Malti
Nigglorifika l-Paċi Minflok il-Gwerra
/assets/ct/d71826a198/images/syn_placeholder_sqr.png
g01 4/8 pp. 14-16

Nigglorifika l-Paċi Minflok il-Gwerra

Nigglorifika l-Paċi Minflok il-Gwerra

KIF RAKKONTAT MINN DOROTHY HORLE

Fl-​1919 twelidt f’familja Kattolika Taljana f’Wilmington, Delaware, l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika. Il-​ġenituri tiegħi qatt ma kienu jmorru l-​quddies, imma minkejja dan kienu jibagħtu lili u liż-​żewġ ħuti l-​bniet. Il-​knejjes kbar ferm kienu jimpressjonawni bl-​arkitettura, l-​istatwi, u t-​tiżjin taʼ l-​għaġeb tagħhom.

HEKK kif gerbu s-​snin, jien tlift l-​interess li kelli fil-​Kattoliċiżmu. Il-​knisja qatt ma kienet tenfasizza dwar il-​Bibbja, imma missieri kien jirrispettaha bil-​kbir u kien jaqraha regolarment. Il-​bullettini tal-​knisja kienu jinkwetawni għax kienu jsemmu b’isimhom lil min ta l-​flus u kemm ta. Kien hemm ukoll ħafna għajdut dwar qassisin stinati. Sakemm kelli 15-il sena ma kontx għadni nipprattika l-​Kattoliċiżmu. B’hekk, kelli iktar ħin biex nitħarreġ fl-​arti.

Karriera fl-​Arti

Fl-​1940, meta kelli 21 sena, iżżewwiġt lil William Horle, żagħżugħ li l-​hena tiegħu kienet li jpinġi kwalunkwe ħaġa li kellha x’taqsam mal-​militar—ajruplani, suldati, xkubetti, vapuri. Bill kien kuntent li jien kont inpitter, u xtrali l-​ewwel sett taʼ kuluri taż-​żejt li kelli. Bdejt nitgħallem it-​tekniki li kienu jużaw il-​pitturi l-​kbar tal-​passat.

Wara xi sentejn li konna ilna miżżewġin, Bill qabad id-​delizzju li jibni statwetti żgħar taċ-​ċomb dwar il-​militar. Ġugarelli taʼ suldati żgħar taċ-​ċomb? Lanqas xejn! Hu xtaq jipproduċi biċċiet taʼ xogħol artistiċi li kienu awtentiċi. Ħaddiema oħrajn tas-​sengħa kienu jaħdmu bil-​plastika, bl-​injam, jew bil-​ġibs, imma ċ-​ċomb kien ideali ferm minħabba l-​fatt li Bill kien imħarreġ fuq il-​magni bħala makkinist.

Kien jiddisinja figurin, jagħmel forma tiegħu, u mbagħad isawwab iċ-​ċomb fil-​forma biex jagħmel il-​figurin. Maż-​żmien, sar tas-​sengħa mhux ħażin f’li jgħaqqad il-​partijiet li jkun għamel forma tagħhom, jissaldjahom, jillimahom, u jippolixxjahom. Iktar ’il quddiem, flok il-​forom tal-​ġibs verġni beda juża forom magħmulin minn taħlita li jużaw id-​dentisti. Permezz tagħha setaʼ jirfina iktar fl-​irtokki.

Wara li kull parti solida tal-​metall kienet tkun lesta, jien kelli l-​biċċa xogħol li nżid l-​aħħar irtokki. Permezz taʼ riċerka fil-​fond, sibna deskrizzjonijiet taʼ uniformijiet antiki tal-​militar—sal-​buttuni, lazzijiet, badges tar-​rank, u kuluri.

Bl-għajnuna tal-​lenti, kont napplika l-​kuluri taż-​żejt u l-​kuluri magħmulin biex jaqbdu mal-​metall. Dan kien jagħti l-​ħajja lill-​figurini tagħna. Mill-​kantina żgħira tagħna f’Filadelfja, Pennsylvania, ħloqna Indjani Amerikani, suldati tal-​Gwerra Ċivili, Marines Amerikani, żwiemel u rikkieba taʼ Napuljun, Mammaloki Eġizzjani, Żwavi Alġerini, u oħrajn.

Imbagħad il-​Korp tal-​Marines Amerikan stieden lil Bill biex joħloq rappreżentazzjoni taʼ l-​ewwel forzi speċjali tal-​kavallerija li ntbagħtu bil-​baħar lejn Peking (issa Beijing), fiċ-​Ċina, qabel l-​1939. Ħdimna bla heda fuq dan il-​proġett, u fl-​1954 ippreżentajnieh lis-​Smithsonian Institution f’Washington, D.C. Xi snin wara, il-​President Lyndon Johnson talabna jekk setgħux jieħdu din l-​esibizzjoni u jpoġġuha fil-​White House. M’għandniex xi ngħidu, aħna aċċettajna.

Il-figurini tagħna qatt ma begħniehom, imma Bill ta mijiet minnhom bħala rigal. Kienu jfaħħruna ħafna f’kotba dwar figurini tas-​suldati. Xogħolna ntwera fil-​Fiera Dinjija taʼ l-​1965 fi Flushing Meadow, fi Queens, New York. Kien hemm mużewijiet li talbuna nagħtuhom il-​figurini tagħna. Bruce Catton, kittieb taʼ l-​istorja tal-​Gwerra Ċivili Amerikana, uża ħafna dijorami u figurini biex jużahom fl-​istampi tal-​kotba tiegħu.

Bdew Iqumu Mistoqsijiet dwar il-​Ħajja

Madankollu, sakemm ġejt biex nagħlaq l-​40, l-​affarijiet inbidlu għalija. Beda jkolli mistoqsijiet dwar Alla. Darba waħda f’jum il-​Milied, ħamest itfal Kattoliċi mietu maħruqin meta d-​dar qabdet waqt li l-​ġenituri tagħhom kienu l-​knisja. Jien ħsibt, ‘Kif jistaʼ Alla jippermetti dan f’jum twelidu?’ Rajt ktieb li rrakkonta dwar il-​ħruxijiet taʼ l-​Olokawst tal-​Lhud. Dawn il-​ġrajjiet u oħrajn li kienu qed iseħħu fid-​dinja ġagħluni nistaqsi, ‘Fejn hu Alla? Mhux qed jagħmel li suppost!’

Mill-eżempju li kien tani missieri kmieni f’ħajti, ħassejt li t-​tweġiba kellha tkun fil-​Bibbja. Allura mort fid-​dar parrokkjali Kattolika li kien hemm ħdejn id-​dar tagħna f’Filadelfja u għamilt appuntament maʼ qassis biex niddiskuti l-​Bibbja. Domt nistenna tgħidx kemm, imma ma deherx. Kull ġimgħa, għal erbaʼ ġimgħat, kont immur nistenna fid-​dar parrokkjali imma qatt ma kelli diskussjoni waħda mal-​qassis.

Lejla waħda, tant kont iddisprata li ħarist ’il fuq lejn is-​sema u tlabt: “Ma nafx min int. Ma nafx maʼ liema reliġjon qiegħed, imma naf li teżisti. Jekk jogħġbok ħallini nsir nafek!” Ftit taż-​żmien wara, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew iħabbtuli l-​bieb.

Minn żmien għall-​ieħor, kont nara lix-​Xhieda jipparkjaw il-​karozzi tagħhom, joħorġu, u jmorru jħabbtu bibien differenti. Għalkemm ma kont naf xejn dwarhom jew għala kienu jiġu, ix-​xogħol tagħhom kien jinteressani.

Dik il-​ġurnata fl-​1961 meta ġew ix-​Xhieda, kont dipressa għax ma kont wasalt imkien fit-​tfittxija tiegħi għal Alla. Kif kont qed naħsel il-​bieb taʼ barra tad-​dar, waħda mara taʼ mezz’età jisimha Marge Brion telgħet it-​taraġ tal-​parapett u sellmitli. Jien lanqas biss dort biex nuriha li indunajt biha. Imma malli bdiet titkellem dwar kif l-​art kellha tinbidel f’ġenna sabiħa, jien qgħadt nismaʼ kull kelma li kienet qed tgħid. Fl-​aħħar hi staqsietni, “Qegħda tismagħni?”

Irrepetejtilha dak kollu li qalet, inkluż il-​vers li kkwotatli mill-​Bibbja f’Isaija 55:11. Imbagħad dort, qbadtha minn driegħha, u għedtilha, “Idħol ġewwa!” Hi tatni l-​ewwel Bibbja tiegħi u l-​ktieb għall-​istudju tal-​Bibbja li jismu From Paradise Lost to Paradise Regained. Offrietli wkoll diskussjoni regulari tal-​Bibbja—eżatt it-​tip taʼ studju li kont nispera li se tagħtini l-​Knisja Kattolika.

Kien ikolli żewġ sessjonijiet taʼ studju tal-​Bibbja kull ġimgħa, u għalhekk għamilt progress mgħaġġel. Wara ftit taż-​żmien kont ċerta li sibt il-​verità. Li nitgħallem l-​isem t’Alla, Jehovah, kienet esperjenza emozzjonali ħafna għalija. (Salm 83:19 [83:18, NW]) Immaġina—dan kien dak Alla li kont ilni nixtieq insir nafu minn mindu kont għadni żgħira! Tgħallimt ukoll li Ibnu, Ġesù Kristu, mhux parti minn xi trinità misterjuża bi tliet allat f’alla wieħed. (Ġwann 14:28) Ma domtx wisq ma bdejt nattendi l-​laqgħat Kristjani tax-​Xhieda taʼ Jehovah u xtaqt insir proklamatriċi full-time tal-​messaġġ tal-​Bibbja.

Nagħmel Għażliet Importanti

Issa l-​akbar prova kienet għadha ġejja. Kont jien se ntemm it-​tim artistiku taʼ William u Dorothy Horle? Kif stajt naqdi lil Alla tas-​sliem u lil Ibnu, il-​Prinċep tas-​sliem, waqt li nigglorifika l-​gwerra fl-​arti? (Isaija 9:5 [9:6, NW]) Jehovah ma wegħedx li kien se ‘jwaqqaf il-​gwerer sa truf l-​art’? (Salm 46:10 [46:9, NW]) Allura għala nirrepeti xi ħaġa li Alla se jeqridha? U Isaija ma pprofetizzax li n-​nies t’Alla kellhom “jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet” u ma jitgħallmux iktar il-​gwerra? (Isaija 2:4) Ħsibt ħafna dwar dan u tlabt fit-​tul u b’qalbi kollha. “Ma nistax nibqaʼ niżbogħhom!” kienet id-deċiżjoni tiegħi. Fil-​25 t’April, 1964, issimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi lil Alla Jehovah bil-​magħmudija taʼ l-​ilma.

Bill taʼ sikwit kien jgħidli kemm jiddispjaċih li xi darba kellna ninfirdu fil-​mewt. Meta bdejt nistudja l-​Bibbja, kont ngħidlu: “Bill, nistgħu ngħixu għal dejjem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla!” (Isaija 25:8; Apokalissi 21:4, 5) Ħasibni ġġennint. Meta spjegajtlu għala ma stajtx inkompli niżbogħ figurini militari minħabba l-​kuxjenza tiegħi, hu tgħidx kemm irrabja u hedded li jitlaqni. Iktar tard hekk għamel.

Bill ipproduċa figurini militari waħdu għal ħafna snin. Imma ma marx joqgħod ’il bogħod wisq, u kien dejjem jappoġġana, kemm lili u kemm lit-​tifel tagħna, Craig, li kien twieled fl-​1942. Fl-​1988, Billi ġie lura, u bqajna flimkien għal għaxar snin, sa mewtu.

Sadattant, fl-​1966, wettaqt il-​mira tiegħi li nsir pijuniera. Minn dakinhar ’l hawn, qatt ma ħarist lura. Kelli l-​privileġġ li nistudja l-​Bibbja m’oħti l-​kbira. Hi aċċettat it-​tagħlim li hemm fiha, u għadha Xhud attiv sal-​lum. Missieri semaʼ l-​messaġġ tal-​Bibbja u fi żmien ġimagħtejn beda jattendi l-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna. Taʼ 75 sena tgħammed, u baqaʼ leali lejn Alla sakemm miet taʼ 81 sena. Ommi wkoll aċċettat lil Jehovah bħala Alla tagħha, għalkemm mietet qabel ma ddedikat ruħha. Kellha kważi 94 sena.

Matul is-​snin, Jehovah, Alla tas-​sliem, berikni ferm. Issa, taʼ 81 sena, għadni pijuniera, għalkemm inbati biex nimxi. Jien inħossni bħalma ħassu l-​appostlu Pawlu, li kiteb: “Niżżi ħajr lil Kristu Ġesù Sidna, li tani l-​qawwa għal dan ix-​xogħol u li deherlu li kienet tistħoqqli l-​fiduċja tiegħu u għamilni ministru tiegħu.” (1 Timotju 1:12) Kemm kien glorjuż dan il-​ministeru! Ħafna minn dawk li studjajt il-​Bibbja magħhom għamlu sagrifiċċji huma stess biex jaqdu lil Alla tagħna tant ħanin.

Jiddispjaċini ferm li mhux il-​membri kollha tal-​familja tiegħi aċċettaw il-​verità tal-​Bibbja. Forsi ’l quddiem ikun hemm iktar min jaċċettaha. Imma fil-​każ tiegħi, kliem Ġesù kien veru li d-​dixxipli tiegħu kellhom jirċievu “għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subjien u bniet, ommijiet, ulied.” (Mark 10:30) Verament, Jehovah għamilni sinjura. X’unur u x’ferħ ġabli li nibdel il-​fama u l-​gwerra u nagħżel lil Alla u l-​paċi!

[Stampa f’paġna 14]

Mal-​Ġeneral L. C. Shepherd, Jr., fl-​1954

[Sors]

Defense Dept. photo (Marine Corps)

[Stampa f’paġna 15]

(Daqs attwali)

[Stampa f’paġna 16]

Għandi 81 sena u ili pijuniera għal iktar minn 30 sena