Hu Dan l-Iskop t’Alla?
Hu Dan l-Iskop t’Alla?
AQRA liema gazzetta trid. Ara t-televixin, jew ismaʼ r-radju. Ħlief aħbarijiet dwar id-delitti, il-gwerer, u t-terroriżmu ma ssibx! Aħseb ftit dwar l-inkwiet tiegħek stess. Forsi tħossok imnikket ħafna minħabba xi marda jew il-mewt taʼ xi ħadd għażiż għalik. Forsi qed tħossok bħalma ħassu r-raġel twajjeb Ġob, li qal li kien “mgħargħar fin-niket.”—Ġob 10:15.
Staqsi lilek innifsek:
▪ Hu dan l-iskop t’Alla għalija u għall-bqija tal-bnedmin?
▪ Fejn nistaʼ nsib għajnuna biex inkampa mal-problemi tiegħi?
▪ Hemm xi tama li qatt naraw il-paċi fuq l-art?
Il-Bibbja tipprovdi tweġibiet sodisfaċenti għal dawn il-mistoqsijiet.
IL-BIBBJA TGĦALLEM LI ALLA SE JĠIB DAWN IL-BIDLIET FUQ L-ART.
“Jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Rivelazzjoni 21:4
“Iz-zopp [se] jaqbeż bħal għażżiela.”—Isaija 35:6
“Jinfetħu għajnejn l-għomja.”—Isaija 35:5
“Dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira . . . joħorġu.”—“Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24
“Ikun kotran il-qamħ fuq l-art.” —Salm 72:16
IBBENEFIKA MINN DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA
Taqbadx u tgħid li dak li ssemma fil-paġni taʼ qabel hu biss ħolma li ma tistax isseħħ. Alla wiegħed li se jwettaq dawn il-wegħdi, u l-Bibbja tispjega kif se jagħmel dan.
Però l-Bibbja twiegħed iktar minn hekk. Tipprovdi s-soluzzjoni biex int tgawdi ħajja sodisfaċenti saħansitra minn issa. Aħseb ftit dwar l-ansjetajiet u l-inkwiet li għandek int stess. Dawn jistgħu jinkludu problemi taʼ flus, problemi fil-familja, mard, jew il-mewt taʼ xi ħadd għażiż għalik. Il-Bibbja tistaʼ tgħinek tkampa mal-problemi taʼ llum, u tistaʼ ttaffilek id-dwejjaq billi twieġeb mistoqsijiet bħal dawn:
▪ Għala nsofru?
▪ Kif nistgħu nkampaw maʼ l-ansjetajiet tal-ħajja?
▪ Kif jistaʼ jkollna ħajja tal-familja iktar ferħana?
▪ X’jiġrilna meta mmutu?
▪ Qatt se nerġgħu narawhom lill-għeżież tagħna li mietu?
▪ Kif nistgħu nkunu żguri li Alla se jwettaq il-wegħdi tiegħu għall-futur?
Il-fatt li qed taqra dan il-ktieb juri li int tixtieq tkun taf x’tgħallem il-Bibbja. Dan il-ktieb se jgħinek. Innota li hemm il-mistoqsijiet ibbażati fuq il-paragrafi fin-naħa t’isfel tal-paġna. Miljuni taʼ nies ħadu gost jużaw il-metodu taʼ studju permezz taʼ mistoqsija u tweġiba meta ddiskutew il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Nittamaw li int ukoll. Jalla jkollok il-barka t’Alla hekk kif tgawdi l-esperjenza kommoventi u sodisfaċenti taʼ li ssir taf x’tgħallem verament il-Bibbja!
[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]
SIR AF IL-BIBBJA TIEGĦEK
IL-BIBBJA hi magħmula minn 66 ktieb li ftit minnhom huma ittri. Dawn huma maqsumin f’kapitli u versi li jagħmluha faċli biex tirreferi għalihom. Meta f’din il-pubblikazzjoni tara xi skrittura, l-ewwel numru wara l-isem jindika l-kapitlu tal-ktieb jew taʼ l-ittra fil-Bibbja, u n-numru li jiġi wara jirreferi għall-vers. Per eżempju, jekk tara t-“2 Timotju 3:16” tkun it-tieni ittra lil Timotju, kapitlu 3, vers 16.
Jekk tfittex l-iskritturi li hawn f’dan il-ktieb int malajr se ssir familjari mal-Bibbja. U xi ngħidu jekk tagħmel skeda biex tibda taqra l-Bibbja kuljum? Jekk taqra minn tlieta sa ħames kapitli kuljum jirnexxilek taqra l-Bibbja kollha f’sena.