Malti
Ħarsa Lejn id-Dinja
/assets/ct/a63ae92c98/images/syn_placeholder_sqr.png
g02 6/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-Dinja

Insalvaw il-​Ħajja tat-​Trabi tat-​Twelid

Kull sena, erbaʼ miljun tarbija jmutu fl-​ewwel xahar taʼ ħajjithom. Dawn l-​imwiet fit-​trabi tat-​twelid “jammontaw għal iktar minn 40 fil-​mija taʼ l-​imwiet fost it-​tfal taʼ taħt il-​ħames snin,” tirrapporta r-​rivista Ġermaniża Bild der Wissenschaft. X’jistaʼ jsir biex jiġu salvati l-​ħajjiet taʼ dawn it-​trabi tat-​twelid? Fl-​istudju “L-​Istat tat-​Trabi tat-​Twelid fid-​Dinja” ġew suġġeriti xi metodi li ma jiswewx flus, u fosthom kien hemm affarijiet sempliċi bħal li t-​trabi jinżammu sħan u jingħataw il-​ħalib taʼ l-​omm eżatt kif jitwieldu, għax dan isaħħilhom l-​immunità kontra l-​mard. L-​imwiet jistgħu jiġu evitati wkoll billi tiġi mtejba s-​saħħa tan-​nisa tqal, għax ħafna minnhom ikunu jaħdmu żżejjed u ma jiklux tajjeb kif suppost, kif ukoll ma jkunux għadhom irkupraw għalkollox mill-​ħlas taʼ qabel. “Fil-​pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn iseħħu 98 fil-​mija taʼ l-​imwiet fost it-​trabi tat-​twelid,” xi nies tal-​lokal jistgħu jingħataw taħriġ kif iwelldu lit-​tfal. “Ix-​xogħol primarju taʼ dawn ikun li jipprovdu istruzzjonijiet lin-​nisa tqal, jieħdu ħsieb li jkun hemm iġjene xierqa, u jagħtu t-​tilqim,” jgħid l-​istudju.

Il-​Fanali tal-​Port Qed Jonqsu

“L-​istess bħalma l-​bozza ħadet post ix-​xemgħa, il-​fanal awtomatiku tal-​port ħa post il-​gwardjan robust tal-​fanal tal-​port,” tgħid il-​gazzetta Financial Post. Din tgħid ukoll li issa donnu anki l-​fanal awtomatiku tal-​port dalwaqt ma jibqax jeżisti iktar. Fanal modern tal-​port jitfaʼ dawl qawwi li jistaʼ jidher minn 32 kilometru ’l bogħod mill-​baħar. Ukoll ikollu tip taʼ suffara awtomatika għal meta jaqaʼ ċ-​ċpar sabiex twissi lill-​baħrin li jinsabu viċin taʼ l-​art. Madankollu, it-​teknoloġija tas-​satelliti tgħin lill-​baħrin isibu l-​post eżatt fejn ikunu. Issa l-​vapuri huma mgħammrin b’sistemi li juruhom il-​pożizzjoni tagħhom ikunu fejn ikunu fid-​dinja, u dawn iservu bħala għajnejn għall-​bastiment meta l-​ekwipaġġ ma jkunx jistaʼ jara x’hemm quddiemu. Mike Clements, il-​maniġer tal-​programm tal-​Gwardja Kostali Kanadiża fil-​belt taʼ St. John, Newfoundland, jgħid li dawn is-​sistemi “għandhom mnejn iħallu l-​fanali tal-​port bla xogħol. M’hemm xejn li jistaʼ jitqabbel maʼ dawn [is-sistemi]. Ma tistax tbaħħar b’fanal tal-​port.”

Il-​Komunikazzjoni fit-​Trabi

“Bħalma t-​trabi taʼ ġenituri li jisimgħu jibdew ilabalbu fl-​età taʼ madwar sebaʼ xhur . . . , it-​tfal li jitrabbew ġo familja fejn il-​ġenituri jkunu neqsin mis-​smigħ ilabalbu fis-​silenzju b’idejhom u jimitaw il-​mod prinċipali taʼ komunikazzjoni tal-​ġenituri tagħhom,” anki jekk dawn it-​tfal ikunu jisimgħu, tgħid The Times taʼ Londra. Riċerka mmexxija mill-​Professoressa Laura Petitto fl-​Università taʼ McGill, f’Montreal, il-​Kanada, tissuġġerixxi li t-​trabi jitwieldu b’sensittività għar-​ritmi u l-​metodi differenti li jinsabu fil-​lingwi kollha, inkluż il-​lingwa bis-​sinjali. Hi tgħid li t-​trabi li jistgħu jisimgħu imma li jkollhom “ġenituri neqsin mis-​smigħ li jitkellmu bis-​sinjali jagħmlu tip speċjali taʼ mossi b’idejhom, b’mod speċifiku u ritmiku, li huwa distint minn ċaqliq ieħor taʼ l-​idejn. . . . Dan [hu] tlablib imma jsir b’idejhom.” It-​trabi li kellhom ġenituri li jużaw il-​lingwa bis-​sinjali pproduċew żewġ tipi taʼ ċaqliq bl-​idejn, filwaqt li dawk li l-​ġenituri tagħhom jitkellmu pproduċew tip wieħed biss. It-​tim taʼ riċerkaturi uża sistema li timmarka l-​pożizzjoni biex jikkalkulaw il-​mossi taċ-​ċaqliq taʼ l-​idejn tat-​trabi meta kellhom 6, 10, u 12-il xahar.

Pubblikati r-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet

“Iktar minn nofs seklu wara li nstabu r-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet f’għerien fid-​deżert tal-​Lhudija, l-​istudjużi qed jiċċelebraw il-​pubblikazzjoni taʼ l-​aħħar parti tat-​testi reliġjużi li għandhom 2,000 sena,” jgħid il-​U.S. News & World Report. Il-​pubblikazzjoni taʼ serje taʼ 37 volum tħabbret mill-​Professur Emanuel Tov, li mexxa t-​tim taʼ studjużi li analizza r-​rombli. Ix-​xogħol tlesta bis-​saħħa tat-​teknoloġija moderna, inkluż il-​fotografija b’kamera diġitali u l-​multispectral imaging (immaġnijiet li juru l-​ispettru taʼ dawl viżibbli u dak bl-​infrared ukoll). Dan għen lill-​istudjużi biex jidentifikaw il-​kitba li kienet iċċarat biż-​żmien. Il-​kitbiet, li ġew tradotti mill-​Ebrajk, l-​Aramajk, il-​Grieg, u l-​Latin, huma datati mis-​sena 250 Q.E.K. sas-​sena 70 E.K.

Ikampaw maʼ l-​Inċertezzi

Il-​bejgħ taʼ Bibbji mill-​membri taʼ l-​Għaqda Kristjana tal-​Bejjiegħa tal-​Kotba fil-​Kanada żdied bi 30 fil-​mija minn mindu seħħew l-​attakki terroristiċi fl-​Istati Uniti, tirrapporta l-​gazzetta Kanadiża Globe and Mail. “In-​nies qed ifittxu t-​tweġibiet,” tgħid Marlene Loghlin, direttriċi eżekuttiva taʼ l-​għaqda. “Fattur involut f’dan huwa s-​sens taʼ biżaʼ. Hemm ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba fil-​qlub u fl-​imħuħ tan-​nies.” Ir-​rapport iżid li anki ħwienet iżgħar tal-​kotba esperjenzaw “żjieda fil-​bejgħ taʼ kwalunkwe ħaġa bbażata fuq ir-​reliġjon li tistaʼ tgħin lin-​nies biex jifhmu l-​ġrajjiet traġiċi li seħħew.” Skond għalliema tat-​teoloġija fl-​Università taʼ Toronto, din hija reazzjoni komuni. Hi qalet: “Fi żminijiet taʼ inċertezza kbira, in-​nies jibdew jistaqsu mistoqsijiet reliġjużi bażiċi,” u “jistaʼ jkun t’għajnuna jekk tfittex it-​tweġibiet fil-​Bibbja.”

Ir-​Riskji Assoċjati mat-​Tipjip Passiv

Fil-​gazzetta Globe and Mail tal-​Kanada deher artiklu dwar it-​tipjip passiv ibbażat fuq studju li sar dan l-​aħħar fil-​Ġappun. L-​artiklu qal li individwu b’saħħtu li ma jpejjipx jistaʼ jagħmel ħsara lil qalbu jekk joqgħod ħdejn xi ħadd ipejjep, anki jekk għal nofs siegħa biss. Ir-​riċerkaturi fl-​Università tal-​belt taʼ Osaka użaw teknoloġija ġdida bl-​ultrasawnd u rnexxielhom jikkalkulaw direttament l-​effetti ħżiena tat-​tipjip passiv fuq iċ-​ċelluli taʼ l-​endotelju li jinforraw it-​toqob fil-​qalb u l-​vini. Meta jkunu b’saħħithom, dawn iċ-​ċelluli jgħinu biex ikun hemm ċirkulazzjoni tajba tad-​demm billi ma jħallux li titrabba l-​ġebla mal-​ħitan tal-​vini, jew inkella li tifforma xi ċappa demm u ssodd il-​vini. Ir-​riċerkaturi sabu li ċ-​ċirkulazzjoni tad-​demm fil-​qalb taʼ min ma jpejjipx “kienet madwar 20 fil-​mija aħjar minn taʼ dawk li jpejpu. Imma wara li belgħu d-​duħħan taʼ xi ħadd ipejjep ħdejhom għal 30 minuta biss,” iċ-​ċirkulazzjoni tad-​demm tagħhom niżlet għall-​istess livell taʼ dawk li jpejpu. Skond ir-​riċerkatur Dr. Ryo Otsuka, “dan jipprovdi evidenza diretta li t-​tipjip passiv iħalli effett taʼ ħsara fuq iċ-​ċirkulazzjoni tal-​qalb taʼ dawk li ma jpejpux.”

Serq f’Isem Alla

“Fl-​20 sena li ilni uffiċjal li jassigura li l-​investimenti jsiru skond ir-​regolamenti, rajt iktar flus jinsterqu f’isem Alla milli b’xi mod ieħor,” tgħid Deborah Bortner, president taʼ l-​Assoċjazzjoni taʼ l-​Amministraturi għall-​Assigurazzjoni taʼ l-​Investimenti fl-​Amerika taʼ Fuq. Hi tgħid li meta xi ħadd jinvesti, dan m’għandux iserraħ moħħu u jafda sempliċement għax xi ħadd jipprova jipperswadih biex jinvesti billi jdaħħal fin-​nofs ir-​reliġjon jew it-​twemmin tiegħu. Skond ir-​rivista Christian Century, “f’dawn l-​aħħar tliet snin, uffiċjali li jassiguraw li l-​investimenti jsiru skond ir-​regolamenti f’27 stat ħadu azzjoni kontra mijiet taʼ individwi u kumpaniji li użaw twemmin spiritwali jew reliġjuż biex jiksbu l-​fiduċja taʼ l-​investituri. . . . F’każ magħruf ħafna li dam għaddej [iktar minn ħames snin],” fondazzjoni Protestanta “daħlet iktar minn $590 [Lm268] miljun mingħand ’il fuq minn 13,000 investitur mal-​pajjiż kollu. Il-​fondazzjoni kellha tingħalaq fl-​1999 mill-​uffiċjali tal-​kontroll governattivi u tlieta mill-​uffiċjali tagħha stqarrew li kienu ħatja taʼ akkużi taʼ frodi.” Tliet każi oħra “kienu responsabbli għal total taʼ $1.5 biljun [Lm681.8 miljun] f’telf taʼ flus,” tirrapporta l-​Christian Century.

Is-​Sħana Globali Qed Iżżid id-​Diżastri

“Wara li rrapportat żjieda kbira u f’daqqa fl-​ammont taʼ diżastri kaġunati mit-​temp lejn it-​tmiem tas-​snin 90,” is-​Soċjetà tas-​Salib l-​Aħmar tħoss li “l-​għajnuna internazzjonali mhux se jirnexxilha tlaħħaq maʼ l-​impatt tas-​sħana globali,” tgħid il-​Guardian Weekly tal-​Britannja. “Fir-​Rapport tad-​Diżastri tad-​Dinja annwali tagħha, il-​Federazzjoni Internazzjonali tas-​Soċjetajiet tas-​Salib l-​Aħmar u tan-​Nofs Qamar Aħmar, tgħid li l-​għargħar, il-​maltempati, il-​valangi tal-​ħamrija u n-​nixfa minħabba nuqqas taʼ xita, li kienu jgħoddu madwar 200 fis-​sena qabel l-​1996, żdiedu bil-​ħeffa għal 392 fis-​sena 2000.” Roger Bracke, il-​kap inkarigat fi ħdan il-​federazzjoni biex imexxi l-​operazzjonijiet taʼ għajnuna f’xi diżastru, wisq jibżaʼ li d-​diżastri naturali se jiżdiedu b’rata iktar spettakolari. Hu qal: “Xi mkien hemm limitu taʼ x’tistaʼ twettaq l-​għajnuna umanitarja; nibżgħu li xi darba għad naslu sal-​punt li ma nkunux nistgħu nipprovdu iktar għajnuna.” Skond il-​Guardian, “l-​għargħar effettwa iktar minn żewġ terzi mill-​[211-il miljun] ruħ li bħala medja ntlaqtu kull sena minn diżastri naturali matul dawn l-​aħħar għaxar snin. Il-​ġuħ kaġunat min-​nixfa effettwa lil kważi 20 fil-​mija minnhom, u kkaġuna l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​imwiet: madwar 42 fil-​mija mill-​imwiet kollha kaġunati minn diżastri naturali.”