LEZZJONI 29

X’Jiġri Meta Mmutu?

X’Jiġri Meta Mmutu?

Ġieli miet xi ħadd li tħobb ħafna? F’dak iż-​żmien diffiċli, forsi taħseb: ‘X’jiġri meta mmutu? Qatt se nerġgħu naraw lil tal-​familja jew ħbieb li mietu?’ F’dil-​lezzjoni u li jmiss, il-​Bibbja se tagħtik tweġibiet li jtuk tama.

1. X’jiġri meta mmutu?

Ġesù qabbel il-​mewt maʼ raqda fil-​fond. Xi ħadd li jkun rieqed fil-​fond ma jkunx jaf x’qed jiġri madwaru. Allura l-​mewt kif tixbah raqda? Wara li jmut xi ħadd, hu ma jkun jaf xejn, ma jħossx uġigħ u lanqas tbatija. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​mejtin ma jafu assolutament xejn.”​—Aqra Ekkleżjasti 9:5.

2. Kif tgħinna l-​verità dwar il-​mewt?

Ħafna nies jibżgħu mill-​mewt u anki minn dawk li mietu! Imma dak li tgħid il-​Bibbja se jgħinek. Ġesù qal: “Il-​verità teħliskom.” (Ġwanni 8:32) Xi reliġjonijiet jgħallmu li xi ħaġa minna tibqaʼ ħajja wara li mmutu. Imma l-​Bibbja mhux hekk tgħallimna. Mela dan jurina li ħadd ma jbati wara li jmut. U peress li l-​mejtin ma jafu xejn, m’hemmx għalfejn inqimuhom jew noffrulhom affarijiet biex ma jweġġgħuniex. Lanqas m’hemm għalfejn nitolbu għalihom.

Xi nies jgħidu li jistgħu jitkellmu mal-​mejtin. Imma dan mhux possibbli. Bħalma tgħallimna, il-​mejtin “ma jafu assolutament xejn.” Dawk li jaħsbu li qed jitkellmu mal-​mejtin, fir-​realtà jkunu qed jitkellmu mad-​dimonji li jagħmluha taʼ dawn il-​mejtin. Allura li nafu l-​verità dwar il-​mejtin se jipproteġina mid-​dimonji. Ġeħova jwissina biex ma nitkellmux mal-​mejtin, għax jaf li hu perikoluż meta nitkellmu mad-​dimonji.​—Aqra Dewteronomju 18:​10-​12.

TGĦALLEM IŻJED

Sir af iktar x’tgħid il-​Bibbja dwar il-​mejtin. Saħħaħ il-​fidi tiegħek f’Alla li jħobbna u li ma jikkastigax lill-​mejtin.

3. X’jiġri mill-​mejtin?

Skont minn fejn ġejjin, in-​nies jemmnu b’mod differenti x’jiġri mill-​mejtin. Imma mhux kulma jemmnu hu veru.

  • In-​nies fejn toqgħod int, x’jemmnu dwar il-​mejtin?

Ara l-​VIDJOW biex titgħallem x’tgħid il-​Bibbja.

Aqra Ekkleżjasti 3:​20, u mbagħad iddiskuti:

  • Skont dal-​vers, x’jiġri mill-​persuna li tmut?

  • Hemm xi ħaġa li tibqaʼ ħajja wara li persuna tmut?

Il-​Bibbja tgħidilna dwar il-​mewt taʼ Lazzru, ħabib kbir taʼ Ġesù. Hekk kif taqra Ġwanni 11:​11-​14, innota x’qal Ġesù dwar Lazzru. Imbagħad iddiskuti dal-​mistoqsijiet:

  • Ġesù maʼ xiex qabbel il-​mewt?

  • Dan x’jgħallimna dwar il-​mejtin?

  • Taħseb li dak li tgħid il-​Bibbja dwar il-​mejtin jagħmel sens? Għala taħseb hekk?

4. Il-​verità dwar il-​mewt tgħinna

Meta nkunu nafu l-​verità dwar il-​mewt, tgħinna ma nibżgħux mill-​mejtin. Aqra Ekkleżjasti 9:​10, u mbagħad iddiskuti:

  • Il-​mejtin jistgħu jweġġgħuna?

Meta nemmnu l-​verità mill-​Bibbja, aħna mhux se nemmnu li għandna nqimu jew noffru affarijiet lill-​mejtin biex ma jweġġgħuniex. Dan it-​tagħlim hu gidba. Aqra Isaija 8:19 u Rivelazzjoni 4:​11, u mbagħad iddiskuti:

  • Ġeħova x’jaħseb dwar xi ħadd li jqim il-​mejtin jew ifittex l-​għajnuna tagħhom?

Il-​verità dwar il-​mejtin teħlisna minn drawwiet li ma jogħġbux lil Ġeħova

5. Aħna nħossuna aħjar meta nitgħallmu l-​verità dwar il-​mejtin

Ħafna nies tgħallmu li meta jmutu se jkollhom ibatu talli għamlu affarijiet ħżiena fil-​passat. Imma aħna kuntenti li nafu li ħadd ma jbati wara li jmut, lanqas dawk li għamlu ħafna affarijiet ħżiena. Aqra Rumani 6:​7, u mbagħad iddiskuti:

  • Skont il-​Bibbja, persuna li tmut tinħeles mid-​dnub. Taħseb li hemm xi ħadd mejjet li qed ibati minħabba l-​iżbalji li għamel?

Iktar ma nsiru nafu lil Ġeħova, iktar se nifhmu li hu qatt ma jrid il-​mejtin ibatu. Aqra Dewteronomju 32:4 u l-1 Ġwanni 4:​8, u mbagħad iddiskuti:

  • Taħseb li Alla b’dawn il-​kwalitajiet qatt se jħalli l-​mejtin ibatu?

  • Taħseb li l-​verità dwar il-​mejtin se tgħinek tħossok aħjar? Għala taħseb hekk?

ĦAFNA JGĦIDU: “Ma nafx x’jiġri meta mmutu. Li naf hu, li ħadd ma ġie lura wara li miet.”

  • X’versi mill-​Bibbja tistaʼ turi biex tgħinhom?

XI DDISKUTEJNA?

Meta xi ħadd imut, ħajtu tieqaf hemm. Il-​mejtin ma jistgħux ibatu u lanqas iweġġgħu lil xi ħadd.

X’Tgħallimt

  • X’jiġri meta mmutu?

  • Kif tgħinna l-​verità dwar il-​mejtin?

  • Kif inħossuna aħjar bil-​verità dwar il-​mejtin?

Ipprova Dan

ARA IŻJED

Ifhem xi tfisser il-​kelma “ruħ” fil-​Bibbja.

“X’inhi r-​ruħ?” (Artiklu fuq jw.org)

Sir af jekk Alla jibgħatx il-​ħżiena fl-​infern.

L-​Infern Vera Jeżisti? (3:07)

Sir af kif ħassu raġel meta tgħallem il-​verità dwar il-​mejtin.

“I Was Impressed by the Bible’s Clear, Logical Answers” (The Watchtower, February 1, 2015)