Malti
Frotta Lewn id-Deheb b’Passat Interessanti
/assets/ct/7e6416ec85/images/syn_placeholder_sqr.png
g03 3/8 pp. 24-27

Frotta Lewn id-Deheb b’Passat Interessanti

Frotta Lewn id-Deheb b’Passat Interessanti

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​FIĠI

NINSABU fis-​sena 1789. Id-​dgħajsa bla gverta twila 7 metri bilkemm tidher f’nofs l-​oċean vast u tinsab mgħobbija bl-​irġiel. Il-​passiġġieri ma baqgħalhomx saħħa bil-​ġuħ li għandhom u minħabba li ilhom ġranet sħaħ ibattlu l-​ilma mid-​dgħajsa u jikkumbattu mal-​mewġ f’baħar li jrid jiblaʼ l-​art u maʼ l-​irwiefen qawwija. Quddiemhom hemm medda taʼ iktar minn 5,000 kilometru taʼ oċean mhux magħruf, b’sikek tal-​qroll perikolużi mxerrdin ’l hemm u ’l hawn. Il-​provvisti taʼ l-​ikel huma miżeri—kull raġel jistaʼ jiekol biss tletin gramma ħobż (galletti t’abbord) kuljum u ftit ilma. Dawn l-​irġiel ma tantx jidhru li se jsalvaw.

F’temp taʼ ftit iktar minn ġimgħa kienu sfaw vittmi tal-​baħrin li rvellaw fuq il-​bastiment u tefgħuhom fuq dgħajsa f’nofs taʼ baħar mitluqin mal-​kurrent, kif ukoll kienu raw wieħed minnhom jinqatel waqt attakk mill-​indiġeni. Kienu wkoll iffaċċjaw maltempati qawwija bir-​ragħad u darba minnhom għal naqra ma laħquhomx l-​indiġeni li ġew għal warajhom bil-​kenuri mill-​gżejjer li dakinhar kienu magħrufin bħala l-​Gżejjer Kannibali.

X’kien li ġab lil dawn l-​irġiel lejn din il-​parti mwarrba u perikoluża fin-​nofsinhar tal-​Paċifiku, tant ’il bogħod minn djarhom fl-​Ingilterra, art bi msaġar tal-​frott u ġonna l-​ġmiel tagħhom? L-​għan tal-​vjaġġ tagħhom kien jinvolvi s-​siġra straordinarja tal-​ħobż. Ħalli nispjegaw kif din is-​siġra sabiħa u l-​frott sustanzjuż tagħha kellhom irwol importanti f’din l-​istorja u fi vjaġġi taʼ skoperti erojċi u iktar bikrin.

Għandek mnejn indunajt min huma l-​irġiel fid-​dgħajsa fir-​rakkont t’hawn fuq. Dawn kienu dawk li salvaw mill-​irvell infami fuq il-​Bounty. Dan il-​bastiment navali Ingliż taʼ 215-il tunnellata, taħt il-​kmand tal-​Kaptan William Bligh, kien salpa mill-​Ingilterra lejn Taħiti. Mal-​wasla tiegħu, Bligh kellu jgħabbi grupp taʼ “passiġġieri” tassew mhux tas-​soltu—madwar 1,000 xitla tas-​siġar tal-​ħobż. Dawn il-​pjanti fil-​qsari kellhom il-​potenzjal li jifdu l-​ispejjeż tal-​vjaġġ billi jipproduċu frott dehbi u sustanzjuż wara li jkunu tħawlu u qabdu sew fil-​kolonji Britanniċi tal-​Karibew.

Dan il-​proġett kien ngħata bidu fuq il-​parir li Sir Joseph Banks kien ta lill-​gvern Ingliż. Dakinhar, il-​gvern kien jinsab magħfus biex isib sors ġdid taʼ ikel għall-​ilsiera li kienu jaħdmu fl-​għelieqi tal-​kannamieli. Banks, li dak iż-​żmien xogħlu kien li joffri l-​pariri tiegħu fil-​Ġonna Botaniċi taʼ Kew, qrib Londra, fl-​Ingilterra, kien diġà baħħar bħala botaniku mal-​Kaptan James Cook fuq il-​vjaġġ taʼ skoperti li kien għamel xi żmien qabel fil-​Paċifiku. a Kemm hu u kemm Cook kienu raw potenzjal kbir f’din is-​siġra tal-​ħobż.

Għalkemm ma kienx se jbaħħar personalment maʼ Bligh, Banks ħejja pjanijiet għall-​kura tal-​pjanti waqt il-​vjaġġ twil tagħhom bil-​baħar, u ħa ħsieb b’mod partikulari li dawn il-​pjanti jissaqqew b’ilma frisk li tant kellhom bżonn. Xi kittieba jemmnu li din l-​attenzjoni kollha u l-​ilma li ngħataw lill-​pjanti—minflok lill-​ekwipaġġ—setaʼ wassal lill-​baħrin, li diġà kienu mdejqin, biex jirvellaw. Kmieni fil-​għodu nhar it-​28 t’April, 1789, qrib il-​kosta taʼ Tonga, Bligh u 18-il raġel leali lejh ġew mhedda bix-​xwabel biex jinżlu mill-​bastiment u tħallew waħedhom fuq dgħajsa f’nofs taʼ baħar mitluqa mal-​kurrent. Il-​baħrin xewwiexa kollhom kuntenti x’aktarx li tefgħu l-​baħar ix-​xitel tas-​siġar tal-​ħobż u dawn għosfru hemmhekk.

Madankollu, Bligh ma kienx bniedem li jaqtaʼ qalbu malajr. Hu imbarka fuq dak li ssejjaħ “l-​iktar vjaġġ famuż fuq dgħajsa bla gverta li sar fl-​istorja tal-​baħar.” Matul sebaʼ ġimgħat taʼ qtigħ il-​qalb, hu baħħar b’din id-​dgħajsa żgħira iktar minn 5,800 kilometru lejn il-​majjistral minn bejn il-​gżejjer li llum nafuhom bħala l-​Fiġi, tul il-​kosta tal-​lvant taʼ l-​Olanda l-​Ġdida (l-Awstralja), sakemm sab is-​sigurtà fuq il-​gżira taʼ Timor.

Meta rritorna l-​Ingilterra, Bligh ngħata l-​kmand taʼ żewġ bastimenti oħra, u reġaʼ mar bihom Taħiti biex iġib is-​siġar tal-​ħobż. Din id-​darba, fis-​sena 1792, hu rnexxielu jġorr b’suċċess mas-​700 “passiġġier” fil-​qsari sal-​gżejjer taʼ San Vinċenz u l-​Ġamajka fl-​Indji tal-​Punent. Sal-​ġurnata taʼ llum, f’dawn il-​postijiet għadhom jeżistu s-​siġar tal-​ħobż u dawn jipproduċu bħal speċi taʼ frott tad-​deheb taħt il-​weraq ħadrani u sabiħ.

Filwaqt li l-​vjaġġ taʼ Bligh żgur li hu rakkont erojku taʼ ħelsien minn ħalq il-​mewt u taʼ skoperti, l-​istorja tas-​siġra tal-​ħobż tmur lura ħafna iktar minn hekk. Li kieku s-​siġra setgħet titkellem, kemm kien ikollha stejjer x’tirrakkonta dwar eluf taʼ snin ilu meta kienet tbaħħar flimkien mal-​baħrin tal-​qedem fuq vjaġġi kbar taʼ skoperti!

Il-​Vjaġġi Bikrin tas-​Siġra tal-​Ħobż

L-​arkeoloġi jemmnu li għadd kbir t’emigrazzjonijiet seħħew fil-​punent tal-​Paċifiku, u l-​iktar wieħed reċenti minnhom beda madwar is-​sena 1500 Q.E.K. b In-​nies magħrufin bħala Lapita telqu mix-​xlokk taʼ l-​Asja billi użaw kenuri b’qiegħ doppju biex jemigraw lejn pajjiżi li llum nafuhom bħala l-​Indoneżja, il-​Ginea l-​Ġdida, il-​Kaledonja l-​Ġdida, il-​Vanwatu, u l-​Fiġi, u saħansitra iktar ’il bogħod lejn nofs il-​Paċifiku. Dawn il-​vjaġġi kienu jinvolvu tbaħħir taʼ ħila li ma bħalha, meta tqis li f’xi vjaġġi bejn gżira u oħra kellhom ibaħħru mijiet taʼ kilometri f’baħar miftuħ.

Il-kenuri b’qiegħ doppju użati min-​nies Lapita kienu tajbin biex ibaħħru bihom fl-​oċeani u minbarra hekk setgħu jġorru numru kbir taʼ nies flimkien m’annimali domestiċi, provvisti taʼ ikel, u varjetà taʼ żrieragħ, xtieli u pjanti fil-​qsari. Hekk kif dawn in-​nies infirxu mal-​Paċifiku, huma skoprew u bdew jgħixu fuq il-​gżejjer taʼ Melanesja, Polinesja, u Mikronesja lejn it-​tramuntana u fi New Zealand lejn in-​nofsinhar. Huma nfirxu bħal mewġa u eventwalment waslu sal-​gżira t’Easter u l-​Ħawajj. c Kulfejn kienu jmorru, fost l-​iktar “passiġġieri” distinti kien ikun hemm is-​siġra b’saħħitha tal-​ħobż.

Ikel Versatili u Sustanzjuż

Illum fil-​Fiġi, bħal f’ħafna partijiet oħra tad-​dinja, is-​siġra tal-​ħobż hija taʼ valur kbir bħala ikel sustanzjuż li ma tantx jiswa flus. Ċerti varjetajiet tas-​siġra huma b’saħħithom u għammiela ħafna, u xi drabi jagħmlu l-​frott sa tliet darbiet fis-​sena u jibqgħu sejrin hekk għal madwar 50 sena, anki meta l-​kundizzjonijiet tat-​temp ma jkunux ideali. Il-​qalba tal-​frotta tixbah ħafna lill-​ħobż, u hemm ħafna varjetajiet b’togħmiet differenti. Ħafna jgħidu li t-​togħma tal-​frotta tixbah ftit lil dik tal-​ħobż u l-​patata. Din tistaʼ titgħalla, tissajjar fuq il-​fwar, fil-​forn, jew tinqela, u tittiekel ħafna bħala deżerta. Hemm min inixxifha u jitħanha bħal dqiq biex tintuża fit-​tisjir, u meta jneħħulha l-​qalba kollha u jħalluha tiffermenta, tibqaʼ tajba biex tittiekel għal ħafna snin.

Il-weraq jistaʼ jintuża biex ikebbu ikel bħal ħut jew tiġieġ ħalli jibqaʼ tari u bit-​togħma waqt is-​sajran. Iż-​żerriegħa mqaxxra wkoll tistaʼ tittiekel u għandha togħma taʼ lewż. Kultant it-​tfal jiġbru l-​likwidu li joħroġ mis-​siġra u joqogħdu jomogħduh bħaċ-​chewing gum. Kemm għandha x’toffri din is-​siġra! Mhux taʼ b’xejn li xi nies li jgħixu fuq il-​gżejjer Paċifiċi tant togħġobhom din is-​siġra tal-​ħobż!

Ledua, li tgħix fil-​Fiġi, tgħidilna li malli tismaʼ lil xi ħadd isemmi s-​siġra tal-​ħobż jiġuha ħafna memorji taʼ tfulitha, kemm sbieħ u kemm koroh. Il-​familja tagħha kellha ħames siġriet kbar tal-​ħobż. Xogħol Ledua kien li tiġbor il-​weraq li jaqaʼ fil-​bitħa, xi ħaġa li tant kienet tobgħod tagħmilha. Mill-​banda l-​oħra, ħafna drabi wara l-​iskola, hi u ħutha kienu jaqtgħu l-​frott u jbigħu kemm jistgħu minnu minn bieb għal bieb. Imbagħad il-​ġenituri tagħhom kienu jużaw il-​flus li jdaħħlu biex jixtru affarijiet li kien ikollhom bżonn sabiex jattendu l-​assembleat Kristjani, bħal ikel, biljetti għall-​karozza tal-​linja, jew żraben ġodda.

Forsi int tgħix f’wieħed mill-​ħafna postijiet fid-​dinja fejn tikber din il-​frotta li tant ivvjaġġat bl-​isem impressjonanti t’Artocarpus altilis. Għandu mnejn li qabel ma kontx tqis dan il-​ħolqien meraviljuż bħala teżor jew saħansitra xi ħaġa sabiħa jew taʼ valur. Madankollu, ħafna li jgħixu fil-​Paċifiku jsibu li l-​isem siġra tal-​ħobż ifakkarhom fi bravuri kbar li seħħew fuq il-​baħar u fi vjaġġi taʼ skoperti, fin-​nies Lapita, u fil-​Kaptan Bligh.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu bl-​isem taʼ “Kew Gardens—Transplant Center for the World” (Il-Ġonna taʼ Kew—Ċentru taʼ Trapjanti għad-​Dinja), li deher fl-​Awake! tat-​8 taʼ Jannar, 1989.

b M’għandniex xi ngħidu, din id-​data hija bbażata fuq l-​arkeoloġija biss u mhux fuq il-​kronoloġija tal-​Bibbja.

c Xi studjużi taʼ l-​istorja jemmnu li ftit minn dawn in-​nies li fil-​qedem ivvjaġġaw mill-​Paċifiku saħansitra waslu sal-​kosta Peruvjana fl-​Amerika t’Isfel u fil-​vjaġġ lura ħadu magħhom il-​patata ħelwa mill-​Amerika t’Isfel lejn il-​Paċifiku. Jekk dan huwa minnu, allura l-​patata ħelwa vvjaġġat minn gżira għal oħra bil-​kontra tas-​siġra tal-​ħobż, u eventwalment din waslet fix-​xlokk taʼ l-​Asja, minfejn oriġinat is-​siġra tal-​ħobż.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 25]

Siġra li Għandha Ħafna X’Toffri

Siġra tal-​ħobż matura hija siġra spettakolari li tħaddar is-​sena kollha. Din oriġinat fil-​foresti tal-​Malasja. Bħala membru tar-​razza Moraceae, tixbah ħafna lis-​siġar tat-​tin u taċ-​ċawsli. Meta timmatura, tistaʼ tikber sa 12-il metru, u minnha joħorġu ħafna rimjiet ġodda li jistgħu jinqatgħu u jitħawlu. Is-​siġra tal-​ħobż tipproduċi fjuri rġiel u fjuri nisa f’għenieqed separati. Dawn il-​fjuri, li fl-​abitat naturali tagħhom jiddependu minn friefet il-​lejl żgħar li jieklu l-​frott biex jiddakkru u jxerrdu ż-​żrieragħ tagħhom, jiżviluppaw fi frott kbir tond jew ovali, madwar id-​daqs taʼ bettieħa żgħira, aħdar minn barra u minn ġewwa jvarja minn abjad safrani sa isfar dehbi.

Is-​siġra tal-​ħobż tipproduċi wkoll weraq ileqq u kbir ħafna taʼ kulur aħdar skur, li jipprovdi d-​dell tant mixtieq mix-​xemx tropikali taħraq. L-​injam artab u ħafif tagħha jintuża għall-​għamara u l-​kenuri, filwaqt li l-​qoxra taʼ ġewwa taz-​zokk kultant tintuża biex jinħadem tip taʼ drapp magħruf fil-​Paċifiku bħala tapa. Il-​ħalib tas-​siġra jintuża bħala materjal biex ma jinfidx l-​ilma, u f’xi postijiet din il-​gomma ġieli ntużat bħala ġibs għal xi ksur fl-​għadam u anki bħala kolla biex jinqabdu l-​għasafar.

[Stampa f’paġna 24]

Pittura taʼ Robert Dodd li turi x-​xena taʼ l-​irvell fuq il-​“Bounty”

[Sors]

National Library of Australia, Canberra, Australia/Bridgeman Art Library

[Stampi f’paġna 26]

Il-​frott tas-​siġra tal-​ħobż jistaʼ jitħejja f’ħafna modi differenti