Għandna Aħna Niċċelebraw il-Festi?
APPENDIĊI
Għandna Aħna Niċċelebraw il-Festi?
IL-BIBBJA m’hijiex is-sors li minnu ġejjin il-festi popolari reliġjużi u sekulari li jiġu ċelebrati f’ħafna partijiet tad-dinja llum. Mela, allura, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet minfejn joriġinaw? Jekk tistaʼ tmur tagħmel riċerka f’xi librerija, se ssibu interessanti li tara b’għajnejk x’jgħidu l-kotba taʼ referenza dwar il-festi li huma komuni fejn toqgħod int. Ikkunsidra ftit eżempji.
L-Għid. “M’hemm ebda indikazzjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-festa taʼ l-Għid fit-Testment il-Ġdid,” tistqarr The Encyclopædia Britannica. L-Għid kif beda? Dan għandu l-għeruq tiegħu fil-qima pagana. Filwaqt li din il-festa suppost tfakkar l-irxoxt taʼ Ġesù, l-użanzi assoċjati maʼ l-istaġun taʼ l-Għid m’humiex Kristjani. Per eżempju, rigward il-“fenek taʼ l-Għid” tant popolari, The Catholic Encyclopedia tgħid: “Il-fenek huwa simbolu pagan u minn dejjem kien simbolu tal-fertilità.”
Iċ-Ċelebrazzjonijiet tas-Sena l-Ġdida. Id-data u l-użanzi assoċjati maċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sena l-Ġdida jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Dwar l-oriġini taʼ din iċ-ċelebrazzjoni, The World Book Encyclopedia tgħid: “Il-ħakkiem Ruman Ġulju Ċesari stabbilixxa l-1 taʼ Jannar bħala l-Ewwel Jum tas-Sena fis-sena 46 Q.K. Ir-Rumani ddedikaw din il-ġurnata lil Ġanu, l-alla tar-rixtelli, bibien, u tal-bidu taʼ l-affarijiet. Ix-xahar taʼ Jannar issemma għal Ġanu, li kellu żewġ uċuħ—wieħed iħares ’il quddiem u ieħor lura.” Għalhekk, iċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sena l-Ġdida huma msejsin fuq tradizzjonijiet pagani.
Halloween. The Encyclopedia Americana tgħid: “Il-karatteristiċi taʼ l-użanzi konnessi maʼ Halloween ġejjin minn ċerimonja Druwida [saċerdozju Ċeltiku antik] fiż-żminijiet taʼ qabel il-Kristjanità. Iċ-Ċelti kellhom festi għal żewġ allat prinċipali—alla xemx u alla tal-mejtin . . . , li l-festa tiegħu kienet tinżamm fl-1 taʼ Novembru, il-bidu tas-Sena Ġdida Ċeltika. Il-festa tal-mejtin bil-mod il-mod ġiet imdaħħla fir-ritwali Kristjani.”
Festi Oħrajn. M’huwiex possibbli li niddiskutu l-festi kollha li jinżammu madwar id-dinja. Madankollu, il-festi li jagħtu ġieħ lill-bnedmin jew lill-organizzazzjonijiet magħmulin minnhom m’humiex aċċettabbli għal Ġeħova. (Ġeremija 17:5-7; Atti 10:25, 26) Żomm f’moħħok ukoll li l-oriġini taċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi tiddetermina jekk dawn jogħġbux lil Alla jew le. (Isaija 52:11; Rivelazzjoni 18:4) Il-prinċipji tal-Bibbja msemmijin f’Kapitlu 16 taʼ dan il-ktieb se jgħinuk tiddetermina kif Alla jħares lejn li wieħed jieħu sehem f’festi sekulari.