dan it-tagħlim jew verżjonijiet modifikati tiegħu jistgħu jinsabu fir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu. Flimkien, dawn ir-reliġjonijiet jagħmlu parti kbira mill-entità reliġjuża globali taʼ Babilonja l-Kbira!
[Stampi]
Il-Babiloniżi kienu jqimu allat taʼ trinità. Is-simboli taʼ waħda minn dawn it-trinitajiet—Sin, Shamash, u Ixtar—jidhru mmarkati hawn
[Sors]
Iż-żewġ stampi: Photograph taken by courtesy of the British Museum
[Stampa f’paġna 10]
Tpinġija t’artist tal-belt tal-qedem taʼ Babilonja
[Stampa f’paġna 11]
Ċilindru tat-tafal li fih hemm l-isem Belsassar
[Sors]
Photograph taken by courtesy of the British Museum
[Sorsi tal-Istampa f’paġna 10]
Linja kronoloġika: Tpinġija Eġizzjana fuq il-ħajt u bust taʼ Neruni: Photograph taken by courtesy of the British Museum; tpinġija Persjana mal-ħajt: Musée du Louvre, Paris