Malti
It-Tfal Tiegħek Huma Protetti?
/assets/ct/7e6416ec85/images/syn_placeholder_sqr.png
g01 10/8 p. 24

It-Tfal Tiegħek Huma Protetti?

It-Tfal Tiegħek Huma Protetti?

Skond il-​U.S. National Highway Traffic Safety Administration (NHTSA), l-​inċidenti bil-​karozzi huma l-​kaġun ewlieni tal-​mewt fost it-​tfal taʼ bejn il-​5 u l-​14-il sena. In-​NHTSA tgħid: “Iktar minn 50% tat-​tfal li jmutu fl-​inċidenti ma jkunux marbutin [b’mezzi taʼ sigurtà]. Barra minn dawn, 4 minn kull 5 itfal ma jkunux marbutin kif suppost.”

Għal dawk li jkollhom magħhom it-​tfal waqt is-​sewqan, in-​NHTSA toffri numru taʼ pariri u twissijiet dwar kif jistgħu jipproteġuhom. Għalkemm il-​liġijiet ivarjaw minn pajjiż għal ieħor saħansitra minn stat għal stat, il-​ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-​tfal jagħmlu tajjeb li jaħsbu sew dwar dawn il-​linji taʼ gwida. Jekk jogħġbok, iċċekkja x’jgħidu l-​liġijiet tal-​lokal tiegħek u agħmel dak kollu li hu possibbli biex tipproteġi lill-​passiġġieri prezzjużi tiegħek!

PARIRI GĦAS-​SIGURTÀ

L-​iktar post bla periklu għat-​tfal kollha hu s-​seat taʼ wara.

1 It-​tfal ċkejknin għandhom jitpoġġew fuq is-​seat taʼ wara, f’siġġu għas-​sigurtà tat-​tfal (child seat) li jitqiegħed f’pożizzjoni li jħares lejn il-​wara tal-​karozza.

2 It-​tfal li jkollhom minn taʼ l-​inqas sena u jiżnu minn taʼ l-​inqas 9 kilogrammi jistgħu jitpoġġew f’siġġu li jitqiegħed f’pożizzjoni li jħares ’il quddiem.

3 Meta jkunu jiżnu 18-il kilogramma, it-​tfal jistgħu jużaw “booster seat”—siġġu li jitpoġġa fuq is-​seat tal-​karozza biex it-​tfal jogħlew ftit. Dan irid ikun marbut tajjeb biċ-​ċinturin tas-​sigurtà tal-​karozza.

4 Meta jkunu jiżnu madwar 36 kilogramma u jkollhom tul taʼ bejn wieħed u ieħor 140 ċentimetru, it-​tfal jistgħu jibdew jużaw iċ-​ċinturin tas-​sigurtà taʼ l-​adulti.

TWISSIJIET

It-​tfal m’għandhomx joqogħdu bil-​qiegħda fis-​seat taʼ quddiem tal-​karozza qabel ma jkollhom minn taʼ l-​inqas 13-il sena. L-​air bags jistgħu jikkaġunaw ġrieħi serji lit-​trabi u t-​tfal żgħar jekk ikunu bil-​qiegħda fis-​seat taʼ quddiem.

Meta jintuża booster seat, iċ-​ċinturin tas-​sigurtà tal-​karozza ma jipprovdix biżżejjed protezzjoni jekk il-​booster seat ma jkollux ilqugħ fuq quddiem li jżomm lit-​tifel milli jmur ’il quddiem b’xi skoss.

Taħsibx li biex tipproteġi lit-​tfal ċkejknin huwa biżżejjed li jintuża ċ-​ċinturin tas-​sigurtà tal-​karozza; f’każ taʼ ħabta, iċ-​ċinturin jistaʼ jaqtaʼ għonq it-​tfal u jikkaġuna ġrieħi serji jew saħansitra mewt.

Segwi sew l-​istruzzjonijiet meta tuża jew tqiegħed f’posthom iċ-​child seats. Skond in-​NHTSA, jistaʼ jkollok l-​iktar seat li joffri sigurtà iżda jekk ma tużahx sew m’huwiex se jipproteġi lit-​tfal tiegħek.

[Stampa f’paġna 24]

Sabiex tqiegħed child seat f’postu kif suppost trid taqfel tajjeb iċ-​ċinturin tas-​sigurtà