Malti
Il-Ġmiel taʼ Daħla fil-Baħar
/assets/ct/a63ae92c98/images/syn_placeholder_sqr.png
g 7/08 pp. 24-25

Il-Ġmiel taʼ Daħla fil-Baħar

Il-Ġmiel taʼ Daħla fil-Baħar

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​MESSIKU

BEJN il-​Messiku u l-​peniżola Baja California hemm il-​golf turkważ-blu taʼ Kalifornja (indikat hawn taħt), oriġinalment magħruf bħala l-​Baħar taʼ Cortés. Il-​parti l-​kbira minn dan ir-​reġjun li jikkonsisti f’xatt li hu deżert bi gżejjer mimlijin blat ġiet dikjarata bħala post taʼ Wirt Dinji mill-​Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika, u Kulturali tal-​Ġnus Magħquda. Għala huma daqshekk speċjali dawn l-​inħawi?

Il-Golf taʼ Kalifornja, li hu twil iktar minn 1,000 kilometru u wiesaʼ bejn wieħed u ieħor 153 kilometru, kif ukoll l-​art taʼ madwaru, hu kemm sabiħ kif ukoll mimli ħajja. Ukoll, il-​golf fih waħda mill-​akbar ħalel tal-​marea fil-​pjaneta, sa 9 metri fit-​tarf tat-​tramuntana. Minħabba li jara ħafna xemx u li l-​ilmijiet tiegħu huma mimlijin sustanzi, dan il-​golf fih qtajjaʼ taʼ plankton u varjetà straordinarja taʼ ħlejjaq. Dawn il-​fatturi u l-​ilmijiet ċari f’parti kbira mir-​reġjun qanqlu lil Jacques-Yves Cousteau, esploratur taʼ l-​oċeani, biex isejjaħ il-​golf “l-​akkwarju tad-​dinja.”

Minħabba li fih iktar minn 890 speċi taʼ ħut, li xi 90 minnhom jinsabu f’dan ir-​reġjun biss, il-​golf huwa laboratorju naturali għall-​istudju tal-​ħajja fil-​baħar. Però, b’sogħba, ħafna speċi qed jonqsu, inkluż il-​foċena rari li tissejjaħ vaquita, li hija l-​kelma Spanjola għal “baqra żgħira.”

Bħala l-​iżgħar membru tal-​familja tal-​foċena, il-​vaquita tikber sa 150 ċentimetru fit-​tul. Il-​kulur tal-​ġilda tagħha jvarja minn griż ċar sa kannella samrani, u għandha tbajjaʼ suwed madwar għajnejha. Dan l-​annimal żgħir u grixti ssibu fejn l-​ilmijiet baxxi u mċajprin tal-​golf jiltaqgħu max-​Xmara Kolorado, imma rari tarah u ma tantx nafu dwar l-​imġiba tiegħu. Fil-​fatt, kien biss fl-​1958 li ġie skopert, meta nstabu tlett irjus fuq ramla tal-​Baja California.

Minħabba li jeżistu biss ftit mijiet minnha, il-​vaquita hija mniżżla bħala speċi li tinsab f’periklu kbir. Minkejja dan, eluf minnha jegħrqu kull sena minħabba li jinqabdu fix-​xbieki li jitfgħu s-​sajjieda lokali. Peress li jrid jiżgura li dan il-​mammal rari jibqaʼ jgħix, il-​Messiku ħoloq riserva naturali li tinkludi parti mill-​abitat tal-​vaquita. Ir-​residenti l-​oħrajn tal-​golf u dawk li jgħaddu minn hemmhekk meta jkunu qed jemigraw jinkludu l-​balieni, ir-​rajja kbira ħafna, il-​frieken suwed, il-​bumerin il-​kbir, il-​marlin, is-​sailfish, u qtajjaʼ kbar ħafna taʼ tonn.

Fil-parti tan-​nofsinhar tal-​golf, fil-​fond, ix-​xjenzati sabu ħolqien mhux tas-​soltu li ftit nies qatt rawh. Ir-​raġuni hi li dawn l-​organiżmi jgħixu fit-​trunċiera tal-​Guaymas, li hija fonda xi 2,000 metru. L-​abbiss fih fetħiet li minnhom jitlaʼ l-​misħun u li jgħajjex komunitajiet taʼ kreaturi li jiksbu l-​enerġija tagħhom mis-​sulfid idroġenu minflok mid-​dawl tax-​xemx. Ħlejqa waħda li tgħix f’dawn il-​fetħiet hija d-​dudu forma taʼ tubu, li la għandu ħalq u lanqas musrana, għandu rix aħmar skur u jgħix fi gruppi. Dan id-​dudu joqgħod wieqaf dritt b’tarf minnhom imiss mal-​qiegħ taʼ l-​oċean, u jixxejjer qisu stikka kemm fl-​ilma kiesaħ taʼ l-​oċean u kemm fil-​fetħa tal-​kurrent sħun. Kull dudu fih batterji li jgħinuh jibqaʼ ħaj għaliex bihom imantni lilu nnifsu. Ir-​rix aħmar skur tad-​dudu huwa l-​organu li jieħu n-​nifs bih.

Għalkemm id-​diversità bijoloġika tal-​golf tinsab fil-​periklu, il-​futur tiegħu jidher pożittiv. Dan għala? Għaliex il-​Ħallieq jimpurtah. Fil-​fatt, Hu tant jimpurtah mill-​art kollha li dalwaqt se jintervieni biex jipproteġiha milli jsirilha iktar ħsara u wara dan se jġeddidha skond l-​iskop oriġinali tiegħu. (Ġenesi 1:26-28; Rivelazzjoni 11:18) Lanqas biss nistgħu nimmaġinaw kemm se jkun sabiħ il-​Golf taʼ Kalifornja dak iż-​żmien! Tabilħaqq, il-​kelma “ġmiel” bilkemm se tispjegah biżżejjed.

[Stampa f’paġna 25]

Il-​baliena rorkwâl

[Stampa f’paġna 25]

Dud forma taʼ tubu

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 24]

Dehra mis-​satellita: NASA/The Visible Earth (http://visibleearth.nasa.gov/); sikka: © Dirscherl Reinhard/age fotostock

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 25]

Bajja: Mexico Tourism Board; baliena: © Mark Jones/age fotostock; dud forma taʼ tubu: © Woods Hole Oceanographic Institution